Lectio Divina għall-Għid il-Kbir

Vanġelu (Ġw 20. 1-9):  Ġużeppi minn Arimatija u Nikodemu dilku l-ġisem ta’ Ġesu bi ħwawar ifuħu. Keffnuh u poġġewh f’qabar fejn ħadd qabel ma kien indifen. Wara marru d-dar għax kien il-vġili tal-Għid tagħhom u għalhekk kellhom jagħmlu l-ikla tal-ħaruf.  F’ħafna kulturi, anki dawk mhux Insara, insibu li l-qraba jippreparaw b’ħafna kura il-ġisem ta’ xi ħadd għażiż għad-difna. Dan juri li għandhom tama ta’ ħajja oħra wara l-mewt.  Barra l-ilbies li se jkeffnuna fihom, aħna se jkollna ilbies ieħor – l-għemejjel tajbin kollha li nkunu għamilna u li bihom se nippreżentaw rwieħna quddiem il-Mulej.

  1. Is-Sibt kien jum ta’ mistrieħ. Dawk li kienu jħobbu lil Ġesu żgur li għaddewh fis-skiet.  Minn moħħhom għaddew ħafna ħsibijiet: “Mhux suppost li Ġesu kellu jispiċċa hekk.  Għaliex Alla ma ndaħalx biex jeħilsu?”
  2. Il-Ħadd kien l-ewwel jum tal-ġimgħa. L-ewwel li tissemma’ hi Marija Maddalena.  Qabel ma sebaħ ġiet ħdejn il-qabar. (Dil-kelma ‘qabar’ tidher seba’ darbiet f’dis-silta).  Ma setgħetx taċċetta li Ġesu li kienet tant tħobb huwa mejjet.  Ma kienx hemm tama aktar, imma ġiet hawn forsi ssib tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ moħħha: “Għaliex ġara dan? Għaliex issa?”  Marija tirrapreżenta dawk kollha li jħobbu ‘l Ġesu u jsaqsu l-istess mistoqsijiet fuq il-mewt ta’ Ġesu u fuq l-enigma tal-mewt in ġenerali.  Marija tasal hawn fid-dlam.  Illum jew għada kulħadd se jaqa’ vittma ta’ dan il-mostru li hi l-mewt.  Marija rat il-blata mneħħija u l-qabar vojt, u telqet tiġri tgħid lil Pietru u lid-dixxiplu l-ieħor.  L-evanġelisti ma kellhomx dubju li l-ġebla kienet imgerrba u l-qabar kien vojt.  Kieku dan ma kienx veru u vvintawh huma, ma kinux jinvolvu nisa fil-ġrajja, għax ix-xhieda tagħhom ma kinitx tiswa.  Ġesu kien qal: “Nidrob ir-ragħaj u l-merħla tixtered.” Hawn għandna l-Maddalena li bdiet terġa’ tiġbor in-nagħaġ flimkien.  Dil-mara, bħal waħda f’telfa ta’ mħabba għall-għarus tagħha, ma tistax taċċetta li Ġesu miet. Tibqa’ tfittex xi raġuni li jtiha sens.  Anki aħna, jekk tassew inħobbu ‘l Ġesu, ma niddisprawx fil-qtigħ ta’ qalb u fid-dubji fuq il-fidi, imma nibqgħu nfittxuh sakemm insibuh.
  3. Iż-żewġ dixxipli: Pietru u “d-dixxiplu l-ieħor” li jissemma’ seba’ darbiet f’S. Ġwann, bla isem u dejjem jgħaddi lil Pietru. E.g. (a) Kien qablu bħala dixxiplu tal-Battista ma’ Indri. (b) Fl-aħħar ċena l-uniku wieħed li għaraf min kien se jbiegħ lil Ġesu. (ċ) Jidħol isegwi l-ġuri tas-Sinedriju, waqt li Pietru jiċħad lil Kristu u jaħrab. (d) Isegwi lil Kristu sa fuq il-Kalvarju.  (e) U llum narawh jiġri ma’ Pietru sal-qabar u jasal qablu.  Mitt sena wara l-mewt ta’ Ġwanni bin Żebedew, il-Knisja bdiet tagħrfu bħala “d-dixxiplu l-ieħor il-maħbub ta’ Ġesu.” Imma fis-silta tal-lum, kull wieħed minna irid jidentifika ruħu ma’ dil-persuna, irid jimxi ( jew jiġri) t-triq li mexa; isegwi ‘l Kristu f’kull pass ta’ ħajtu; u jfittex x’sar minn ħajjet Kristu wara li miet – Hu li hu l-awtur tal-ħajja u li xorta waħda ta ħajtu għalina. Kull wieħed minna hu “d-dixxiplu l-ieħor”.
