Il-flitt


Ix-xena għadha stampata sewwa f’moħħi! Niftakarni ċkejken. U, meta ommi kienet taħsel xi kamra fid-dar tagħna, araha tagħlaq it-twieqi fid-dlam. U tifflittja!

Sintendi! Tifflittja biex id-dubbien jitlaq minn hemm. U, jekk l-arroganti dubbien li jġorr il-mard, ried juri x’jaf, mal-flitt kellu jħabbat wiċċu! U, skont ċertu riklam partikulari li f’dak iż-żmien kien jixxandar fuq Xandir Malta, kien jgħid tajjeb, jekk id-dubbiena kienet tisfida ħa turi x’taf, hemm kienet taqa’ mejta zopptu!

Is-sitwazzjoni fil-Knisja kulħadd jaf kif inhi. Smajna fuq li smajna. M’għandix għalfejn nikkummenta fuqha jien. L-istess bħalma nafu bis-sitwazzjoni fil-familji wkoll. U, bil-mod kif ngħixu bejnietna. Huwa ċar li l-pajjiż għamel qabża fil-kwalità fil-ħajja ekonomika. U anki fl-investiment. Biss, u dan qed ngħidu bħala Malti fostkom il-Maltin, fejn qed imorru l-valuri tagħna bħala poplu?

U hawn mhux qed nitħaddet politika tafux! L-aħmar u l-blu! Xejn minn dan! Imma hawn qed nitħaddet fuq x’hemm f’qalbi u f’qalbek. X’hemm sieħbi? Imħabba jew mibegħda? Qalb ġeneruża jew egoista sfrenata? Qed nikkunsidrak tabilħaqq bħala ħija u oħti jew inkella lanqas mhu qed nikkalkulak? Jew inkella l-pet li għandi d-dar jew ma nafx fejn dan l-imbierek pet qiegħed, qed nikkalkulah bil-bosta aktar minnek?

Naħseb li wasal iż-żmien li nidħlu daħla fina nfusna u naraw fejn qiegħdin. Il-ħażen fostna kiber. U b’ħażen qed immur ħafna lil hemm minn dak li nisimgħu jiġi irrapurtat fil-ġurnali u l-bulettini tal-aħbarijiet. B’ħażen qed nifhem kif jiena lilek se nkissrek. Kif se ngħaddi minn fuqek. Kif ħa nirrumblak. Kif ħa niddominak. Kif ħa nġibek taħt saqajja. Kif se nuri li jien b’saħħti aktar minnek. Kif se ntebbalgħek il-fama tiegħek. Kif lilek jiena inneħlilek kull awtorità li l-Mulej poġġielek għax int ġenitur, persuna responsabbli, bniedem li tirrappreżenta l-istituzzjoni politika u anki dik tal-Knisja jew ta’ xi entità spiritwali u ċivika oħra.

Ħbieb, irridu mmorru naqra s’għand San Mikiel! U, biex din nagħmluha, mhux bilfors irridu nkunu Żabbarin jew Lijani! Għalkemm anki dawn imsejħin jagħmluha din iż-żjara bħali u bħalek! Il-biċċa hi li lil dak ta’ taħt San Mikiel qed inħalluh wisq jaħdem fostna! Qed niftħulu l-bieb! Qed ngħidulu: Għaddi ħi! Ruħi qisha tiegħek! Li trid tagħmel biha agħmlu! U qed naħsdu l-frott! Il-velenu li hawn jiġri fostna!

Ma tridx wisq biex tintebaħ li l-velenu ta’ dak li hu taħt San Mikiel hu li ħadd ma jafda lil ħadd. Mis-sema ‘l isfel din l-attitudni misħuta infettat lil kulħadd. Ibda’ mis-soqfa ċatti u spiċċa minn dawk bil-koppli. Din l-attitudni, bħal epidemija qerrieda, qed tħalli xebgħa nies mejtin warajha. Iva ħbieb! Invadietna! Għax, din l-attitudni li ma tafda lil ħadd, għandha bidu: L-INFERN. Mela l-post minfejn ġej dak ta’ taħt San Mikiel.

L-għaliex fl-infern ħadd ma jafda l-ħadd. U kulħadd jobgħod u jissuspetta f’kulħadd. U dan it-tqallieh u remettar qed isir għal dejjem ta’ dejjem. Amen! Fl-infern m’hemmx maħfra. Lanqas ħniena. Fl-infern m’hemmx korrezzjoni mimlija ħlewwa u li tħalli l-frott. Bħalma jafu jagħmlu missier u omm naturali u spiritwali. Le! Fl-infern hemm qtugħ l-irjus għal dejjem. Fl-infern hemm xebgħat kbar bil-bokkla għall-eternità. Fl-infern min jitkerraħlek, jħarislek bl-ikrah, jikkundannak u jittorturak b’dik id-daħka ironika tiegħu miegħek issib u mhux min iħobbok, jħaddnek ma’ qalbu, jafdak u jgħinek tfiq! (Mela noqgħod attent jekk jiena ċiniku u ironiku!)

Is-sabiħa hi li din l-attitudni, anki jekk nippruvaw inlibbsuha ma nafx kemm-il kunċett legali, psikoloġiku jew ‘spiritwali,’ mill-ewwel tinqabad mir-radar ta’ ruħna! Għax ruħi u ruħek ħadd ma jista’ jitmejjel biha. Anki jekk studja jew studjat. U anki wkoll jekk ikollu u jkollha l-esperjenza. U, m’għandniex xi ngħidu, anki jekk jaf u taf jpoġġi u tpoġġi d-diskors. U min se jieqaf, bl-‘għerf’(?) tiegħu u tagħha lil Dak li jiskenjana bil-ħarsa tiegħu? Lill-imħallef tal-imħallfin? Lill-Mexxej tal-mexxejja? U lill-Qassis tal-qassisin? Min?

Is-sabiħa hi li, nemmen jew ma nemminx fiH, miegħu irrid inħabbat wiċċi u diffri! Mela ejja numilja ruħi u nidħol fil-ħniena tiegħu u ndaħħal lil dawk li jien msejjaħ u msejħa nieħu ħsieb fil-ħniena tiegħu. Jekk ma rridx li nispiċċa barra minn saltnatu bil-pompi kollha għax ma nkunx imxejt bi ħnientu imma bil-‘ġustizzja’ tiegħi ta’ bniedem li veru ma jemminx bil-basal?

Lid-dubbiena, jiġifieri lix-xitan, irridu nifflittjawlu. Ħa jparpar. U, iva, San Mikiel Arkanġlu, ikun jista’ jkompli jrażżnu għax jixwieh fuq il-barbeque set tal-infern. Hawn hu l-flitt spiritwali li bih, il-Mulej, jifflittja bih lix-xitan u jġagħlu jirtira mill-kamra ta’ ruħi u ruħek u jmur naqra fuq il-barbeque set. Il-flitt jismu Talba ta’ San Mikiel Arkanġlu:

San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int il-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa t’Alla, fil-qiegħ ta’ l-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien ta’ l-erwieħ. Ammen.

Ħa nifflittjaw kuljum b’dan il-flitt u nagħmlulu cabinet fi djarna. Jiġifieri nagħmlu statwa ta’ San Mikiel Arkanġlu. Hekk nifflittjaw lid-dubbiena moqżieża b’ħafna u ħafna pjaċir ħa ngħixu fis-sliem mal-Mulej, magħna nfusna u ma’ xulxin!

Viva l-flitt!