Aħjar nemmen għax niġġennen!

Print Friendly, PDF & Email

Il-ħajja saret dik li hi. Tellieqa waħda. Mhux ta’ b’xejn li, l-Ispirtu s-Santu, lili jurini, u ngħid dan daqskemm nitolbu minn qalbi u bid-dmugħ iċarċar ma’ għajnejja, li l-ħajja saret ġennata waħda!

Għax, il-ħniena tal-Ispirtu s-Santu lejja, spiss turini kemm il-ħajja veru ġiet miġnuna. Fil-verità kollha għamilnieha ġennata waħda aħna stess. U, għamilnieha ġennata waħda l-għaliex imlejnieha sa ruħ ommha bl-affarijiet. Int ħu minn uliedna! Imsieken! X’ma nivvintawlhomx! Mela, barra li għandhom l-affarijiet tal-iskola issa għandhom ukoll jitħarrġu f’ma nafx kemm-il ħaġa oħra. Ibda’ mill-ballet, imbagħad il-football, u issokta semmi. U, ngħid jien, lil dawn l-imberkin tfal, x’messaġġ tassew qed ngħaddulhom dwar il-ħajja? Ikolli ngħid li qed ngħaddulhom messaġġ wieħed: ħajtek imlieha b’xebgħa affarijiet! Ħa jkollok x’tagħmel! Imma, u forsi, lil uliedna qed nitimgħuhom ħafna ħwejjeġ. Tajjeb naraw kemm qiegħdin tabilħaqq ngħinuhom jiggustawhom. Fi kliem ieħor, lil uliedna qiegħdin tassew ngħinuhom jirriflettuha l-ħajja? Kemm ir-riflessjoni tabilħaqq qiegħdha tagħmel parti minn ħajjithom?

Dan l-aspett huwa tabilħaqq importanti. L-għaliex, jekk ineħħuh minn ħajjitna, allura minn din ħajjitna, li tabilħaqq tgħaddi malajr, x’jibqagħlna? Huwa pożittiv li jien niġri minn ħaġa għall-oħra? Bla nifs? U ilsieni barra? U dejjem ma tistax tkellimni għax ejja ħa mmorru? U, ngħid jien, dan il-mod ta’ għejxien fejn se jwassalna? Se jġegħlna nħobbu tassew il-ħajja? Jew inkella l-ħajja se nibdew narawha biss bħala problema li rridu nsolvuha? Jagħmilli ġid meta ħajti nibdha norbotha ma’ problema? Li din il-problema jew tissolva inkella ħajti bye bye? Li jfisser li jekk ma jseħħx dak li ngħid jien allura hemm ir-riżenja, it-tluq u, f’estrem, nasal li nwettaq affarijiet oħra ta’ ħsara kbira għalija u li jaqsmu qlub dawk ta’ madwari bin-niket?

Issa l-għerq ta’ dan kollu minfejn hu ġej? Naqbel immens ma’ dak li kien jgħallem l-għaref Papa Emeritu Benedittu XVI meta, lilna s-saċerdoti kien qalilna dawn il-kelmiet tad-deheb fl-omelija tal-quddiesa tal-Griżma fil-Bażilika Vatikana ta’ nhar Ħamis ix-Xirka tat-13 t’April 2006:

L-attiviżmu sempliċi jistà jkun saħansitra erojku. Imma l-aġir etern, fl-aħħar minn l-aħħar, jibqà bla frott, jekk ma jitnissilx mill-komunjoni intima profonda ma’ Kristu. Iż-żmien li nimpenjaw għal dan huwa verament żmien ta’ attività pastorali, ta’ attività awtentikament pastorali. Is-saċerdot għandu jkun qabel kollox bniedem tat-talb. Id-dinja fl-attiviżmu frenetiku tagħha spiss titlef l-orjentament. L-aġir tagħha u l-ħiliet tagħha jsiru qerrieda, kemm-il darba jiġu nieqsa l-qawwiet tat-talb, li minnhom jirriżultaw l-ilmijiet tal-ħajja li għandhom il-ħila jiffertilizzaw l-art niexfa.

