Zikk! Zikk!


Zikk! Zikk! Ilkoll ġarrabnieha! Iddejqek! Għax m’għandhiex tkun. Dik il-kelma. Sintendi. Imsaħħa u mrambla bil-velenu tax-xitan magħha! Iz-zezika! Zikk! Zikk! Kerha! U, mhux biss għandna nikkundannawha. Iżda nieqfulha. Jekk jista’ ikun daqs iljuni.

Mhux l-għaliex irridu nkunu vjolenti. Għax, aħna min aħna biex inkunu vjolenti? U min jista’ ikun vjolenti? U, min għandu d-dritt li jkun vjolenti? Żgur li le! Isiru tant kampanji kontra l-vjolenza? Ibda’ minn dik domestika? U mbagħad kontra kull tip ta’ vjolenza? Bħal dik sesswali? Iżda l-istorja ma tieqafx hemm. Hemm il-vjolenza psikoloġika wkoll! U din tiġi miz-zekzik. Iz-zekzik fuq in-nies. Zekzik meta ninstigaw lil xulxin.

Hawn min iħobb izekzek. U jsib l-opportunità li jzekzek. Għax iz-zekzik issa sar ukoll hobby. U dan mhux sempliċiment għax minn bil-kelb u min bid-doggy tafux! Iz-zekzik juri weġgħa. Dik il-weġgħa li tkun ilha x-xhur u s-snin tinħema fil-qalb ta’ dak li jkun. Issa din il-weġgħa jaf ikun ġabha b’idejh stess l-individwu innifsu u l-individwa innifsiha. Għax ikun jew tkun parla u parlat żejjed. U, skont kif ħasibha u ħasbitha hu jew hi allura din għandha tgħaddi. Tiskanta hux kif kulħadd għandu l-kriterji tiegħu u tagħha ta’ x’jista’ jparla u kemm għandu jparla!

Biss, meta isir zekzik, speċjalment waqt djalogu, il-ktieb tal-uġiegħ jinfetaħ beraħ. U, weġgħa iġġib lil oħra. Kemm issir ħsara meta persuna tikkontradixxi persuna oħra billi ssawwatha b’xi ħaġa li tkun qalet f’kuntest kompletament differenti. L-għaliex, il-weġgħa, ma tafx tagħmel għażla bejn kuntesti ħbieb! Tħawwadhom. U iġġibhom servili għaliha. Għax weġgħa diffiċli tkun raġunata. Għax hi rejazzjoni. U rejazzjoni iġġib rejazzjoni. U r-rejazzjoni, aktar ma toħloq rejazzjoni, aktar ukoll issir aljenazzjoni mill-problema prinċipali tkun xi tkun.

Le! Jekk hemm xi ħaġa li fuqha għandna niddiskutu ħa nidduskutuha. Bil-kalma. Bl-imħabba. Bl-onestà. Bil-kuraġġ. Bil-karità. Biss ejjew qatt ma nipprovokaw rabja inutli f’persuna oħra sempliċiment billi inziku. Għax, meta wieħed iżik għax jinstiga, x’jistenna li se jiġrilu? U li jiġrilha? Il-ħajja biżżejjed turina kemm in-nar tal-korla jikber u jsir foresta li mhux la tikkontrollha kif ġieb u laħaq. U dan biex wieħed ma jigidmx ilsienu u ilsienha u joqgħod u toqgħod kelma lura.

Il-ħajja tgħallimni li anki fatti li nara b’għajnejja irrid noqgħod attent x’naqbad ngħid fuqhom. Għax, mal-fatti, hemm marbuta l-intenzjoni ta’ individwu. Hekk, ngħidu aħna, mhux tajjeb li persuna tidħol tisraq xi ħaġa minn supermarket. U aħna, għal dan il-att, ilkoll ngħidu: Le! Dak dnub! Għax serqet! Imma bil-mod! Issa jekk din il-persuna m’għandhiex x’tiekol? Allura din għandha tiġi ikkastigata hekk, kif ġib u laħaq? Il-morali Kattolika, u dejjem safejn naf jien, lil persuna ta’ din il-kwalità ma tikkundannahiex. Għax, f’każ estrem, proprjetà privata issir pubblika. Bħal f’dan il-każ. Għax, u sintendi, hemm ħajja xi ssalva. Li, u bir-raġun, għandha bil-wisq u wisq valur mill-ħaġa li tkun se tittieħed. Wara kollox dan qalulna Ġesù stess meta qalilna: U xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? (Mt 16:26).

