Xi tfisser id-deċiżjoni tal-Papa li jiftaħ l-arkivji ta’ Piju XII?


Il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu 2019: Kif diġà ħabbarna minn dan is-sit xi jiem ilu, il-Papa Franġisku ddeċieda favur il-ftuħ tal-arkivji tal-Pontifikat tal-Papa Piju XII. Dan l-arkivju enormi hu mifhum li fih mal-mija u ħamsin elf faxxiklu li jmorru lura għaż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Din id-deċiżjoni kienet ilha mistennija fid-dawl tal-kontroversja dwar l-allegat skiet ta’ Piju XII matul il-gwerra.

47765151_303.jpgIl-Papa Pawlu VI kien sfurzat iwieġeb għal dawn l-akkużi kontra Piju XII fis-snin sittin u għalhekk ħatar kummissjoni ta’ storiċi Ġiżwiti li kellha tippubblika dokumenti mill-arkivji tal-Vatikan u dawn id-dokumenti nġabru fi 11-il volum. Fl-2004, il-Papa Ġwanni Pawlu II fetaħ l-arkivji li kellhom tagħrif dwar il-priġunieri tal-gwerra iżda għad hemm vojt ta’ tagħrif dwar is-snin erbgħin u ħamsin.

Wieħed jistenna ħafna mill-ftuħ ta’ dawn l-arkivji, għaliex l-istorja qatt ma tista’ tkun studjata sew mingħajr aċċess għad-dokumentazzjoni kollha arkivjata.

Madankollu, wieħed ma jistax jorbot il-pontifikat ta’ Piju XII mal-Olokwast biss għaliex dan il-Papa kiteb bosta enċikliċi importanti kif ukoll kien hu li ħareġ il-proklama dwar id-domma tal-Assunta fl-1950.

X’se joħroġ mill-arkivji ħadd ma jaf, iżda dawk li qegħdin ifittxu xi tagħrif sensazzjonali hemm mnejn joħorġu diżappuntanti. Huwa minnu li Piju XII kien sieket dwar l-Olokawst iżda dan kien skiet ta’ turment u ma kellu l-ebda skop politiku jew skop anti-Semita.

Il-ħsieb li jinfethu l-arkivji nibet qabel ir-riżenja ta’ Benedittu Sittax. Fl-2006 kien talab ghat-tħejjija tagħhom qabel ma jinfetħu għaliex xtaq li jkun hemm trasparenza.

Fl-4 ta’ Marzu, il-Papa Franġisku qal li l-Knisja Kattolika mhijiex beżgħana mill-istorja tagħha, frażi li ntużat minn Papiet oħra qablu, fosthom il-Papa Ljun Tlettax.

Rapport tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.