It-talba!


Spiss jiġini, f’moħħi u f’qalbi, dan il-vers meħud mill-ktieb tal-Profeta Iżaija: Jien għedt: F’nofs ħajti jkolli nitlaq; għall-bqija ta’ snini jżommuni fi bwieb Art l-Imwiet (Is 38:10). Ovvjament, dan il-vers, hu meħud mill-kantiku ta’ Ħeżekija, sultan ta’ Ġuda, meta marad u fieq mill-marda tiegħu (Is 38:9).

Mela minn xiex kien għadda l-imsejken Ħeżekija? Fil-kantiku jsemmi bwieb Art l-Imwiet (Is 38:10). Qal ukoll: M’iniex se nara l-Mulej f’art il-ħajjin; ma nara b’għajnejja lil ħadd iżjed minn fost dawk li jgħammru fid-dinja (Is 38:11). Immaġina x’ħass dan il-povru sultan li bilkemm kien għex nofs ħajtu! Diġà kien beda jxomm l-arja tal-mewt li kienet lesta għalih minn wara l-kantuniera! Donnu li diġà kien beda jħejji l-lista tal-goodbyes li kellu jagħti! Dak li kien bena raħ nieżel kollu! F’daqqa waħda! Għalhekk qal: Tneħħietli l-għamara tiegħi u ġiet imwarrba minni, bħal għarix ta’ ragħaj. Int kebbibt ‘il ħajti bħan-nissieġ, min-newl int qtajtni” (Is 38:12). Ħajtu, issa, fid-dawl tal-marda li kien fiha, beda issa jaraha temmija waħda. Għalhekk qal: Mis-sebħ sad-dlam int tkun temmejtni (Is 38:12).

Ħeżekija kien qed ibati fil-marda tiegħu. Tant hu hekk li qal, mingħajr ħafna tidwir: Bqajt ngħajjat sa sbiħ il-jum bħal iljun il-Mulej kissirli għadmi. Mis-sebħ sad-dlam int tkun temmejtni (Is 38:13). U, fil-vers ta’ wara, Ħeżekija kien aktar speċifiku u ta’ kuraġġ ukoll. L-għaliex seħħlu jfisser dak li kien qed iħoss f’qalbu. F’ruħu. F’dak kollu li kien għaddej minnu. Jistqarr : Bħal ħuttafa npespes, bħal ħamiema nokrob, għajnejja għejew iħarsu ‘l fuq (Is 38:14).

B’saħħtu dan il-vers! L-għaliex juri minn liema kalvarju kien għaddej! Żgur li t-tbatija tiegħu ma kinitx waħda taċ-ċajt! L-uġiegħ fuqu kien kbir! U, tant kemm kien kbir, li, kważi kważi, bilkemm ħallielu forzi biex jesprimi dak li kien qed iħoss. Kemm hi iebsa ħbieb it-tbatija! Kemm hu krudili l-uġiegħ! U, dak l-uġiegħ li ma jħallik tagħmel xejn! Li, kważi kważi, jipparalizzak! Li kulma jista’ jagħmillek hu li tibda’ tħares ‘il fuq! Biex tfittex għall-għajnuna! U mbagħad, ġieli tasal f’punt fejn iva tibda’ saħansitra tgħejja tħares ‘il fuq! L-għaliex it-tbatija tibda’ tixorbok! U lanqas saħħa ma jkollok biex tissokkta tibqa’ għaddej u għaddejja!

U kemm ħbieb din l-esperjenza jien nagħmilha ma’ persuni li jgħaddu mill-marda qerrieda. Li isimha issa nafuh ilkoll! Għax m’għandu bżonn l-ebda ntroduzzjoni! U għax nafuh aħjar ma nsemmuhx! L-għaliex, u għalkemm għandna l-libertà tal-istampa, aħna għandna wkoll dinjità. U le! Ċertu mard ma jagħmlilniex ġieħ! Għalhekk, biex nuruh li aħna aħjar minnu, u dejjem bil-grazzja tal-Mulej fina, aħna ma rridux le insemmuh! Ħalli l-attenzjoni u l-imħabba tagħna tmur kollha fuq il-bniedem u mhux le fuqu! Ja misħut! Il-mard!