  4. Din il-ġirja miċ-ċenaklu sal-qabar ħadet li ż-żewġ dixxipli quddiem il-pretorju ta’ Pilatu. Faċċata tal-pretorju kien hemm pjazza kbira fejn kienu jarmaw is-suq.  Waqt il-proċess ta’ Ġesu, aktarx li l-Fariżej ġabru folla minn din il-pjazza biex jgħajtu:  “Sallbu”.
  5. “….laħaq qabel, tbaxxa u ra..” Tbaxxa għax id-daħla kienet żgħira. Min iħobb, jinduna mill-ewwel, qabel l-oħrajn. Imma jieħu paċenzja bl-oħrajn li jieħdu ftit taż-żmien sa ma jaslu biex jaraw. Dan hu l-aspett tal-komunita. Ra, mhux biss bl-għajnejn materjali, imma wkoll bil-fidi.  Il-liżar kien ikun erba’ metri b’metru. Bih jgħattu wara u quddiem barra r-ras. Faxex kien ikun hemm biss madwar l-għonq, fil-ġnub u s-saqajn, i.e. mhux bħall-mummja Eġizzjana. Il-wiċċ kien jitgħatta b’maktur li jsejħulu sudarju, li kien iżomm il-ħalq magħluq.  Id-dixxiplu ra l-faxex madwar il-liżar kif kienu fid-difna. Biss issa mingħajr il-ġisem ta’ Ġesu, qisu l-ġisem dab u sparixxa.  Kieku dal-ġisem insteraq, kienu jeħduh bil-faxex b’kollox. U li kieku riedu jħolluhom, żgur ma setgħux jagħmluhom bil-galbu kif sabhom id-dixxiplu.  Mela d-dixxiplu ra dan kollu, fehem li Alla ma abbandunax lil Ġesu fid-dlamijiet tal-mewt, “u emmen”.  Ġesu m’għamilx pass lura u ħa l-ħajja kif kienet qabel mewtu.  Daħal fis-sepulkru, żvojtja l-qabar u ħareġ lil hinn minn din il-ħajja materjali u għadda għall-ħajja glorjuża, il-ħajja tal-Missier Etern.  Kulma ġara hawn, wieħed jista’ jarah biss bl-għajnjen tal-fidi.  Id-dixxiplu emmen.  Ma ppruvax jikkonvinċi lil Pietru. Ħallieh, u tah iċ-ċans biex jasal waħdu hu għall-istess konklużjoni.  Il-faxex biss mhux prova tal-Qawmien.  Ħafna jaqraw dis-silta u ma jemmnux.  Il-mod ta’ kif wieħed iħares, bil-ħarsa ta’ min jemmen, twasslu għall-prova tal-Qawmien: “Imberkin dawk li jaraw.”   Sa dak in-nhar, id-dixxipli kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.  Dan il-Għid, ejjew nirriflettu fuq dan id-Dawl li ngħatalna.  Noqgħodu attenti biex ikollna qalb u moħħ sensittivi biex nilqgħu dan id-dawl li jagħti sens lil kull fażi ta’ ħajjitna: il-ferħ, in-niket, it-tamiet, id-diżappunti, il-ħbiberija, l-imħabba.

Sors: lachiesa/it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Dawn il-jiem qaddisa huma tifkira ħajja ta’ dak kollu li għamel għalina l-Mulej Ġesù

Il-Ħadd, 14 ta’ April 2019: L-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm, bit‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u Quddiesa fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Continue reading “Dawn il-jiem qaddisa huma tifkira ħajja ta’ dak kollu li għamel għalina l-Mulej Ġesù”

Cherishing the first half of the Holy Week

Now that the Holy Week has started, precisely on Palm Sunday, it is important to see how the liturgy, especially the office of readings, helps us appreciate all the more the powerful mystery we are celebrating this week. Suffice to look at the patristic contribution of the first half of this great week of our salvation, that is from Palm Sunday to Holy Wednesday, to value what Christ did for us and for our salvation. Continue reading “Cherishing the first half of the Holy Week”