It-Tbatijiet ta’ Kristu


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Qegħdin matul iż-żmien tar-Randan; żmien li noqorbu aktar lejn Alla billi nikkonvertu u nimmeditaw fuq il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu.

It-tbatija hija parti mill-ħajja ta’ kuljum. Kulħadd irid jgħaddi minn xi tbatija. Qawl Malti jgħidilna: “Min ma għandux salib għandu domna” jiġfieri t-tbatija tmiss lil kulħadd. Tant huwa hekk li anki Sidna Ġesù għadda wkoll mit-tbatija. U ma kinitx xi tbatija żgħira tant li fuq is-salib talab lil Alla il-għala kien telqu.

Alla ma jitlaq lil ħadd iżda bħal jinbena. Hekk it-tbatija nħossuha aktar iżda żgur Alla qatt ma huwa assenti mill-ħajja tagħna. Daqqa l-għajnuna ta’ Alla nħossuha u daqqa ma nħossuhiex iżda Alla huwa dejjem magħna. Dan tgħidulna l-Iskritttura stess: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlan, ma nibżax mill-ħsara,  għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni” (Salm 23,4).

Qaddisin kbar għaddew minn nixfa spiritwali kbira iżda huma ma qatgħewx qalbhom. Meta nesperjenzaw xi tbatija fil-ħajja tagħna għandna nħarsu lejn Ġesù msallab. Dan jagħmilna kuraġġ għax nipperswadu ruħna li anki Ġesù li huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem bata wkoll.

Hekk jew hekk irridu nbatu. Irridu jew ma rridux. Iżda għandna għażla quddiemna. Jew inbatu ma’ Kristu jew inbatu fid-disperazzjoni. Biex inbatu ma’ Kristu għandna bżonn l-għajnuna tiegħu li fl-ordni tal-grazzja mingħajru ma nistħgu nagħmlu xejn. Għalhekk nimmeditaw fuq il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu li ħelsuna mill-jasar u d-dnub.

Jekk nimmeditaw fuq is-salib mhuwiex biżżejjed. Xħin inħarsu lejn Ġesù Kurċifiss irridu nġibu quddiem għajnejna li Kristu wara tlitt ijiem qam mill-mewt glorjuż biex ma jmutx aktar. Hekk jiġri lilna fl-aħħar jum jekk inbatu ma’ Kristu.