Il-kelb fil-puxċer


Kien jum tabilħaqq kiesaħ! Jum kif jaf jagħmel jum tax-xitwa. Kollu xita. Kesħa ixxoqq il-għadam. U, fuq kollox, temp ċombi għall-aħħar.

Tlajt fil-karozza tallinja. L-għaliex kelli biċċa xogħol pjuttost ‘il bogħod minfejn qed noqgħod. Almenu, fid-distanzi a la Maltija. Għall-bidu kollox deher normali. Xejn ta’ barra minn hawn. Biex tgħaxxaqha, kif eżatt tlajt, niltaqa’ ma’ raġel pjuttost imdaħħal xi ftit taż-żmien. Dan ir-raġel beda jirrakkuntali li kien jaf lil xi patrijiet minn tagħna li illum, Alla jaħfrilhom, m’għadhomx magħna. Kien f’dan il-waqt fejn, bil-grazzja tal-Mulej, Ġesù tani l-grazzja li nitlob għalihom. Wara kollox proxxmu huma! U min qallek li, xi darba, m’għadx ikolli bżonn jien ukoll min jitlob għalija?

Wara li tħadditna ftit dan ir-raġel ħallieni nkompli nżebbeġ il-kuruna tar-Rużarju. Xejn xejn, sakemm nasal, inkun tellajt xi ftit posti oħra. Mela, hekk kif kont fil-kwiet nitlob u għaddejna minn raħal, jitla’ fuq tallinja raġel b’puxċer. Għall-ewwel ħsibt li f’dak il-puxċer kien hemm tarbija. Kos hux! bdejt ngħid. Ara ftit dan ir-raġel! X’biċċa xogħol qed jagħmel? Ngħiduha kif inhi: li tieħu ħsieb tarbija mhux ċajta, Ajma! L-aktar f’dak il-jum partikulari fejn aqta’ kemm kienet kesħa!

Madankollu, ma tantx domt naħsibha hekk. L-espressjoni pjuttost ‘stramba’ ta’ raġel anzjan, li kien bilqiegħda n-naħa l-oħra tal-karozza, mill-ewwel ġagħlittni nerġa’ nħares mill-ġdid lejn dak l-imbierek puxċer. Iva ħi! Dak ir-raġel kellu għalfejn iħares lejn il-puxċer! L-għaliex, f’dak il-puxċer, minflok tarbija kien hemm kelb jew kelba l-ġmiel tiegħu u tagħha! Għall-ewwel anki jien erġajt ħarist u ħarist. L-ewwel nett, il-ħarsa tar-raġel anzjan tan-naħa tax-xellug, dik il-ħarsa bis-serqa, u anki b’dik l-intensità tagħha, lili daħkittni mhux ftit. Fil-fatt, imnalla żammejt għax kont se ninfaqa’ nidħak kemm niflaħ. Allura, u biex ma naqlax pandemonju, għamilt ta’ bir-ruħi li minix nara.

Biss, meta rajt jien stess lil dan ir-raġel ifissed lil din il-kelba jew dan il-kelb ma stajtx le nibqa’ lura milli nitbissem. Xi ħlew meta lil annimali nieħdu ħsiebhom! Inħossu għalihom! Infissduhom! Xi ħlew meta lil annimali nkunu hemm għalihom! U kemm nirraġunaw sewwa meta ngħidu: Għax dawn mhux aħna rridu naqbżu għalihom? Mhux aħna rridu nieħdu ħsiebhom? Imsieken! X’jistgħu jagħmlu? Dawn huma raġunamenti validissimi. Mela, sewwa nagħmlu li lil annimali nagħtuhom dak li hu tagħhom. Li nsemmu l-għajta tagħhom. Li nagħtu vuċi lid-drittijiet sagrosanti tagħhom. Ikunux fil-puxċer jew le!

Imma, il-puxċer, ħadni ukoll f’dinja oħra. Liema dinja, int u jien, qed ngħixu fiha. L-għaliex, u fil-verità, ħriġna minnha! Aħna, int u jien, xi darba konna f’dak il-puxċer. Xi darba konna mwielda. Imfissda. Imrobbija b’tant imħabba u affezzjoni. U bir-raġun! Jekk aħna bnedmin? Tad-demm u l-laħam?

Issa, jekk hemm xi ħadd li hu indifiż u indifiża, vulnerabbli, u jinħtieġ l-għajnuna tagħna, kontinwament, hi t-tarbija. U t-tarbija fil-ġuf! It-tarbija, li hi l-futur tas-soċjetà, hi tassew ħlewwa. Għaxqa. It-tarbija hija s-soċjetà u l-Knisja ta’ għada. It-tarbija hija l-ferħ veru tagħna. Għax, fejn titwieled tarbija, il-ferħ li ġġib magħha huwa tabilħaqq inkredibbli. Mela, inħobbuhom kemm inħobbuhom lil ħutna l-annimali qatt ma jistgħu le jew inkella jazzardaw jieħdu post il-ħlewwa ta’ tarbija. Kemm persuni, aktar u aktar dawk li jkunu għadhom kemm saru ġenituri, inkella nanniet, jgħiduli fl-isptar: Oh Patri! Xi ġmiel! Kemm hu ħelu! Kemm hi ħelwa!

Iva! Għandkom raġun tgħiduli hekk! Għax m’hemmx ħaġa isbaħ u ħelwa minn tarbija! L-għaliex, Alla li jista’ kollox, biex jikkonfermalna dan il-fatt sagrosant, li l-ebda ħassieb u ħassieba ma jista’ jgiddeb, iġib kemm iġib argumenti kontrieh, hu stess għażel li jsir bniedem bħalna. U li jiġi mnissel, imfisqi u mrobbi f’dik il-ħlewwa ta’ tarbija fi ħdan il-familja. Il-fatt li Ġesù ġie mnissel, kiber f’ġuf ommu Marija, u twieled bħalma twelidna int u jien, lili u lilek jgħidilna li hi l-missjoni tagħna li din il-ġrajja tibqa’ tiġi mfakkra mhux sempliċiment fillejl ta’ bejn il-24 u l-25 ta’ Diċembru imma wkoll fil-ġrajja ta’ kull tarbija li tiġi mnissla, mwielda u mrobbija.

Għalhekk ejjew immorru mill-ġdid għall-umanità vera tagħna! Ejjew inħobbuhom lil uliedna, lil ħutna l-bnedmin! Ejjew inkunu l-vuċi tat-tfal li għadhom qed jistennew iċ-ċans li jitwieldu. It-tfal li qed jiġu iffurmati fl-egħżeż santwarju u tabernaklu li jeżiżti fl-univers, fil-ġuf ta’ ommhom. Għax meta dan il-post qaddis nibqgħu nżommuh intatt, u ma nippermettu qatt u lil ħadd li jqattgħu biex ineħħi għax joqtol il-ħajja umana minnu, imbagħad iva l-imħabba tagħna lejn il-klieb, il-qtates, iż-żwiemel u l-bqija, tkun waħda awtentika.

Barra minhekk, u fuq kollox, ejjew niftakru wkoll li, int u jien, li kieku ma tawnix ċans li nitwieldu kieku illum kif aħna ħajjin? Kif nistgħu nitkellmu? U nitkellmu kif nitkellmu? Imma le! Lili u lilek ħallewna ċ-ċans li nitwieldu. Ħarsulna d-dritt li niġu mnissla u anki li nitwieldu. U, għall-grazzja tal-Mulej, illum qiegħdin fejn qiegħdin. Nikkollaboraw. Fis-soċjetà u fil-Knisja. Kull wieħed u waħda minna fil-biċċa u fil-kompitu tiegħu u tagħha.

Mank jaħasra jkollna, ikoll kemm aħna, din l-istess imħabba li dan ir-raġel wera lejn din il-kelba u dan il-kelb ħelwa u ħelu, lejn it-trabi. Speċjalment lejn dawk li għadhom ma twieldux! U hawn qiegħda n-normalità vera: ejjew nagħtuhom id-dritt li jitnisslu, jikbru fi ġwief ommijiethom, jitwieldu u jgħixu ħajjithom! Bħalma, u s’issa, għexnieha int u jien!

Grazzi O kelb fil-puxċer! X’tagħlima għallimtni għodu għodu!