Id-Dottorat tal-ħajja


Xi grazzja li l-edukazzjoni terzjarja splodiet f’pajjiżna f’dawn l-aħħar tletin sena! Xi grazzja meta wieħed jara tant u tant studenti qed jidħlu jistudjaw fl-università! Sena aktar minn oħra! Ksur ta’ records wieħed f’wieħed! Xi grazzja li ħemel studenti qed jaqbdu l-edukazzjoni terzjarja!

Naf x’jiġifieri! Għax, għall-grazzja tal-Mulej, kelli l-grazzja li għamilt l-isbaħ tmien snin fl-università! Iva ħbieb! U, nista’ ngħid, li kienet tabilħaqq barka kbira għalija! Barka li, illum, wara daqshekk żmien, nista’ iva nerġa’ nidħol fiha, bil-kwiet u l-lajma kollha. Biex nerġa’ mill-ġdid nitbierek u biex il-Mulej ibierek biha lil dawk li Hu, ta’ Imgħallem li tabilħaqq Hu, irid ilaqqagħni magħhom!

Illum hawn ħafna iggradwati! Anki b’dottorat! Aqta’ kemm nieħu gost nara n-nies jġibu d-dottorat! F’jum il-gradwazzjoni għajnejja jiżolqu lejn il-lista tal-PH.D’s li jkun hemm imniżżla fil-ġurnali. Napprezza ħafna x-xogħol li dawn ħutna jkunu wettqu biex wasslu s’hemm. Mhux ċajta li ġġib dottorat! U anki jekk illum id-dottorati m’għadhomx daqshekk rari, de lux, għax u għall-grazzja tal-Mulej, in-numru kiber ġmielu ta’ min ġab dottorat, imma xorta mhux ċajta li ammont ta’ snin minn ħajtek jkunu letteralment mixrubin mir-riċerka. U riċerka mill-aktar rigoruża! Mela noqgħodu attenti qabel infajru u ngħidu li issa anki d-dottorati saru joħorġu bħall-pastizzi. Mhux daqshekk faċli l-affari!

Min iġib dottorat inneħħielu l-kappell. Għax ikun ħadem fuq li ħadem. Napprezza ħafna għax dawn it-talin ikunu saqqfu wiċċhom ma nafx ma’ min biex jfittxu l-għajnuna li jkollhom bżonn. Madankollu imma l-apprezzament ta’ dak li jkun ikun jista’ jikber l-għaliex, waqt li jkunu qiegħdin ifittxu l-għajnuna ta’ min jista’ jgħinhom b’daqshekk ma jsallbux lil ħaddieħor. Basta jaslu safejn jixtiequ u jridu. Inkella joħolqu rebus! Le! Imma l-għaqal, il-prudenza u l-karità jitolbu minnhom li japprezzaw il-limiti ta’ għajnuna li ħaddieħor, fil-limiti tiegħu, tassew jkun jista’ jagħtihom.

Illum hawn min qed tinżillu u tinżlilha għasel din tad-dottorat. Tant hu hekk li hawn min li issa tant kemm l-esperjenza għoġbietu u għoġbietha li taha u tagħtha għad-dottorat ukoll. Minn wieħed għall-ieħor! Alla jbierek! U jalla dejjem hekk! Imma, ngħid jien, x’jibqa’ minn dawk li, l-għaliex għandhom u daħlu b’ġenerożità kbira u mhux ħarbu mill-committments tal-ħajja, għalkemm ta’ bnedmin tad-demm u l-laħam u li għandhom qalb għax ħassew it-toqol tagħha, ma jistgħux jagħmlu dottorat? Dawn ma jistgħux ikollhom wieħed ukoll? Fi ftit kliem, x’jagħmel id-dottorat veru fil-ħajja?

