Fit-tbatija ta’ Ġesù naraw id-disprezz tal-umanità għall-verità u għall-ħajja


Il‑Ġimgħa, 19 ta’ April 2019: Il‑Ġimgħa l‑Kbira, fit‑3:30 p.m., l-Arċisqof mexxa l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Din il‑liturġija tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑Adorazzjoni tas‑Salib u t‑Tqarbin.

 

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

“Ecce Homo” (hawn hu il-bniedem) (Ġw 19:5). Dawn il-kelmiet ta’ Ponzju Pilatu fihom verità profonda fuq diversi livelli.

Wara li smajna r-rakkont tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù skont San Ġwann, nistgħu nifhmu iżjed kemm huma profondi l-kliem ecce homo għaliex f’Ġesù ta’ Nazaret ifflaġellat, inkurunat bix-xewk u ttorturat hemm is-sintesi tat-tbatija tal-bniedem. “Kien imżeblah u nwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard” (Iż 53:3). Min iżur xi sptar f’dawn il-ġranet jew inkella min iżur xi faċilità korrettiva, kif jgħidulu l-ħabs illum, jiltaqa’ ma’ diversi bnedmin; fihom hemm ukoll ix-xbieha ta’ Ġesù: “Ecce homo”. Kull min hu mżeblah u mwarrab mill-bnedmin, kull bniedem li jbati, kull bniedem li jaf x’inhu l-mard, jista’ jħares lejn Ġesù llum u jgħid: “Ecce homo”.

Fl-istess ħin meta nħarsu lejn it-tbatija tiegħu nifhmu wkoll fejn tista’ tasal l-kefrija tal-umanità u f’dan is-sens nistgħu wkoll ngħidu ecce homo, dan jaf jagħmel il-bniedem, ecce homo. Fit-tbatija ta’ Ġesù naraw id-disprezz tal-umanità għall-verità, id-disprezz tal-umanità għall-ħajja, naraw dak kollu li jfisser inġustizzja, rabja inġusta u qtil. “Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna (Iż 53:5).

Hawnhekk naslu għat-tielet sinifikat tal-frażi qasira u sintetika ta’ Pilatu ecce homo. F’Ġesù ta’ Nazaret, sultan tal-Lhud, hemm ukoll il-fejqan tagħna. “Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa kull wieħed minna qabad triq għal rasu u l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen” (Iż 53:6) ta’ kull wieħed u waħda minna. “Bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Iż 53:5).

Illum ejjew nitolbu u nqimu lill-Mulej imsallab biex nidħlu fil-profond tal-kelmiet ecce homo għax l-Iben ta’ Alla sar bniedem billi obda, “obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8).

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta