ĠESÙ JIBGĦAT LILL-APPOSTLI


7. Is-Sibt tal-Ottava tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu”(Mk 16,15).

F’din is-silta meħuda mill-Vanġelu tal-lum naraw lil Kristu Rxuxtat jibgħat lid-dixxipli mad-dinja kollha jxandru l-bxara t-tajba, jiġifieri l-Vanġelu.

CaptureTa’ min josserva li Kristu Rxuxtat ma deherx lil kulħadd. Dan ifisser li d-dehriet tiegħu ma seħħewx fit-tempju jew quddiem il-kapijiet tal-poplu, iżda deher biss lid-dixxipli tiegħu. Huma kienu dawk il-magħżula minn Alla li kellhom ikunu xhieda ta’ Kristu Rxuxtat. Iżda din l-esperjenza ta’ Kristu ma kellhiex tkun għalihom biss iżda biex ixandruha lid-dinja, lill-bnedmin kollha ta’ kull żmien.

Għalhekk sa mill-bidu tagħha l-Knisja għarfet li l-missjoni tagħha hija missjunarja. U l-Appostli fehmu wkoll li l-Vanġelu kellu jitħabbar lill-ġnus kollha mxerrdin mad-dinja kollha, biex kulħadd jemmen u jitgħammed fi Kristu.

Jekk niflu l-ewwel predikazzjoni tal-Appostli nsibu li huma ħarġu jxandru lil Ġesù Rxuxtat, li kien mislub iżda li fit-tielet jum qam skont ma kienet tgħid l-Iskrittura. U proprju l-Vanġelu huwa aħbar ta’ ferħ, imma mibnija fuq il-fidi u mhux fl-ispettaklu jew il-gosti tad-dinja.

Ta’ min isemmi wkoll li Kristu ta din il-missjoni lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom, biex ixandru l-Vanġelu. U sa minn żmien Kristu sal-lum il-Knisja għadha xxandar l-aħbar it-tajba lill-ġnus kollha, ta’ kull razza jew żmien, b’kundizzjoni waħda: “Indmu u Emmnu”! (Mk 1, 15).

Meta naqraw din is-silta niftakru kemm persuni ħallew lil arthom u marru f’postijiet oħra biex ixandru lil Kristu u waslu anki biex ipperikulaw ħajjithom. U l-Knisja baqgħet leali lejn il-kmand ta’ Kristu sal-lum u tibqa’ sal-aħħar taż-żmien. Għax Kristu Rxuxtat huwa ħaj f’dawk kollha li tassew jemmnu fih. Il-wegħda tiegħu tibqa’ għal kull żmien: “Jiena dejjem magħkom sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 20). Jgħidilna wkoll: “Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili” (Ġw 13, 20).