NISMA’, NISIMGĦEK, ISIMGĦUNI!


Il-Festa tal-Lunzjata – Kitba ta’ Fr Philip Cutajar ofm cap

The Annunciation 1894 Frederick James Shields[1]
25 ta’ Marzu: Il-Festa Tas-Sejħa ta’ Marija

Ninsabu fix-xahar sabiħ ta’ Marzu, meta nersqu lejn tmiem ix-xitwa u nidħlu fir-rebbiegħa. Proprju f’dan ix-xahar niċċelebraw festa li għalkemm bħala nsara-kattoliċi donnu ftit nagħtu każha, imma hija festa ta’ importanza kbira. Qed nirreferi għall-festa tal-Lunzjata, meta l-Arkanġlu Gabiriel ħabbar lill-Marija li kellha ssir Omm Alla u hi bl-‘iva’ tagħha nisslet f’ġufha lill-Iben ta’ Alla magħmul Bniedem. Festa li niċċelebraw nhar il-25 ta’ Marzu, festa li f’perijodu ta’ disa’ xhur twassalna għall-festa tal-Milied.

Mhiniex ser nikteb dwar il-Madonna….lanqas dwar il-kobor ta’ dan il-Misteru hekk imsejjaħ tal-Inkarnazzjonji…lanqas dwar il-kliem li f’forma ta’ djalogu għadda bejn Gabiriel u Marija. Imma nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar “l-arti tas-smiegħ”. U dan ser nagħmlu mnebbaħ minn dan ir-rakkont li San Luqa (Luqa 1, 26 -38) jagħtina meta jippreżentalna il-vokazzjoni ta’ Marija magħżula biex tkun Omm Alla u bħala konsegwenza wkoll Omm tagħna l-bnedmin. Marija li semmgħet u emmnet kull ma ntqal lilha min-naħa tal-Mulej.

I. KOLLOX JIBDA MIS-SMIEGĦ

Tajjeb li jkun hemm l-aħbar, il-messaġġ, il-katekeżi, l-għajta, l-istedina imma jekk għal dan kollu ma jkunx hemm il-widen, is-smiegħ u miegħu l-aċċettazzjoni, l-aħbar tisfa fix-xejn. Kif ngħidu ta’ spiss: ‘taqa’ fuq widnejn torox’. L-istess stedina tal-fidi tiġi mis-smiegħ hekk kif jgħidilna San Pawl: “Il-fidi mis-smiegħ u s-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla”. Fit-tifsira tal-vokabularju semitiku, inkluż il-malti li ‘tismà’ jfisser ukoll li tobdi. ‘Isma’ minni’ – ‘Ismagħni’ jfissru obdini, agħti każi. Imma ma nistax nobdi u nagħti każek jekk ma nisimgħekx u ma nisimgħekx b’attenzjoni kbira.

  • NIEĦU DEĊIŻJONI li niftaħ aktar widnejja biex nisma’ milli niftaħ ħalqi biex nitkellem. Nisma’ aktar, nitkellem inqas. 

 

II. FIL-ĦSIEB U L-LINGWAĠĠ BIBLIKU

Meta naqraw il-Kotba Mqaddsa dan il-verb li ‘TISMA’’ niltaqgħu miegħu f’kull paġna. U din hija realtà mill-aktar loġika għax Alla huwa dak li b’inizjattiva t’imħabba jitkellem mall-bniedem, u l-bniedem jisma’ u jwieġeb. Dan huwa id-djalogu etern bejn Alla u l-bniedem li nsibuh jiġri fil-paġni tal-Bibbja.

U li tisma’ leħen Alla u tobdih billi ma twebbisx qalbek jaqbel lilek. Meta tisma’ dak li Alla jrid minnek u tagħmlu, issib il-veru ferħ u paċi. Il-bniedem jasal biex jirrealizza lilu nnifsu meta jwettaq ir-rieda tal-Ħallieq.  Mela l-kapaċità li nisimgħu leħen Alla u ngħixuh għax fih niskopru r-rieda tiegħu għalina huwa għajn ta’ paċi, ferħ u armonija. Kemm huwa meħtieġ b’urġenza kbira li ma nħallux l-istorbju tad-dinja, storbu li hemm kemm ‘l barra minna u wkoll ġewwa fina, jfixkluna milli nisimgħu l-Mulej ikellimna.

