Kunċerti fi żmien ir-Randan mill-kor tal-Katidral Metropolitan


Il‑Kor Jubilate Deo, li huwa l‑kor tal‑Katidral Metropolitan, ser ikun qiegħed jagħti żewġ kunċerti għal żmien il‑passjoni bl‑isem ‘Miserere’. Il‑kunċerti, taħt id‑direzzjoni tal‑Maestro di Cappella Christopher Muscat, ser ikunu qed jittellgħu fiż‑żewġ residenzi tal‑kor nhar il‑Ġimgħa 5 ta’ April fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, kif ukoll it‑Tnejn 15 ta’ April fil‑Knisja Parrokkjali tan‑Naxxar.

curia_file_photo_1.155360909735.jpg

Fil‑kunċerti ser tindaqq mużika mifruxa fuq aktar minn seba’ sekli, mill‑kant sabiħ Gregorjan u polifonija Rinaxximentali għal xogħlijiet ta’ kompożituri kontemporanji. Waqt dawn is‑serati ser ikunu qed jinqraw riflessjonijiet qosra bil‑Malti sabiex idaħħluna aktar fl‑ispirtu ta’ dan il‑misteru kbir li qed ikun iċċelebrat. Iżda x‑xogħol prinċipali ta’ dawn is‑serati ser ikun il‑Miserere tal‑kompożitur Taljan Gregorio Allegri, xogħol ta’ sbuħija u spiritwalità indeskrivibbli miktub fi żmien il‑Papa Urban VIII u li kien intiż biss għall‑użu tal‑Cappella Sistina. Iżda skont it‑tradizzjoni, għaċ‑ċkejken Mozart kien biżżejjed li jisma’ dan ix‑xogħol darba biex mar lura d‑dar u kitbu mill‑memorja.

Matul l‑istorja tiegħu ta’ 45 sena, il‑Kor Jubilate Deo stabblixxa ruħu bħala wieħed mill‑aqwa korijiet Maltin fil‑qasam tal‑mużika sagra. Fost l‑akbar suċċessi tal‑kor wieħed ifakkar l‑ewwel eżekuzzjoni f’Malta tal‑Oratorio di Natale ta’ Camille Saint‑Saens fl‑2005, l‑ewwel eżekuzzjoni fi żminijiet moderni tal‑Messa di Requiem ta’ Paolino Vassallo kif ukoll l‑opra Il‑Wegħda ta’ Charles Camilleri fl‑2006. Fi Frar tal‑2017 il‑kor ta l‑ewwel eżekuzzjoni ta’ żewġ xogħlijiet ġodda: il‑Cantata L‑X ta’ Frar 1928 ta’ Christoper Muscat u l‑Oratorio Fino ai Confidni della Terra tal‑kompożitur ta’ fama mondjali Mons. Marco Frisina, li ġie Malta sabiex jidderieġi hu stess dawn iż‑żewġ xogħlijiet. Il‑Kor Jubilate Deo qed jagħmel ħafna xogħol sabiex jerġa’ jitqajjem l‑interess fil‑kant Gregorjan filwaqt li jibqa’ magħruf ukoll għall‑interpretazzjonijiet raffinati tar‑repertorju polifoniku.

Id‑dħul għaż‑żewġ kunċerti, li jibdew fis‑7:30 p.m., huwa b’xejn. Dawk li jattendu huma ġentilment mitlubin jinnutaw li l‑użu ta’ tkaken irqaq jew stiletto kif ukoll ritratti bil‑flash fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann huwa pprojbit.