Vers ieħor li juża Ħeżekija fil-kantiku tiegħu hu: Rqadi kollu għab minħabba l-imrar f’ruħi (Is 38:15). Kemm hawn min ma jistax jagħlaq għajn m’għajn minħabba l-uġiegħ tal-mard li għaddej minnu! U, eżattament kif qed jgħid Ħeżeqija, l-irqad kollu jaħrab! Kollu jgħib! U dan minħabba l-imrar li l-irqad joħloq fir-ruħ!

Huma ħafna l-pazjenti li jgħiduli l-istess kliem li jgħid Ħeżekija fil-Kantiku tiegħu: X’naqbad nitkellem, u x’għandi ngħidlu? (Is 38:15). Uħud għadhom jemmnu li dan il-mard hu għamlu (Is 38:15). U x’għamlu Hu ħbieb jaħasra! Mela l-Mulej imarrad lin-nies? Li kieku jmarrad lin-nies l-għaliex imbagħad jfejjaqhom mill-mard? X’sens fiha li jneħħi xi ħaġa li għamel Hu stess? Il-Mulej, l-għaliex Hu t-tjubija suprema, meta jagħmel ħaġa jagħmilha perfetta. Allura ma jkunx hemm bżonn li titranġa mill-ġdid. Inkella x’Alla jkun?

Allura int li, bħalissa, qiegħed u qiegħdha fuq is-sodda tal-mard, int li bħalissa qed togħkrob bl-uġiegħ, bħal Ħeżekija, nissuġġerilek, għażiż ħija u għażiża oħti, li tagħmel tiegħek it-talba tiegħu. Liema talba li, meta qrajtha, anki lili fejqet. Jien li, bħalek, irrid nikkumbatti l-mard tiegħi għalkemm niġri minn hawn għal hemm, mingħajr waqfien. Biex naqdi lil Ġesù li hu mixħut fis-sodda, marid, fil-biżibilju sodod tal-isptar f’Mater Dei. U dan nibqa’ nagħmlu, bil-grazzja tal-Mulej, sal-anqas nifs ta’ ħajti. Bħal Patri Joe Saliba OFM Cap, li ta ħajtu għall-morda. Għax kien Patri Kapuċċin. U dan wettqu ta’ Kapuċċin veru li kien u ta’ kif kellu suppost li jkun. U anki mħeġġeġ minn membri tal-istaff ta’ Mater Dei. Li jgħiduli kontinwament: Int tista’ tifhimhom lill-morda l-għaliex int mard bħalhom. Int wieħed minnhom.

Għalhekk, għeżież ħuti morda, magħkom jiena nitlob lill-Mulej, l-għaliex jien wieħed minnkom, magħkom ngħolli qalbi ‘l fuq waqt li nlissen:

Mulej, qalbi tgħix għalik, aħjili ‘l ruħi, fejjaqni u agħtini saħħti. Ara, mrari tbiddel fi sliem, int salvajtli ‘l ħajti mill-ħofra tal-qerda, int xħett wara spallejk ħtijieti kollha. Għax mhux Art l-Imwiet li troddlok ħajr, anqas il-mewt ma tfaħħrek. Ma jittamawx fil-fedeltà tiegħek dawk li jinżlu fil-ħofra. Il-ħaj, min jgħix, jiżżik ħajr, bħalma qed nagħmel jien illum; il-missier jgħarraf lil uliedu l-fedeltà tiegħek. Salvana, Mulej, u aħna ngħannu fuq iċ-ċetri l-jiem kollha ta’ ħajjitna f’dar il-Mulej (Is 38:16-20).

Għoġbittni din it-talba ħbieb! Għax rejali! Għax tfisser is-sentimenti! Għax turi fidi sinċiera! Għax turi fiduċja! Għax turi l-bniedem bniedem u l-bniedma bniedma u l-Mulej Alla bħala Alla veru!

Nissuġġerilkom li titolbuha din it-talba! Intom li tinsabu muġugħin fis-sodod tagħkom tal-mard. U intom li qiegħdin takkumpanjawhom. U tieħdu ħsiebhom! Itolbuha din it-talba! U, jekk jogħġobkom, la tieqfux titolbuha! Għax l-imħabba insistenti, kollha fidi, tama, kuraġġ u qawwa, anki jekk bid-dmugħ u b’qalb maqsuma, hi t-tweġiba kontra l-mard misħut li jtemmilna ħajjitna f’din id-dinja imma le l-ħajja vera tagħna li ma tintemm qatt!