Matul dan ix-xahar ukoll, eżattament fis-6 ta’ Marzu, nagħtu bidu għar-Randan Imqaddes. Dan huwa żmien ta’ preparazzjoni għall-festa tal-Ġimgħa l-Kbira fejn niċċelebraw il-Misteru tal-Għid Il-Kbir. Preparazzjoni li sseħħ f’mixja ta’ konverżjoni. Anke hawnhekk jidħol is-’smiegħ’… il-konverżjoni li ssir konkreta bil-qawwa tas-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla. Hu għalhekk li l-Knisja matul dan iż-żmien tar-Randan tistedinna għas-smiegħ tal-kelma ta’ Alla mhux biss fil-Liturġija tal-ħdud u l-ġranet l-oħra imma wkoll permezz tal-Eżerċizzi tar-Randan.

  • NIDDEĊIEDI U NITLOB: Mulej għini, biex fuq l-eżempju ta’ Maija f’Nazaret, niftaħ widnejja għall-Kelma tiegħek bil-għan li nħalliha tinżel f’qalbi billi naċċettaha u nħobbha u b’hekk inwettaqha.

III. NISIMGĦU LIL XULXIN

Aħna msejjħin sabiex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nwettquha: “Mhux min jgħid Mulej, Mulej jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, imma min jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jagħmilha” jgħidilna Ġesù. Wara dan  imiss li ngħaddu għat-tieni dmir tagħna, jiġifieri dak li nisimgħu lil xulxin. Hawnhekk għandna l-arti tas-smiegħ, li titlob minna:

  • Li niżviluppaw is-sens tas-smiegħ bħala don kbir ta’ Alla għalina
  • Il-bniedem għandu l-kapaċita li jisma’ erba’ darbiet aktar milli jitkellem.
  • Għalhekk nisimgħu aktar u nitkellmu inqas
  • Konċentrazzjoni fuq dak li qed jingħad lilek
  • Ħares kemm tista’ direttament lejn il-persuna li qed tkellmek (eye contact)
  • Mhux biss tisma’ il-kliem imma agħti każ il-’body language’. Dan jgħin immens biex tieħu l-messaġġ
  • Toqgħodx taħseb f’dak li ser tgħid imma f’dak li qed tisma’
  • Agħmel evalwazzjoni ta’ dak li qed tisma’, għarblu u rrifletti. Tiblax kollox. Ħaddem ir-raġuni li Alla tak.

Aħna bħala bnedmin msejjħin sabiex nidħlu fi djalogu bejnietna billi nisimgħu u nwieġbu. Dan iwassal għal aktar għaqda, paċi u mħabba bejnietna. Jinħtieġ li jkollna fina l-kapaċità li aktar milli nisimgħu bil-widnejn, nisimgħu bil-qalb tagħna, speċjalment il-ħtiġijiet tal-oħrajn, billi ikollna d-don  tal-intuwizzjoji. Dan jgħina insiru nafu bil-ħtiġijiet tal-oħrajn anke dawn ma jgħidulnhiex bihom.

  • Mulej nitolbok għini niftaħ il-widnejn ta’ qalbi għal-leħen ta’ ħija u oħti bil-għan li magħhom noħloq djalogu li jwassalna għall-paċi u l-għaqda bejnietna.

IV. NISMA’ L-LEĦEN LI HEMM ĠEWWA FIJA

Dan huwa it-tielet pass li jinħtieġ li nwettqu bil-għan li nilħqu l-ogħla maturità mhux biss umana imma anke spiritwali. Ma nifgawx il-leħen li hemm ġewwa fina, dak li nsejjħulu IL-KUXJENZA: il-leħen ta’ Alla fil-qalb ta’ kull bniedem, iċ-ċentru l-aktar intimu u l-aktar sigriet tal-bniedem, is-santwarju fejn il-bniedem hu waħdu ma’ Alla u fen Alla jsmmagħlu leħnu (KKK n.1776). Dan jgħina nagharfu x’inhu ħażin biex ma nagħmluhx u li nagħarfu x’inhu tajjeb biex nagħmluh u inkattruh.

  • Inroddlok ħajr Mulej li inti kuljum tkellimni fil-kuxjenza tiegħi. Ghini nagħti widen u nimxi skont il-kuxjena retta w iffurmata tajjeb biex qatt ma niżbalja.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!

Fr Philip Cutajar ofm cap