Bil-pjaneta bil-maqlub!


Il-quddiesa li iċċelebrajt f’komunità ta’ fidi, nhar is-Sibt 10 ta’ Novembru 2018, ma ninsieha qatt! Dan l-għaliex, hekk kif qagħdna bilqiegħa u smajna l-ewwel qari, intbaħt li kont ilbist il-pjaneta tal-quddiesa bil-maqlub!

Mà!!! Xaqq l-għaraq għalija! Għax, f’dak il-mument sewwa, moħħi beda jaħdem bħal ta’ Mr Bean! F’moħħi bdew ġejjin ħafna uċuh koroħ! Ta’ għajnejn miftuħin bir-rabja! U duħħan ħiereġ minnhom! Iva ħbieb! F’moħħi bdejn nara uċuħ bojod karti! Qishom wiċċ laskri! Li aqta’ kemm berquli! U għajtu miegħi! “Ma tisħix! Inżilt tqaddes bil-pjaneta bil-maqlub! Mela aħna tat-tejatrin!” Tafu xi ntbaħt nies? Li aktar ma bdejt nisma’ dawn l-ilħna aktar bdejt inħoss id-dieqa tal-ħażen fihom! Tan-nuqqas ta’ tama! Tal-mewt ċerta u dejjiema! Iva ħbieb! Leħinhom kien leħen dak ta’ taħt San Mikiel! Ma’ x’biża’!!!

Madankollu, fettilli nħares lejn is-salib li kelli quddiemi, eżattament fuq in-naħa tal-lemin tiegħi. U, fuq dan is-salib, rajt lill-Madonna, imnaqqxa fuqu, titlob, b’idejha mgħaqqdin fit-talb. Kemm ħassejtha lill-Madonna titlob għalija f’dak il-waqt! U, minflok ma ħaristli biċ-ċiera, u minn taħt in-nuċċali, bħal dawk li jridu kollox eżatt, il-Madonna kienet qed titfali vibes ħelwin u ta’ ħniena li ma titfissirx! Oh kemm ħassejtni sew! Kemm ħassejtni mħaddan minnha! U kemm fehmitni! U kemm ħassejtni maħfur! U x’ma nħobbhiex lill-Madonna jien! Huwa dik Omm ħi u mhux waħda minn dawk li jtuni kemm jifilħu bis-sieq! X’ma nħobbokx għażiża Mamma tiegħi tas-Sema u tal-Art! X’ma nkellmekx bir-Rużarju u nħajjar lil min jitolbok ir-Rużarju ta’ kuljum! U nagħmel il-links tar-Rużarju fuq il-Facebook tiegħi! Int veru Ommi għażiża Mamma Marija!

U, misjuq mill-imħabba tal-blieh tagħha, li fetħittni beraħ għan-nar tal-Ispirtu s-Santu li baqbaq fija, u li dan in-nar jirċevuh biss dawk li jemmnu u mhux jiddubitaw f’kollox u f’kulħadd, għedtilhom lin-nies preżenti fl-omelija: Fi ħmistax-il sena li l-Mulej tani grazzja nqaddes, qatt ma ħriġt inqaddes bil-pjaneta bil-maqlub! U ħa ngħidilkom, milli jidher mhux il-pjanenta li lbist jien qiegħdha bil-maqlub imma anki l-qari jurina li l-Mulej hu bil-maqlub!

U ejja! Veru? Kif jista’ ikun? Ħa ngħidlek ħi! L-ewwel qari, tat-Tnejn u Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena, kien m mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten. F’din is-silta niltaqgħu mal-armla li għamlet ftira żgħira u ġabitha lil Elija. Dan kif il-Mulej bagħat lill-profeta Elija għand waħda armla (1 Slat 17:10)? Oqqow! Diġà għandna l-ewwel qliba! Dan kif il-Mulej ma bagħatx lill-messaġġier tiegħu għand is-sultan? Jew għand il-qassisin jew l-iskribi? X’bagħtu jagħmel għand armla fqira? Ma ninsewx li r-romol kienu persuni vulnerabbli u faċli li wieħed jieħu vantaġġ minnhom. Kienu fqar. Ma kellhomx min jaqbeż għalihom! Mela, il-Mulej ta’ l-eżerċti (S 46:12), li jaf bih kulħadd, li hu aqwa minn kulħadd, u jkisser u jiknes kull qawwa li tazzarda toħodha kontrieh, jibgħat l-ambaxxatur tiegħu għand armla! Mara imwarrba minn kulħadd! Minsija! Għax mara! Armla! U fqira!

U l-wires ikomplu jinqalbu f’dettall ieħor importanti! Issa, dan Alla, il-Mulej ta’ l-eżerċti (S 48:9), li għandu bil-ħela, jitlob lil din il-mara armla u fqira biex titma’ lill-profeta u l-ambaxxatur tiegħu! Jgħidilna t-test bibliku: Hi u sejra, Elija raġa’ sejjħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idek.” Hija wieġbet: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kull ma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu.” Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Mbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dak in-nhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż” (1 Slat 17:11-14).

Kemm hawn wires maqlubin f’dawn il-versi Bibbliċi ħbieb! L-ewwel wire maqlub: il-mara lil Elija ma tafux minn Adam! Mela, is-sens komun, jgħidilna: “Kemm int fidila! Mela int hekk? Tafda bniedem bl-addoċċ? Int aħna jew m’aħniex?” It-tieni wire maqlub: dan kif Elija talabha tagħmillu fqira meta hi bilkemm kellha x’tiekol għaliha u għal binha? Hi stess dan qlietu: issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu (1 Slat 17:12)? It-tielet wire maqlub: xi provi kellha li jekk tagħmillu l-ftira qabel ma tagħmel waħda għaliha u għal binha tassew il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dak in-nhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż (1 Slat 17:14)?

L-analiżi ‘bilanċjata umana’ tħallina fejn konna sieħbi! Għax il-wires xorta maqlubin baqgħu! Mela, għall-qliba tal-Mulej kien hemm bżonn qliba oħra! Jiġifieri, il-qliba tal-mara li tagħmel ġennata! Billi temmen! U agħmlitha ħi! Ta’ mara li hi! U dik marret u għamlet kif qalilha Elija (1 Slat 17:15). U x’kien ir-riżultat? Qliba oħra! Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija (1 Slat 7:15-16).

Grazzi Mulej li qlitbli l-wires meta ħallejtni nilbes il-pjaneta tal-quddiesa bil-maqlub! X’sinjali profetiku kienet! U ħa ngħidlek Mulej: aħjar taqlibli l-wires int milli jaqilbuhomli l-bnedmin! Amen!