Bil-mod! Għax twaqqagħni! U tweġġagħni!

Print Friendly, PDF & Email

Tlajt filgħodu. F’jum pjuttost kiesaħ. Fil-karozza tal-linja. Għax, b’tal-linja jaqbillek! U veru! U dan ngħidu għalija nnifsi! L-għaliex, mill-esperjenza tiegħi, tallinja veru sibthom tajbin għalija! Għax bihom nista’ immur kullimkien! U aqta’ kemm qed nitlob u nagħmel wegħdi sabiex tfittex tasal dik il-ġurnata fejn se jiġu b’xejn! Intant …

Ġejt mela biex nitla’ fuq il-karozza tal-linja. U, sewwasew quddiemi, kelli kju żgħir ta’ nies. Kif qatt inħares sewwa bdejt, bil-qajla l-qajla, nintebaħ li dan il-kju żgħir ma kienx jikkonsisti f’xejn għajr f’żewġ ħaddiema barranin li aqta’ kemm bdejt itaqtqu bejniethom! Għalkemm ippruvajt niskapula d-dnub tas-sindikar ħbatt nipprova nifhem l-ilsien li bih kienu qiegħdin jitħaddtu bejniethom. Imma ħej tafu li ma rnexxilix! Madankollu, li naf biss hu li aqta’ kemm baqgħu jtaqtqu! Iva ħallieha! Ma jimpurtax! Allura! Mhux kulħadd irid ifendi xi kelma jew tnejn? Ajma! L-aktar jekk kienu ġejjin minn xi shift tar-Real Madrid fl-Isptar!

U baqgħu itaqtqu! U fl-aħħar seħħli nitla’ wara l-aħħar waħda. Alla jbierek! Tafu li baqgħet ittaqtaq sal-aħħar! Għodu għodu! Iva x’saħħa għandhom dawn in-nies! Imma nsomma! X’tagħmel! U ħa nerġa’ ngħidha, l-għaliex ħierġa minn ħalqi għax minn qalbi: ħallieha! Ma jimpurtax!

Kien issa wasal il-waqt tiegħi li noħroġ il-card. U dan hu li għamilt. L-għaliex, idi il-leminija dritt marret iġġib il-card li kelli mistrieħa fil-but tal-ġakketta l-kannella. Ħriġt il-card il-ħadra u għaddejtha. Minn naħa l-oħra, eżattament minn wara l-isteering, ma kelli l-ebda rispons. Forsi tgħidli: Iva x’ridtu jew ridtha jgħidlek u tgħidlek għodu għodu x-xuffier u x-xuffiera? Xejn ħi! Propju xejn! Imqar dik il-Bonġu! Jew, għax issa aħna pajjiż kożmopolitan, Good Morning! Imma xejn! Skiet perfett! Skiet li tista’ taqtgħu b’sikkina!

X’ħin dort lura biex insib post fejn nista’ noqgħod bilqiegħda ġejt bejn ħaltejn fejn se naqbad immur ħa npoġġi. X’ħa nagħmel? bdejt nirraġuna u immaħmaħ f’moħħi. Fejn se naqbad inpoġġi? Hemm jew hemm? Din in-naħa jew in-naħa l-oħra? Ma nafx ħbieb! Għall-mument kelli blackout! Imbagħad, u wara ftit ħin, iddeċidejt li ndur lura biex inpoġġi fuq is-seat ta’ wara x-xuffier. Imma ħej, dan ix-xuffier barrani ma tanix ċans! Għax, hekk kif rani ngħaddi l-card mill-ewwel għafas il-gas u beda jsuq! U aqta’ kemm sabni f’pożizzjoni vera tajba! Sabni eżattament jien u ntella’ sieqi l-leminija biex noqgħod bilqiegħda!

Il-moviment tal-karozza kien se jitfagħni mal-art! U, f’daqqa waħda, għajjat bl-ilsien Malti: Bil-mod! Għax twaqqagħni! U int issa, li artek bħalissa soda u ma titħarrikx, tgħidli: Imma Patri! L-għaliex ma għedtlux bl-Ingliż?Kif tridu jifhmek? L-għaliex wara sieħbi sirt naf li hu barrani! Imma l-istint xorta hemm qiegħed! U hemm jibqa’ tafux! Avolja mgħarraq wara turrun ħwejjeġ! Li, tista’ tgħid, kulur wieħed skun għandhom u riħa ta’ inċens iġorru magħhom!

