Jiekol il-koxxa!


Dan l-aħħar, waqt li kont qed niekol biċċa ħobż, aqta’ kif kont se nixraq! Le! Tieħux qata’ ħi int li tieħu pjaċir bija jew ferħa int li forsi ma tniżżilnix. Ħa ngħidilkom, għax jien fil-mirakli nemmen fuq li nemmen, u imnalla li kelli ħdejja tazza mimlija bl-ilma sħun. Għax, li kieku ma kienx hekk, sallum, jien domnu! Taħt it-trab!

Imma l-Mulej ħanin! Fuq li ħanin. U int li tinkwieta għalija, u ta’ dan nirringrazzjak minn qalbi, taf tistaqsini, bir-raġun kollu: Iva xi ġralek Patri? Jaqaw baqbquk? Sibt min jagħmillek il-bsaten fir-roti? Jew, biex inkunu għednieha, kelma bejn tnejn, sibt min iberren kontrik? Għidli ħi! Ħa nfarrġek ftit! U le ħija! Oħti! Dik l-imbierka tixrieqa li telgħetli għal griżmejja għoġobha titfaċċali meta ġiet dik ix-xena li telgħetli f’moħħi. U, minn fost tant ħinijiet, telegħetli f’dawk il-waqt. Tas-sanctu sanctorum! Tal-qaddis tal-qaddisin! Iva minn liema mela ħinijiet u mumenti? Biex innaqqsu xi ftit kummenti? Meta kont qed niekol il-koxxa! Sintendi! Il-koxxa tat-tiġieġa! Għax koxox oħra tal-ħrief huma ftit rari għalija!

Intom tiftakruh il-film famuż ta’ San Franġisk ta’ Franco Zeffirelli? Il-film li kien ħareġ fl-1972? Mela fis-sena li jien ġejt fid-dinja? Tiftakru x-xena meta San Franġisk kien qassam flus missieru u dan ħadu għand l-isqof? X’għagħa kienet qamet barra l-palazz tal-isqof Guido! Veru? Imma l-kbir għadu ġej! U meta marru jgħidu lill-isqof fuq x’kien għamel San Franġisk lil dan il-proxxmu fejn sabuh? Ħeqq! Tajba din! Sabuħ libes il-verumerall ilellex, biċ-ċrieket tad-deheb f’idejh, bil-mitra fuq rasu, oħxon oħxon, ċkejken ċkejken, jitħabat mal-koxxa tad-dundjan! Ja mqareb li int Zeffirelli! X’messaġġ trid tgħaddilna b’dan il-karattru tal-isqof? Nispera li dan il-messaġġ ma rridtx tgħaddih, lixx lixx, a la carte hux?

Naf! Forsi anki int, jekk bħalissa qed tieħu naqra kafè jew tè, u miegħu qed tiggosta u żgur li m’intix tissara ma’ xi biċċa ħobż mixwija, jew, u dan veru b’kapriċċ ta’ nhar ta’ Ħadd u mhux ir-rutina ta’ kuljum, qed tiekol xi pastizz tal-irkotta jew tal-piżelli, sħun sħun, oqgħod attent li ma tixraqx! Mela aħjar taħsiblu ftit għat-tazza tal-ilma sħun. Bħalma, dakinnhar, kelli l-grazzja li jkolli ħdejja jien, il-Patri, waqt li kont qed niekol il-koxxa tat-tiġieġa!

