ĠESÙ RXUXTAT JAGĦTINA L-PAĊI


5. Il-Ħamis tal-Ottava tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Kif kienu għadhom qegħdin jitkellmu, huwa nnifsu waqaf f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom”(Lq 24, 36).

F’din is-silta naraw lil Ġesù Rxuxtat jagħti l-paċi lill-Appostli. U din hija l-garanzija għal dawk li jemmnu fil-qawmien ta’ Kristu. Mhux qed iwegħedna unuri u ħwejjeġ materjali, lanqas li l-affarijiet f’ħajjitna jmorru kollha kif nixtiequ aħna, imma li jkollna l-paċi “tiegħu” f’qalbna.

Min jimxi wara Kristu mhux ser jgħix fil-vojt. Avolja jkollu jgħaddi mit-tbatijiet jekk jissieħeb fil-misteru tal-Għid (mit-tbatija għall-glorja), ser isib il-paci vera f’qalbu kif jaf jagħtiha Ġesù biss.

Għax il-paċi li jagħtina Ġesù hija l-vera paċi. Hija paċi li timla verament il-qalb. Kellu raġun Santu Wistin jgħidilna li qalbna hija maħluqa għal Alla u ma ssibx mistrieħ jekk mhux fih.

Iżda nkunu mqarrqin jekk naħsbu li bil-paċi li jagħtina Ġesù ser tiġri qisha xi maġija u kollox jibda jmur sewwa mingħajr problemi ta’ xejn. Il-paċi li jagħtina Ġesù hija dik il-qawwa li naraw kollox b’viżjoni ta’ fidi, jiġifieri li Alla jidħol fil-ħajja tagħna u jibdilna. Mhux kif irridu aħna, imma kif irid Hu minna, basta nintelqu kompletament f’idejh.

San Ġorġ Preca jesprimi b’mod mill-aktar ċar dan li għedna: “F’din id-dinja m’hawnx purgatorju, imma ġenna jew infern, għax min jissaporti d-dwejjaq bir-rassenjazzjoni, bil-paċenzja għandu l-ġenna, u min jispaċenzja ruħu għandu l-infern. Paċi dejjem għal min irid dak li Alla jrid” (Direttorju Spiritwali, Nru 517).

Kif Kristu ta l-paċi lill-Appostli, hekk aħna wkoll li nkunu ngawdu l-paċi tiegħu, nistgħu nagħtuha lill-oħrajn. Kristu stess jgħidilna: “Imberkin dawk li jġibu s-sliem, għax jissejħu ulied Alla” (Mt 5, 9). Imma min m’għandux il-paċi ta’ Kristu f’qalbu, jgħix fid-dwejjaq u ma jġibx ħlief dwejjaq lil ħaddieħor.