Allura l-punt tiegħi x’inhu? Fil-ħajja ejjew ikollna ftit tal-paċenza ma’ xulxin. Xi wħud jaraw biss dak li għandu jsir u aqta’ kemm jitfgħu nies ma’ l-art jaħasra! U forsi, mingħajr ma jafu, b’dan il-mod ta’ bla ħsieb tagħhom, aqta’ kemm ikunu qiegħdin imegħku mhux biss lill-oħrajn imma lilhom infushom stess mal-art! U mela xi ħadd minna kien maħluq biex jobdi skeda fil-ħajja? Inkella xi ħadd minna ġie maħluq biex jidħol f’sistema u jibqa’ maqbud fiha?

Dan l-iżball ħbieb fil-ħajja nagħmluh ilkoll. Kemm barranin u anki Maltin! L-istess bħalma hawn xuffiera tallinja Maltin li jagħtuk ċans toqgħod bilqiegħda u oħrajn li, mhux talli ma jagħtukx ċans talli dritt jibdew jagħfsu dak l-imbierek gas! Minix ngħid li post il-gas fil-ħajja m’għandux ikun. Jiġu iva mumenti fejn fil-ħajja l-gas ikollna bżonn nagħfsuh. U allaħares jekk ma nagħfsuhx! Imma ħej ejjew ma nirrendux ħajjitna tellieqa! Għax, u ngħid jien, tellieqa għalfejn? X’ħa nieħdu b’daqshekk?

Niftakar li meta seħħli noqgħod bilqiegħda, u bi ftit tbatija wkoll, fuq is-seat ta’ wara x-xuffier, ma stajtx niġi f’tiegħi malajr. F’radda ta’ salib. Ridt il-ħin. U, f’dan il-ħin, ħaġa waħda dehret ċarissima f’moħħi u f’qalbi: fil-ħajja ma nistax nagħmel kollox! U kollox f’daqqa! Inkella merħba bik frakass! Le! Fil-ħajja irrid il-pawsa. Irrid il-ħin tar-riflessjoni. Biex inkun in tune ma’ dak li l-Ispirtu ta’ Alla jkun qed jagħtini f’moħħi u f’qalbi f’dak il-mument. Inkella, jekk ma nagħmilx hekk, kif nispiċċa?

Illum lill-Mulej ngħidlu GRAZZI kbira mill-esperjenza tal-attakk tal-qalb li għaddejt minnha. U, ngħidlu GRAZZI, l-għaliex, bil-grazzja tiegħu, ma nistax le f’ħajti inqażżiżha. Ma nistax naħdem kemm jgħidli moħħi. Imma, b’kemm il-Mulej jurini li għandi naħdem b’saħħti stess. Għax jekk nibqa’ inwebbes rasi tibżgħux il-magna ta’ qalbi aqta’ kemm tibda’ titriegħed miskina! U, f’dik ir-rogħda tal-biża, tibda’ tgħidli: Jekk jogħġbok Patri Mario! Bil-mod jaħasra! Ħa toqtolni!

Fil-ħajja irridu nagħtu ċans lill-Mulej ikellimna. U irridu anki nagħtu ċans lilna nfusna li nisimgħuh. Irridu wkoll nagħtu ċans lilna nfusna li nwieġbuh. U ċans ukoll li nagħtu ċans lil xulxin nitkellmu u anki li jkollna l-ħin tagħna ta’ waħedna. Ħalli meta nerġgħu niġu flimkien ngħinu lil xulxin u mhux nispiċċaw kelb u qattus inkella nidħlu fil-burdata tal-gwerra bierda jew botti li jweġġgħu bl-art, bl-ajru u bil-baħar!

Bil-mod! Kellimni b’rispett! Għax twaqqagħni! U twaqqagħni l’isfel! Tkissirli l-moral! U, abbli, iċċajparli triqti wkoll! Għalhekk, u ħa nerġa’ ngħidhielek minn qalbi, għax nafdak u naf x’potenzjal kbir hemm fik: Bil-mod! Għax twaqqagħni! U tweġġagħni!

Leave a Reply

%d bloggers like this: