Il-miraklu tal-kooperazzjoni bbażat fuq ir-relazzjonijiet mhux fuq il-profitt


L-Erbgħa 20 ta’ Marzu 2019: “Il-miraklu tal-kooperazzjoni hu strateġija li tiftaħ bieb fil-ħajt ta’ folla indifferenti li teskludi lill-batut”. Hekk qal il-Papa Franġisku lill-membri tal-Konfederazzjoni tal-Kooperattivi Taljani li marru jżuruh fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fl-okkażżjoni tal-100 anniversarju mit-twaqqif tal-Konfederazzjoni.

Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li l-Papa qal li l-mudell kooperattiv jikkoreġi ċerti tendenzi assoċjati mal-kollettiviżmu u l-istatiżmu li kultant jeqirdu l-inizjattiva privata u fl-istess waqt, jwarrab it-tentazzjoni tal-individwaliżmu li hu assoċjat mal-liberaliżmu. Hu qal li l-muell kooperattiv hu “ispirat mit-tagħlim soċjali tal-Knisja”. 

Il-Papa nsista ma’ dawk preżenti li “viżjoni ta’ kooperazzjoni bażata fuq ir-relazzjonijiet u mhux fuq il-profitti, hi kontra l-mentalità tad-dinja tal-lum.  Hu biss billi niskopru li l-veru ġid tagħna hu fir-relazzjonijiet u mhux biss fl-oġġetti materjali, insibu modi alternattivi kif ngħixu f’soċjetà li m’hix immexxija mill-alla tal-flus li hu idolu li jiddiżappunta u jħallina nies inumani u injġusti”.

Skont Vatican News, Papa Franġisku enfasizza li l-aktar vantaġġi importanti tal-kooperazzjoni “hu li nirbħu is-solitudni li tagħmel ħajjitna infern. Meta l-bniedem iħossu waħdu, jesperjenza l-infern. Meta, min-naħa l-oħra, ma jħossux abbandunat allura jkun kapaċi jiffaċċja kull tip ta’ diffikulta. Għal din ir-raġuni”, kompla l-Papa, “il-bniedem għandu bżonn inizjattivi li li jiffaċċja flimkien mal-oħrajn dak li l-ħajja timponi. Meta nimxu u naħdmu flimkien, nesperjenzaw il-miraklu l-kbir tat-tama: kollox jerġa’ jibda jidher possibbli. F’dan is-sens, il-kooperazzjoni hi mod kif ikun hemm tama konkreta fil-ħajja tan-nies”.

Il-Papa qal li s-solidarjetà, tgħin lin-nies jistinkaw għal paga ġusta; tgħin lill-bdiewa li ma tantx huma megħjuna mis-swieq, biex ikunu parti minn komunità li ssaħħaħ u tgħinhom; tippermetti lis-sajjied jingħaqad ma’ grupp ta’ kollegi.

“Soċjetà li ssir bħal ħajt magħmul  minn massa ta’  individwi li ma jaħsbux u ma jaġixxux ta’ persuni, ma tkunx kapaċi tapprezza il-valur fundamentali tar-relazzjonijiet,” kompla Papa Franġisku.

Meta tkellem b’mod partikolari dwar il-mara fis-soċjetà, il-Papa qal li “fuq kollox huma n-nisa li fid-dinja globalizzata, jerfgħu l-piż tal-faqar materjali, l-eskulużjoni soċjali u l-emarġinazzjoni kulturali. Hu enfasizza li l-kwestjoni tan-nisa trid tkun waħda mill-prijoritajiet tal-proġetti kooperattivi tal-futur.”

Il-Papa temm jgħid li “qed ngħixu f’dinja li nħatfet mill-ġenn tal-pussess li ma jħalliniex nimxu bħala komunità.  Ix-xogħol li ilkom tagħmlu għal dawn l-aħħar 100 sena jfisser: relazzjonijiet flok individwaliżmu, ‘team-work’ flok tiftix tal-interessi personali, il-ġid komuni flok l-interessi tal-ftit”.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija