Il-ħdura!


Issa bdejna r-rebbiegħa. L-istaġun fejn il-ħajja terġa’ tiegħu l-ħajja. Fejn kollox jibda’ ġej għalli kien.

Id-dawl jibda’ jilma. Il-jiem jitwalu. U, il-magħrufa ħdura, terġa’ titfaċċa! Kemm sabiħa hux il-ħdura! Hawn min iħallas il-belli tal-Ewro biex jqattagħlek l-aqwa vaganza fis-sajf. Jew f’xi partijiet oħra tas-sena. Basta jkun fil-ħdura! U ma tagħtihx tort ħbieb! Sabiħ li tqatta’ xi jiem ta’ btala fil-ħdura! Xejn mhu sabiħ tara dawk it-twapet ta’ ħdura! Hemm! Ilkoll quddiemek! U, titgħaxxaq bihom! Għax dak li ħareġ minn Id il-Ħallieq m’hawnx isbaħ minnu! Inkluż il-ħdura!

Biss, il-Ħallieq, u l-Feddej, mhux imma responsabbli mill-ħdura fil-qlub! Jiġifieri minn dik il-ħdura tal-vendikazzjonijiet. Tal-konfoffi tal-klikek. Ta’ min se jkisser lil min. Ta’ min se jaħkem lil min. Żgur li l-Ħallieq u l-Feddej mhux responsabbli tal-mod pulit kif uħud, hux bil-ġlekk jew bl-ingravata, bil-boilersuit, bit-dbielet qosra inkella twal sal-art ta’ dawk li jgħammru fid-dħaħen tal-inċens, jiħdaru! Ara xi ħadd jaħseb li jekk jiħdar għal ħuħ, anki b’mod pulit, quddiem il-Mulej se jeħlisha tafux! Jaf quddiem is-soċjetà u l-knisja u entitajiet oħra abbli jgħaddiha lixxa. Imma quddiem il-Mulej, li hu waħdu l-ġust, l-aħdar ikollu jpatti ta’ għemilu.

Għax l-aħdar jara biss l-interessi tiegħu u dawk tal-qatgħa tiegħu. Jiġifieri dawk taċ-ċirku u tal-klikka tiegħu. X’jimpurtah l-aħdar u x’jimpurtaha l-ħadra mit-tidris li qegħdin iwettqu fil-qlub! X’jimpurtahom kemm qed iferu qlub ta’ nies! Kemm qed jibgħatu nies jorqdu b’qalbhom maqsuma u misluħa! X’jimpurtahom minn kemm qed joqtlu nies u ħadd, għalissa, ma jgħidilhom xejn!

Imma l-mument tal-ġudizzju jiġi fuq kullħadd. U anki l-aħdar, u l-ħadra, għandhom kemm għandhom nies jaqbżu għalihom, jgħattulhom, u jiskansawlhom se jasal il-waqt tagħhom ukoll li jridu jagħtu kont ta’ għemilhom. U ara taħsbu li se jkun il-Mulej li se jikkastigahom. Le ħbieb! Qed tkun l-għajta li ġejja minn hawn, fl-art, tal-imsejkna li qed jiġu maħqura mingħajr ħadd ma jisma’ l-għajta tagħhom li tagħmel il-ġustizzja hi!

Kemm huma qawwija l-kelmiet li kien qal il-magħruf producer Taljan tal-Films, Franco Zeffirelli: Il-problemi tad-dinja huma ikkawżati min-nies li ma jisimgħux. Hawn min jilgħabha li ma jismax. L-aktar meta hu jew hi u dawk tal-klikka tagħhom jiġu mwissija. Iva! Jilgħabuha tal-cool! Qisu m’hu qed jiġri xejn mill-vittmi tagħhom! Qisu kollox normali. Biss jasal il-waqt meta ma jkunx jista’ jiġi mwaqqaf dan il-moviment tal-verità ta’ Kristu. U, il-verità, bħal valanga, aktar ma tibda’ nieżla mill-muntanja tas-sema aktar tibda’ iżżid fil-veloċità sakemm tispiċċa tiknes lil kull min issib quddiemha u li jazzarda jirreżiżtilha jew jeqfilha.

