L-Isqfijiet Maltin jifirħu lill-Isqof-Elett ta’ Santiago Apóstol de Huancané fil-Perù


L-Erbgħa, 3 ta’ April 2019: L‑Arċisqof Charles J. Scicluna, l‑Isqof Mario Grech u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi jifirħu lil Patri Giovanni Cefai M.S.S.P., għall‑ħatra mill‑Papa Franġisku bħala l‑ewwel Isqof tal‑Prelatura Territorjali l-ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil‑Perù. Dan it-territorju jifforma parti mill-Arċidjoċesi ta’ Arequipa.

46_REV.15542956209

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex jingħaqdu fit‑talb għall‑Isqof‑elett biex il‑Mulej jagħtih l‑għajnuna f’din il‑missjoni ġdida bħala suċċessur tal-Appostli.

Patri Giovanni Cefai twieled iż‑Żebbuġ Għawdex fil‑5 ta’ Awwissu 1967 u ngħaqad mas‑Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fl‑1984. Segwa korsijiet ta’ preparazzjoni f’Campion House f’Londra, l‑Ingilterra, u studja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta fejn speċjalizza fit‑Teoloġija Pastorali. Huwa ġie ordnat saċerdot fis‑6 ta’ Diċembru 1997.

Matul il‑ministeru saċerdotali tiegħu Patri Giovanni Cefai kien direttur taċ‑Ċentru Animazzjoni Żgħażagħ De Piro f’Malta, kappillan tal‑parroċċa ta’ Santa Cruz u tal‑parroċċa ta’ San Pablo Apóstol, it‑tnejn fl‑Arċidjoċesi ta’ Arequipa fil‑Perù, kif ukoll Superjur Reġjonali tas‑Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fil‑Perù.

Il‑prelatura territorjali ta’ Santiago Apóstol de Huancané li waqqaf illum il-Papa Franġisku hija ffurmata minn 20 parroċċa li fihom jgħixu ftit aktar minn 200,000 persuna li madwar 85% minnhom huma Kattoliċi. Dan it-territorju li fih hemm 15-il saċerdot huwa mifrux fuq 18-il elf metru kwadru ta’ art, 75 darba akbar minn Malta.