Id-dizzjunarju ta’ Oxford jfisser il-kelma dottorat hekk: The highest degree awarded by a university faculty or other approved educational organization. B’ilsien omm li tagħtna isimha, din il-frażi tfisser: “l-ogħla grad mogħti minn fakultà ta’ università jew organizzazzjoni oħra approvata. Interessanti! Hawn qed nitħaddtu minn l-ogħla grad! Mela, aqwa minnu m’hemmx! Mhux biss. Imma dan l-ogħla grad huwa mogħti minn fakultà ta’ università. U, ngħid jien, fakultà x’inhi jekk mhux kapaċità? U din il-kapaċità hija parti minn organizzazzjoni edukattiva li hi approvata. U, nerġa’ naqbeż fl-istorja, min hi din l-organizzazzjoni approvata? U min japprovaha? U x’inhuma l-kriterji tal-approvazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni?

Darba, ħabib tiegħi, xi snin ilu, semmhieli frażi li għadha tidwi fija u tagħmilli xebgħa ġid sal-ġurnata mqaddsa tallum. Qalli: L-università tal-ħajja! Tajba din! Il-ħajja hi università! U tabilħaqq! Għax x’hawn aktar mill-ħajja? Żgur li xejn! Għalhekk, l-ebda organizzazzjoni ma tħaddan fiha tant u tant kapaċitajiet daqs il-ħajja! Għax il-ħajja, la hi mimlija bil-kapaċitajiet, hi miżgħuda iva bil-fakultajiet! Hawn min hu naġġar, mastrudaxxa, technician, mechanic, tellar, għalliem, professur, tabib, beautician, parrukkiel u parrukkiela, avukat, u l-bqija… Dawn, u oħrajn, mhux kollha fakultajiet? Mhux kollha ħiliet? Mela, jekk jien neċċella f’xi waħda minn dawn il-ħiliet minix intitolat u intitolata għad-dottorat? Sintendi, mill-università tal-ħajja?

Barra minhekk, dan il-ħabib antik kien semmihieli awtur Russu li tħaddet bil-bosta fuq l-università tal-ħajja. Qed nirreferi għall-magħruf kittieb tal-drammi Russi u ta’ stejjer qosra, Anton Chekhov (bir-Russu Антон Чехов). Fil-letteratura Russa Chekhov hu msemmi għall-istejjer fittizji. Imma ħej dak li qal mhu fittizju xejn! Anzi! Tmissu b’idejk! Dan Chekhov, li kien ukoll tabib, darba kiteb hekk: Il-medicina hija marti b’liġi u l-letteratura l-maħbuba tiegħi. Mela, dak li l-Ispirtu s-Santu nebbħu jikteb kien ġej mill-maħbuba tiegħu l-letteratura. Għalhekk dak li kiteb jagħmel sens!

Isimgħu x’qal dan id-duttur fl-università tal-ħajja! In-nies għandhom ikunu sbieħ f’kull mod, f’wiċċhom, fil-mod ta’ kif jilbsu, f’moħħhom u fil-qalba tal-ġewwieni tagħhom. Xi ġmiel! Taf li Chekhov imur ħarira ‘il bogħod minn Ġaħan tagħna? Għax il-libsa trid tkun sabiħa wkoll! U hekk, wara li l-qalb tkun sabiħa, bil-ħsibijiet li trawwen fiha u li dawn jistampaw ruħhom fi sbuħija vera fuq il-wiċċ, tant li l-Malti jgħid li l-wiċċ mera tal-qalb, imbagħad il-gwarniċ ta’ dan kollu hu l-ilbies eleganti ta’ barra wkoll.

Fl-aħħar nett, ma nistgħux le nieqfu fil-mixja tagħna li tkompli fit-tagħlim jekk ma nsemmux kapolavur ta’ sentenza ta’ Chekhov: It-tagħrif m’għandu l-ebda valur jekk ma tpoġġihx fil-prattika! X’raġel int Ton ħi! Għax qed tfakkarni li aktar ma studjajt aktar jien resposabbli li npoġġi dawk il-kotba fil-prattika! Għall-grazzja t’Alla imma l-aqwa ktieb għandu aċċess għalih kulħadd: il-ħajja! Nawguralek, bħalma nawgura lili nnifsi, li titgħallem u tpoġġi fil-prattika dak li titgħallem mill-ħajja! Għax, u wara kollox, dan hu l-veru u l-ogħla dottorat!

Awguri Dott!