Filwaqt li nagħmlu sewwa li nibżgħu għall-ambjent, u nwaqqfu kummissjonijiet biex inħarsuh, aħjar ma’ dawn il-kummissjonijiet titwaqqaf oħra biex twaqqaf il-qtil makabru tal-ħdura li hawn bejnietna. U, kif diġà għedt, dan l-att kriminali jinsab kullimkien. Mit-triq, sal-familji, sal-knejjes u l-kunventi, sa postijiet tax-xogħol u tad-divertiment. Din il-ħdura, bħal ċerta ħdura li titla’ mal-bini tagħna u, biż-żmien, iddgħajfu, qed iddgħajjifna milli nħobbu. Le! Mhux sewwa li din il-ħdura tibqa’ għaddejja! Mela, jekk irridu tassew ngħixu f’ambjent b’saħħtu, ħa jitwaqqfu kummissjonijiet li jrażżnu l-ħdura. Stat u Knisja.

Wara kollox, u min tabilħaqq jemmen, u mhux għax għandu min jaqbeż għalih u jrewwaħlu, jaf daqsi u aktar minni li biex nidħol fis-Saltna irrid inkun ħanin. M’hawn post għal ħdura fil-qlub. Il-ħdura ma’ xulxin m’għandix dritt li tibqa’ teżiżti! Għax hi infernali. Anki jekk, u dan wieħed jgħidu b’ħafna uġiegħ ta’ qalb, taf tilbislek ilbies li suppost ħlief ħniena ma jagħtix!

Lil Ġesù naqlagħlu l-kappell. Inħobbu. U inxandru mal-erbat irjieħ. L-għaliex, fid-diskors tiegħu fuq il-muntanja, qal: Ħienja dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena (Mt 5:7). Jekk qed naħseb li se nibqa’ niħdar u nkisser lin-nies bil-ħdura li ħierġa minn qalbi ħa nkun naf li jiemi magħduda. Għax ix-xitan l-aħdar li naqdi mhux ħa jaħfirhieli! Mela aħjar indur lejn il-Mulej u nittratta lil kulħadd l-istess. U ħallini minn tal-qalba! Mhux dawn se jdaħħluni l-ġenna. Imma se jdaħħalni l-ġenna lil dak jew dik li qed nibgħat jibki u tibki fis-skiet. Bil-ħdura tiegħi. Għax minix nisimgħu u nismagħa biex nisma’ biss lil tal-klikka.

Ejja nibdel ħajti! U ħa nifhem ħaġa oħra tafux: l-agħar ħdura li teżiżti hi l-ħdura qaddisa! Il-vanġeli jkellmuna fuq il-ħdura qaddisa tal-fariżej u l-qassisin il-kbar li opponew kemm felħu lil Ġesù, il-Ħniena ta’ Alla għalina magħmula laħam. Veru li lil Ġesù ittradewh, beżqulu, ifflaġellawh, tawh bil-ponn, libsuh kuruna tax-xewk, deffsulu l-kuruna fuq rasu, salbuh. Sakemm qatluh. Imma min rebaħ? Rebħet il-ħdura? Nini nini! Il-ħdura tibża’! Ma tafdax! Għax taf bil-ħmieġ tagħha. Hija l-ħniena li rebħet!!!

Mela attenti, kapijiet ta’ kull tip, nies ta’ professjoni, ħaddiema, nies komuni, patrijiet, qassisin, sorijiet u x’ma nafx jien, u fuq kollox, jien l-ewwel wieħed! Noqgħodu attenti! Għax jagħmluhielna dawk stess li qed naħqru! Dawk iva jagħmluhielna! Għax it-talba tagħhom tinfed it-tron tas-sema! U, f’każ li dan qed insibuh diffiċli biex nemmnuh, ħa niftakru ilkoll fil-kliem tal-Eżodu li qal il-Mulej innifsu lil Mosè: Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom (Eż 3:7-8). Aħjar ma nafx x’jiġrilna milli naqgħu f’idejn Alla l-ħaj!

Bye bye ħdura! Ħa ngħix u nħalli lil min jgħix! Bil-konvinzjonijiet tiegħu u tagħha! Ħa nħobbhom u naċċettahom kif inhuma! U, bi prudenza kbira, nuriehom it-triq. Biss se nikkonvinċiehom kemm inħobbhom kif inhuma u mhux billi nagħmlilhom pressjoni, anki dik bil-pulit, u hekk nkissrilhom moħħhom u qalbhom! L-imħabba mill-umiltà tingħaraf u mhux minn kemm turi snienha bil-poter!