Dejjem naqla’!


Il-Ħadd 14 ta’ April bdejna l-Ġimgħa Mqaddsa. Jiġifieri l-Ġimgħa li fiha nfakkru l-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu Sidna. F’din il-Ġimgħa, hekk speċjali għall-fidwa tagħna u dik tal-univers, se nitgħallmu ruxxmata affarijiet!

U, forsi, waqt li nibdew nitgħallmuhom, aħna wkoll se nibdew inċaqalqu rasna għax nibdew ngħidu: Għidli! Għidli! Ħallieha din, u issa nibda’ minni l-ewwel wieħed, se nibda’ ngħidha mhux biss l-għaliex inġarrabha imma wkoll għax nagħmilha jiena stess! Insomma!…

U, it-tagħlimiet, nistgħu nibdew niskrolljawhom. Waħda waħda. Fuq l-iscreen ta’ ħajjitna! L-ewwel nett, se nitgħallmu kemm hu veru meta ngħidu: tagħmel il-ġid u jiswielek b’deni! U, jekk hemm xi Ħadd li din għexha fil-milja tagħha, ma kien ħadd għajr Ġesù stess! Tgħid għamel ġid Ġesù? Illum ngħid li Ġesù mhux talli għamel il-ġid imma kien l-istess ġid! Il-ġid infuż! Il-preżenza tiegħu biss kienet biżżejjed biex dak jew dik li jkun u li tkun jimtela’ u timtela’ bil-fejqan! Bis-sigurtà! Bil-kuraġġ! Bis-sewwa! Bit-tjubija! Bl-empowerment!, Insomma … BL-IMĦABBA! U mħabba vera tafux! U la tal-ħass u lanqas ta’ ma nafx xiex! Għax Ġesù, tħarislu biss f’għajnejH, biżżejjed hi biex jirbħek għaliH! Ġesù sieħbi, Ġesù! U ħobbu! U ħobbu kemm tiflaħ! Nitolbok bil-ħniena ħabib!

Issa lil dan Ġesù għamlulu kannen tafux! U bellgħulu kannen! U ma nafx x’ma qalgħluhlux! U x’ma nafx x’ma qalux fuqu! Ikkorrompew wieħed minn ‘tiegħu’. Li, l-iblaħ, mar biegħu għal tletin biċċa tal-fidda. (Ħallieha li jien abbli kont inbiegħu għal aktar! Ipokrita li jien!) U tahulhom f’idejhom. Ħeqq! Meta kellhom lilu f’idejhom riedu juru x’jafu! Riedu juru l-iskills tagħhom! Hemm ara fejnhom l-iskills tagħhom! Damdmuh. Fuq li damdmuh. Agħmluh letteralment demel! U, Ġesù, soffra l-abbużi kollha possibbli tagħna, ilkoll kemm aħna, f’daqqa! Għax, f’idejhom, ġie agħar minn biċċa karta. U mbagħad waslu biex għaddewh f’idejn ir-Rumani. Ħalli dawn ukoll jbillu subgħajhom fl-ilma mdardar tal-ħażen u l-ħdura.

U dawn, ta’ bulijiet li kienu, riedu juru xi jsarrfu. Għalhekk, Pilatu, il-pinnur, (mela bħali! u forsi bħalek?), ried jintgħoġob ma’ kulħadd. Għalhekk ħaseb li biex jikkalma ftit il-folla, li kienet imxewxa u għatxana għal demmu, ħaseb biex itih tiswita tajba. Ħalli juriehom li t-tmexxija Rumana kapaċi tigdem ukoll u tħalli nejbietha fuq dak li jkun!

U hawn jinfetaħ għalija separju mill-aktar kbir u nteressanti. F’palk li fih iħaddan il-passat u l-preżent. U, nittama, li ma jkollux le futur aktar! Il-Passat! L-esperjenza għadha ċarissima f’moħħi! Meta mort Medjugorje. U, bħal ħafna patrijiet u qassisin mid-dinja kollha, kelli l-grazzja li nqarar. U ġie hu, il-penitent. Li għamel qrara qrarun. U, wara xi tlett xhur li ġejt Malta, nispiċċa nirċievi biċċa ta’ pakkett daqshiex. Il-kunvent. U, meta ftaħtu, x’insib? Jekk mhux biċċa pittura l-ġmiel tagħha ta’ Ġesù ifflaġellat?

Oh! Dik l-għajn mifqugħa u l-oħra sħiħa! Oh! Dak il-wiċċ espressiv ta’ raġel kważi mtappan fid-daħna tal-uġiegħ. Għax, l-uġiegħ fiżiku huwa daħna ħbieb! Illużjoni! Mhux l-għaliex wieħed ma jħossux. Le! Wieħed iħossu! Imma jħoss dan l-uġiegħ l-għaliex l-ispirtu jkun qed ibati. L-għaliex jiġi assedjat minn tant u tant inġustizzji tal-ħajja. Li ġejjin mhux l-għaliex il-Mulej telaqna. Imma l-għaliex il-ħażen arroganti. Jibqa’ ġej. U dejjem ġej. Għax il-ħażen hu ndannat. Irid kollox issa. U jaħtaf kollox. Biex jitlef kollox. Għax saħħa fil-ġogi ta’ ruħu m’għandux! Għax ruħu mitlufa! Il-ħażen jagħmel xebgħa storbju. U jiddandan. U juri x’jaf. Biex imbagħad, tbissima ta’ tifel ċkejken u tifla ċkejkna iġġibu ħara! Daqshekk iġibu! Is-sewwa iqażżeż lill-ħażin! Il-qdusija titmellaħ bil-ħżunija! Il-maħfra iddemmel lill-mibgħeda! U l-umiltà iżżarma lis-suppervja biċċa biċċa! Mela ħa noqgħod inżomm ġo qalbi? Worth it? Żgur li le!

U meta bħalissa, għall-irdoss tal-bank ta’ quddiem, fil-kappella ta’ Mater Dei, noqgħod nitgħaxxaq bl-indafa xummiema tal-Kappella taħt il-kura ta’ Patri Mario Borg OFM Cap, u meta nifli dak l-armar ħelu għal żmien ir-Randan li Patri Bertrand Vella OFM Cap għoġbu jarma f’riġlejn l-artal mejda, ma nistax ma nibqax affaxxinat minn dik il-kolonna l-bajda u l-flaġell! Iva x’semgħet dik il-kolonna? U x’ħass dak il-flaġell?

Eh sieħbi! Dik il-kolonna semgħet lil Ġesù jgħid kelma importantissima qabel ġabuh pjaga! Missier! Qalbi lesta! Jiġifieri: Missier, qalbi mħejjija! Imma mħejjija għalxiex? Biex taqla’! Qalbi mħejjija biex tirċievi l-insulti! Qalbi mħejjija biex jidirsu fuqha! Qalbi mħejjija! Imma biex ġiet imħejjija din il-qalb? Bl-imħabba! Li hi lejaltà! Li, fejn jidħol il-Missier, Alla nnifsu, ma jidħol ħadd! Din il-qalb ġiet imħejjija bl-‘IVA’ li Ġesù baqa’ jgħid lil Missieru u Missierna. Sal-aħħar nifs! Dik il-qalb ġiet imħejjija l-għaliex qattgħet tant u tant ħin mal-Missier! Il-veru mħabba tiegħek u tiegħi!

Għalhekk tibżax meta jaqlgħulek! Bħalma lanqas m’għandi nibża’ jien meta jġibuni biċċiet. Jidirsu fuqi. U jġibuni chips! Sieħbi! Ħija! Oħti! Ħa ngħidlek ħaġa ara, jien li bħalek ngħaddi u naqla’: il-fwieħa biex issir? L-inbid kif isir? U ż-żejt minn liema proċess jgħaddi? Mhux ilkoll jirċievu l-għasra? Il-fjuri jingħasru u hekk ikollna l-fwieħa. L-għeneb jgħassruh u jkollna l-inbid. U ż-żebbuġ jgħassruh u f’idejna ikollna ż-żejt. Mela għasir. Għasir. Għasir! Għasri! L-Għasri! Ftehmna?

Imma l-għasir iweġġa’! Għidli! Id-dħin iġennen bl-uġiegħ! Għidli! Imma jien kif ħa nkompli għaddej u għaddejja meta jgħassruni? Is-sigriet hu dan li ġej. Darba, mara, qaltli hekk: Patri! Meta ngħaddi minn infern immur fil-kamra tas-sodda u nitlob bil-mod it-talba tal-MISSIERNA. U wara nħossni tajba! Kif smajt dan il-kliem bqajt inħares lejha! Imma ħej veru! Kellha raġun biex tbiegħ! Għax ippruvajtha. U ħadmet!

Itlob it-talba tal-MISSIERNA għal dawk li jballtulek! Iva! Ngħidilek jien! Li … dejjem naqla’!