Dawn il-kelmiet-djamanti lili jkellmuni ħafna u ħafna. Għax, kif diġà għedt, huma mimlija tilja għerf il-Mulej. Faċli ħafna li persuna taħdem kemm tiflaħ. U, f’għajnejn dawk ta’ madwarha, aqta’ kemm tidher li hi kbira! Anzi: erojka! Issa dan il-fatt ma jirrikonixxihx biss Papa Benedittu XVI imma wkoll int u jien. Fil-fatt x’ngħidu għall-persuna li dejjem għaddejja: Alla jbierek! Kif tlaħħaq ma’ kollox?

Bil-mod sieħbi! Ejja ma ngħaġġlux! Int ejja mmorru għall-aġir intern, kif sejjaħlu tant tajjeb Papa Benedittu XVI. X’insibu f’dan l-aġir ta’ persuna li dejjem għaddejja u ma tieqafx biex issib ħin titlob? Li, minkejja dak ix-xogħol kollu li tagħmel, dan ix-xogħol jibqa’ mingħajr frott. U, jibqa’ mingħajr frott, l-għaliex il-persuna, biex tlaħħaq ma’ dak li trid tagħmel, taf taqa’ fl-attitudni ta’ Marta fil-vanġelu. Ejja ħa mmorru! Inkella naħtfek! Ma tistax tkellimni għax nibilgħek. Daqskemm għandi x’nagħmel. U kemm għad fadalli x’nagħmel!

Mela anki jekk qed nipprova nlaħħaq ma’ dak li għandi mniżżel fuq il-karta xorta waħda minix inħalli frott. Għax jien x’garanzija għandi li dak li għandi mniżżel fuq il-karta huwa tassew ġej mill-Mulej? Kemm, fil-fatt, l-affarijiet kollha li għandi mniżżlin fuq il-karta, huma tabilħaqq frott it-talb u l-għaqda tiegħi ma’ Kristu? Mela, u biex ngħid kollox, qabel bdejt għaddej u għaddejja bil-mija u bil-mitejn naħdem jien tlabt jew le? Ftaħt qalbi għall-Mulej ħa nara xi jrid minni li nagħmel jew inkella għaddast rasi fix-xogħol u ma tajtx każu?

Hawn hi t-traġedja ħbieb fis-soċjetà u anki fil-knisja: li jsiru ħafna u ħafna affarijiet! U ma nafx kemm l-inizjattivi! Imma, jekk dan ix-xogħol kollu ma jissaqqiex bit-talb allura x’ġid tabilħaqq qed iħalli? Għax il-ħajja lili kompletament tgħallimni li jekk ma jkollix tassew għaqda sħiħa ma’ Ġesù din se toħroġ ukoll mix-xogħol li nagħmel. L-ewwel nett fl-attitudnijiet tiegħi lejn l-oħrajn. Kif nista’ xogħli jkun effettiv jekk, biex nagħmlu, nidres lill-oħrajn l-għaliex naħtafhom u nidres fuqhom?

Meta fir-relazzjonijiet tiegħi mal-oħrajn minflok ma jiddux fija l-attitudnijiet ta’ l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan (Gal 5:22-23), mela l-frottijiet tal-Ispirtu s-Santu, allura xi ħaġa sejra tassew ħażin! Għax x’jiġri meta dawn l-attitudnijiet fija ma jidhrux? Jiġri li tibda’ tidħol il-korla u r-rabja li jibdew jittraduċu ruħhom fil-mod ta’ kif inġib ruħi mal-oħrajn. U, l-għerq tal-ħaġa jkun wieħed: għax inqtajt minn Dak li waħdu jista’ jagħtini l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. U meta dawn l-attudnijiet tad-deheb jisfaw nieqsa jiena letteralment niġġennen! Għax il-mewġa tax-xogħol taħkimni u tgħattini!

Ejja nirritorna għat-talb, li hu l-ilma veru tal-ħajja tiegħi, li għandu l-ħila jiffertilizza l-art niexfa ta’ ħajti. Għax, quddiem tant u tant sitwazzjonijiet tal-ħajja, x’nista’ nagħmel aħjar għajr li nemmen? Jekk ma rridx li niġġennen?

%d bloggers like this: