It-tentazzjonijiet li niltaqgħu magħhom


Silta minn diskors tal-Papa Franġisku lis-Saċerdoti, Reliġjużi u Seminaristi fl-Eġittu fid-29 ta’ April 2017.  Fiha rrefera għal uħud mit-tentazzjonijiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum …

1- It-tentazzjoni li nħallu min ikaxkarna u ma niggwidawx. Ir-Ragħaj it-Tajjeb għandu d-dmir li jiggwida l-merħla (ara Ġw 10:3-4), li jmexxiha lejn mergħa friska u lejn l-għajn tal-ilma (ara Salm 23). Ma jistax iħalli l-qtigħ il-qalb u l-pessimiżmu jkaxkruh magħhom: “X’nista’ nagħmel?”. Dejjem hu mimli b’inizjattivi u bi kreattività, bħal għajn li tibqa’ tgelgel imqar fin-nixfa; dejjem għandu dik iż-żegħila ta’ faraġ imqar meta qalbu mkissra; hu missier meta wliedu jittrattawh bi gratitudni imma fuq kollox meta ma jkunux rikonoxxenti lejh (ara Lq 15:11-32). Il-fedeltà tagħna lejn il-Mulej qatt m’għandha tiddependi mill-gratitudni umana: “Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:4,6,18).

 

2- It-tentazzjoni li ngergru l-ħin kollu. Faċli nakkużaw dejjem lill-oħrajn, minħabba fin-nuqqasijiet tas-superjuri, minħabba l-kundizzjonijiet ekkleżjastiċi jew soċjali, minħabba fin-nuqqas ta’ possibbiltajiet… Imma l-ikkonsagrat hu dak li, bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu, jibdel kull xkiel f’opportunità, u mhux kull diffikultà fi skuża! Min dejjem igerger fir-realtà hu wieħed li ma jridx jaħdem. Għalhekk il-Mulej idur fuq ir-Ragħajja u jgħidilhom: “Erfgħu l-idejn merħija u l-irkupptejn mitluqa tagħkom” (Lhud 12:12; ara Is 35:3).

 

3- It-tentazzjoni taz-zekzik u tal-għira. U din hi kerha! Il-periklu hu serju meta l-ikkonsagrat, flok jgħin liċ-ċkejknin jikbru u jifirħu għas-suċċessi ta’ ħuthom, iħalli l-għira taħkmu u jsir wieħed li jidrob lill-oħrajn biz-zekzik tiegħu. Meta, flok jagħmel sforz biex jikber, jibda jeqred lil dawk li qed jikbru; flok jimxi fuq l-eżempji tajba, jiġġudikahom u jipprova jġib fix-xejn il-valur tagħhom. L-għira hi kankru li jirvina kull ġisem fi ftit ħin: “Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa” (Mk 3:24-24). Fil-fatt – tinsewhiex din! –, “bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja” (Għerf 2:24). U z-zekzik hu l-mezz u l-arma.

 

4- It-tentazzjoni li nqabblu ruħna ma’ oħrajn. L-għana qiegħed fid-diversità u fl-uniċità ta’ kull wieħed u waħda minna. Li noqogħdu nqabblu ruħna ma’ dawk li qegħdin aħjar minna spiss iwassalna biex naqgħu fil-korla; li nqabblu ruħna ma’ dawk li huma agħar minna spiss iwassalna biex naqgħu fis-suppervja u fl-għażż. Min tendenzjalment dejjem iqabbel lilu nnifsu ma’ oħrajn jispiċċa biex jipparalizza ruħu. Nitgħallmu minn San Pietru u San Pawl ngħixu d-diversità tal-karattri, tal-kariżmi u tal-fehmiet fis-smigħ u fid-doċilità għall-Ispirtu s-Santu.

 

5- It-tentazzjoni tal-“Faragħuniżmu” – qegħdin l-Eġittu! –, jiġifieri li nwebbsu qalbna u nagħlquha għall-Mulej u għal ħutna. Hi t-tentazzjoni li nħossuna fuq l-oħrajn u għalhekk li bil-vanaglorja tagħna nġibuhom tapit taħtna; li jkollna l-preżunzjoni li rridu min jaqdina flok naqdu aħna. Hi tentazzjoni li kienet komuni sa mill-bidu fost id-dixxipli, li – jgħid il-Vanġelu – “fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar” (Mk 9:34). Kontra dan il-velenu hemm il-kliem: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35).

 

6- It-tentazzjoni tal-individwaliżmu. Kif jgħid il-qawl magħruf Eġizzjan: “Jien, u warajja d-dilluvju”. Din hi t-tentazzjoni tal-egoisti li, fit-triq, jitilfu d-destinazzjoni u flok jaħsbu fl-oħrajn, jaħsbu biss fihom infushom, u ma tiġihom ebda mistħija għal dan, anzi, jiġġustifikaw ruħhom. Il-Knisja hi l-komunità tal-fidili, il-ġisem ta’ Kristu, fejn is-salvazzjoni ta’ membru hi marbuta mal-qdusija ta’ kulħadd (ara 1 Kor 12:12-27; Lumen gentium, 7). Imma l-individwalista hu raġuni ta’ skandlu u ta’ tilwim.

7- It-tentazzjoni li nimxu bla boxxla u bla destinazzjoni. L-ikkonsagrat jitlef l-identità tiegħu u jispiċċa biex ikun “la laħam u lanqas ħut”. Jgħix b’qalb maqsuma bejn Alla u l-mondanità. Jinsa l-ewwel imħabba tiegħu (ara Apok 2:4). Fir-realtà, bla identità ċara u soda l-ikkonsagrat jimxi bla orjentament ta’ xejn u flok jiggwida lill-oħrajn, igerrixhom. L-identità tagħkom bħala wlied tal-Knisja hi dik li tkunu Kopti – jiġifieri mniżżla sew fl-għeruq nobbli u qodma tagħkom – u li tkunu Kattoliċi – jiġifieri parti mill-Knisja waħda u universali: bħal siġra li iktar ma għandha għeruqha mniżżla ’l isfel fl-art, iżjed togħla ’l fuq lejn is-sema!

Ara l-filmat flimkien mad-diskors kollu tal-Papa Franġisku fil-Laikos …

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.