Ifhem! Tidħakha din! Bħalma nidħakha jien ukoll! U forsi ħaddieħor ukoll! Għalkemm ħaddieħor abbli le! Imma l-verità, taħt din id-daħka, ma tantx tħallina nidħku fit-tul. Għax, u għalkemm il-koxxa jiekolha l-isqof, il-patri, id-dun u s-soru, ikolli ngħid li l-lista ta’ dawk li jħobbu jieklu l-koxox hi ferm u ferm itwal minn hekk! U l-lista aqta’ kemm hi varjata! Għax tinkludi nies minn kull livell soċjali! Għax, u issa ejja nkunu saqajna mal-art, għidli ftit min ma jħobbx jiekolha l-koxxa sieħbi? Il-koxxa lili, u naħseb li anki lilek bħali, għallmittni li għadma nini issibilha! Għax koxxa hi! U anki jekk l-għadma prinċipali tagħha tinstab fil-qalba tagħha imma kemm ikollok togħdos fil-laħam sa ma’ ssibha! Mela, u issa ejjew nkunu sinċieri, qed taqbel miegħi li l-koxxa ma fihiex għadam. U ta’ min jiekolha! U mhux le imexmiha!

U hawn, int u jien, għandna iva għalfejn induru lejn il-Mulej u nirringrazzjaw kif ħalaqna! Int u jien, sninna, m’humiex bħal tal-klieb! Dan l-aħħar, fir-restaurant tal-isptar, lili qaluli li l-klieb aqta’ kemm jagħmlilhom tajjeb għal snienhom li jmeximxu l-għadam! Awguri ħuti l-klieb! U veru jien ferħan għalikom! Imma ħa ngħidilkom s’issa għadni ma sibtx nies li huma daqshekk akkaniti li jħobbu imexixmu l-għadam fil-ħajja? Taqta’ lil dawk li jħobbu forsi jmexixmu l-għadma li nagħmlu mal-brodu, u din immeximxuha għax mal-brodu, fil-ħajja ta’ kuljum huma ftit u ftit wisq, u dejjem jekk hawn, min jidħol għal għadam!

U dan, anki jekk insibuha ferm u ferm diffiċli li nammettuh imma diskorsna dan jixhdu fil-beraħ. Aħna x’ngħidu fit-taħdit tagħna? Oqgħod attent għax issib xi għadma! Inkella, ara ssib xi għadma! U, biex żgur din tal-għadma titwessa’ mhux ħażin l-ilsien Ingliż jurina li anki meta nkunu qiegħdin nieklu l-ħut ejjew innaqquh li ma jmurx insibu xi bone! Ix-xewka!

L-għadam dejjem għadam! Għadam ifisser tbatija. Għebusija ta’ xogħol. Diffikultajiet. Imma hemm għadam u għadam ukoll. Ġieli l-ħajja stess ikollha l-għadam tagħha. Il-mard hu għadma. Ix-xjuħija hi għadma. Il-mewt hi għadma tal-għadmiet. Biss, l-għadam hemm miegħu l-laħam ukoll. Jien naf! Dik il-fenkata li kellhom. Jew majjalata. Dik it-tazza kafè jew tè flimkien. Dawk iż-żewġ ċajtiet sbieħ u indaf. Inkella dik il-kelma ta’ kuraġġ. U tant u tant laħam fil-ħajja.

Apposta li waqt li l-Mulej tani grazzja li nsemmi l-laħam flus ma semmejtx. L-għaliex, filwaqt li huma mportanti imma laħam il-ħajja huwa ferm u ferm aktar usa’ mill-flus. Laħam il-ħajja huwa relazzjonijiet sbieħ ta’ mħabba, rispett, paċenzja u, iva, maħfra! U ħa ngħidilkom għeżież, l-għaliex il-Mulej dan jgħallimhuli f’ħajti dan, m’hemmx isbaħ mill-laħam tal-maħfra!

Għax meta l-għadam ta’ ħajjitna jitlaħħam mill-maħfra, mill-ħniena u mill-karità li ma ddoqqx trombi imbagħad, int u jien, ikollna koxxa l-ġmiel tagħha. Ikollna ruħ u spirtu li jsejħu b’imħabba lil min jiekol il-koxxa waħdu u qajla jimpurtah minn ta’ madwaru, biex jibdel ir-rotta. Ħalli jkun koxxa sabiħa hu wkoll!