IL-QAWMIEN JIBDILNA


4. L-Erbgħa tal-Ottava tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu? (Lq 24, 26).

Illum fil-Liturġija naqraw ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Emmaus. Kienu qalbhom maqtugħa, billi dak Ġesù li kienu emmnu fih kien maqtul. Kellhom idea li l-Messija kellu jkun bniedem ta’ qawwa u għalhekk ma setgħux iniżżluha kif dan inqatel; għalhekk inqatgħu minn mal-komunità f’Ġerusalemm u marru lejn Emmaus, imdejqa u mħawda.

Iżda Ġesù dehrilhom, u f’din is-sentenza naraw li qalilhom li qabel jidħol fil-glorja kellu jgħaddi mit-triq tat-tbatija. Bħad-dixxipli ta’ Emmaus, min jaf kemm staqsejna l-mistoqsija li ladarba Alla jeżisti, kif hawn tant deni fiżiku u tant ħażen morali? Il-misteri ta’ Alla mhux dejjem nifhmuhom.

Jeħtieġilna li nitkellmu dwar din il-mistoqsija ma’ Ġesù kif għamlu d-dixxipli ta’ Emmaus. Ma hemm xejn ħażin li niftħu qalbna ma’ Ġesù dment li nkunu sinċieri u nfittxu l-verità. U Ġesù jagħtina r-risposta li tant nixtiequ meta u kif jaf Hu.

Is-salib mhuwiex xi diżunur u lanqas xi kastig minn Alla. Iżda jista’ jkun ta’ ġid għall-bniedem li huwa kontinwament ittentat biex jorbot qalbu ma’ din id-dinja. Huwa stess għadda minn din l-esperjenza morra tal-passjoni u l-mewt. Iżda fit-tielet jum qam glorjuż biex ma jmutx aktar.

U proprju dan hu dak li kienu għadhom ma fehmux id-dixxipli ta’ Emmaus! Kienu jafu bit-tbatijiet li għadda minnhom Ġesù, iżda ma kinux għadhom emmnu fil-qawmien. Hekk ukoll, min joqgħod jaħseb fuq it-tbatija ta’ did- dinja u ma jġibx quddiem għajnejh li Kristu rebaħ il-mewt u d-dnub, ser jibqa’ qalbu maqtugħa bħal ma kienu d-dixxipli ta’ Emmaus, u jista’ jasal biex jiddispra.

Għalhekk, inkunu għamilna esperjenza ta’ Ġesù meta bħal dawn id-dixxipli, nemmnu fil-qawwa li għandu Alla li qajmu mill-mewt. U r-rebħa ta’ Ġesù tkun ir-r-rebħa tagħna. Jiddependi x’fidi għandna Fih.