Ħbieb! Ejjew nibżgħu għal xulxin! Mill-mod kif nitħaddtu fuq xulxin! U ma’ xulxin! Hawn ħafna min għandu fuqu brix jew uġiegħ. Min għax waqa’. U min għax għamel xi operazzjoni serja. Imma ħej kemm hawn feriti li ma jidhrux! U dawn il-feriti minn xiex ġew ikkawżati? Jekk mhux mill-ilsien ħażin li tih izekzek u xejn aktar? Le! Iz-zekzik irridu nieqfulu! Għax, sempliċiment, hu ħażin! Ma jreġix! Għax jipprovoka!

U, meta nkunu qed nitħaddtu flimkien ejjew qatt ma naqilgħu l-passat u nqabluh. Għax, meta jsir hekk, merħba bik it-tielet gwerra mondjali! Inutli li noqgħodu ngħidu lil xulxin: Biżżejjed! Mhux hekk! Il-Biżżejjed! u l-Mhux hekk! għandi nagħmilha jien minn qabel billi nigdem iva ilsieni u ma nħallihx jiġri bija! Kelma lura aħjar minn kelma żejda. Għax il-frattarija li tqum tkun rejazzjoni u tmasħina li tkun qed tikxef beraħ il-velenu li hemm jiġri fiz-zekzika.

Issa li qiegħdin fi żmien ir-Randan ejjew insumu miz-zekzik! Jiġifieri minn dak il-kliem li jqabbad in-nar minflok li jressaq lin-nies lejn xulxin f’għaqda ta’ mħabba. Ejjew inħobbu lil xulxin bil-mod kif nitħaddtu ma’ xulxin! Ma ninsewx: iz-zekzik ġej miz-Zekziek! Mix-xitan! Jiġifieri minn dak li, tant kemm mhux oriġinali iżda biss imitation, li moħħu hu li jara kif se jikkopja lill-Mulej. Għax m’għandux x’joffri għajr għira reċikalta. U kontroll reċiklat. Li jimmuffaw. U l-kantaliena tad-dnubiet tista’ tkompli fuq li tkompli.

Mulej, tħallini qatt inzekzek. U se nitolbok biex tiżborli naqra ilsieni ħalli bih int tissokta tagħmel ħafna u ħafna aktar ġid aktar milli għamilt s’issa. Mulej, aqtagħli dak id-diskors li ġej minn weġgħat u minn xewqa kbira li nikkontrolla l-ħajja ta’ ħaddieħor. Mulej, tħallix fija jgħix il-kankru tar-riżentiment. Agħtini l-għajnuna biex naħfer u nsemmi l-pożittiv ta’ dak li jkun u dik li tkun. Ħalli hekk, kulfejn nersaq, bil-kelma li ngħid, inġib il-fwieħa tal-kuraġġ, tat-tama, tal-ferħ u ta’ ħafna fejqan li ġej dirett minn qalbek. U qatt ma nkun strument tal-intiena tal-ġudizzju, tar-rabja, tal-mibegħda u ta’ kull ħażen ieħor! Mulej, għamilni għannej u għannejja tat-tjubija tiegħek li toħroġ minn ilsieni u qatt tħallini nsir qaddej u qaddejja tax-xitan, iz-Zekziek tellief etern. Li tih izekzek u xejn aktar! Li tih iqabbad il-ġlied għax jibbulja kemm jiflaħ irid. Le Mulej! Għamilni kampjun u kampjuna ta’ mħabbtek li tgħannaq u tifdi bil-kliem sabiħ u fejqan li Int tpoġġili fuq fommi minn Fommok. Biex ngħidu. U ngħidu dejjem! Amen!