Il-LAQGĦA MA’ KRISTU

Print Friendly, PDF & Email

6. Il-Ġimgħa tal-Ottava tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Dak id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” (Ġw 21, 7).

Dan il-vers huwa meħud mill-Vanġelu ta’ San Ġwann li jitkellem fuq id-dehra ta’ Ġesù lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija.

Skont dan l-Evanġelju din kienet it-tielet dehra ta’ Ġesù Rxuxtat. Meta rawh, id-dixxiplu l-maħbub tiegħu jiġifieri San Ġwann, qal lil San Pietru li dan kien il-Mulej. Għax kien aktar qrib lejn il-qalb ta’ Ġesù, Ġwanni għarfu qabel l-Appostli l-oħra

L-istess jista’ jiġri lilna. Minħabba l-għaġla tal-ħajja, nuqqas ta’ riflessjoni u mumenti ta’ talb, nistgħu nibdew naġixxu daqslikieku Kristu nsibuh biss fil-knisja. Iżda meta tolqotna l-grazzja ta’ Alla nagħrfu aħjar lil Kristu, basta nkunu aktar qrib lejn il-Qalb tiegħu.

Veru li m’aħniex ser naraw lil Kristu Rxuxtat kif kienu jarawh l-Appostli. Iżda huwa għadu ħaj fid-dinja u jħobbna. Jinsab preżenti fl-Iskrittura, fis-Sagramenti b’mod speċjali fl-Ewkaristija, fil-ministri tal-Knisja, u anki fil-proxxmu. Imma kemm qegħdin nistinkaw biex inserrħu rasna fuq Qalbu bħal ma għamel Ġwanni fl-aħħar ikla?! U kemm tassew qegħdin nippruvaw kontinwament li naraw lil Ġesù ħaj fostna, f’kollox u f’kulħadd?

Veru li dment li aħna fid-dinja qisna qegħdin naraw f’mera li mhix ċara għal kollox. Imma biex ngħidu “Dan huwa l-Mulej” għandna bżonn ngħixu b’viżjoni ta’ fidi mhux biss meta nkunu fi knisja.

Niftakru li Ġesù jista’ jinħbielna wkoll. Iżda bħall-Appostli nżommu quddiem għajnejna li huwa qam u għadu preżenti b’mod ieħor fid-dinja filwaqt li nkunu ħerqanin ħalli nerġgħu nagħmlu esperjenza tiegħu f’relazzjoni intima ta’ mħabba spiritwali.

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading