Il-ħmira li suppost ittella’ l-għaġna tilfet il-qawwa tagħha


It-Tlieta, 30 ta’ April 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, fil-Pellegrinaġġ Marjan tal-Azzjoni Kattolika, kif ukoll fl-okkażjoni ta’ Jum ta’ Talb min-Nisa Kattoliċi u l-Ftuħ tal-Kampanja favur Ambjent Moralment Nadif u b’Saħħtu.

omIl-ħmira li suppost ittella’ l-għaġna tilfet il-qawwa tagħha

Ħafna drabi nistaqsi kif preżenza daqshekk kbira ta’ Nsara fis-soċjetà tagħna ma tħalli ebda impatt, fis-sens li ma jidhirx li qed nagħtu sehemna biex ikun hawn soċjetà aktar umana. Għaliex l-Insara tagħna huma daqshekk moxxi – bihom u mingħajrhom xorta waħda? Dan il-fatt verament iħassibni, għax x’aktarx huwa sinjal li l-ħmira li suppost ittella’ l-għaġna tilfet il-qawwa tagħha.

Inħoss li waħda mir-raġunijiet għaliex il-Knisja lokali tinsab f’din il-qagħda hija għaliex it-twemmin Nisrani tagħna ħafna drabi ma jitlaqx minn fuq għal isfel, imma minn isfel għal fuq. It-twemmin tagħna aktar huwa frott ta’ kalkoli umani milli att ta’ fiduċja f’Alla li kellemna dwaru Ġesù Kristu. Għalkemm il-fus tar-reliġjon Nisranija huwa Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, u kollox jitlaq minnu, hemm ir-riskju li r-reliġjon tagħna għamilnieha “ħolqien” tagħna l-bnedmin, fejn l-element uman jisboq u joħnoq l-element divin. Meta nirrendu r-reliġjon ritwal, kultura, tradizzjoni, passatemp u storja, inkunu niżvojtawha mill-essenza tagħha. Hija tassew ħasra li fostna hawn min moħħu fl-imgħoddi reliġjuż tagħna u bħal donnu t-twemmin sar jikkonsisti skont kemm wieħed jiftaħar u jikkonserva l-passat. Huwa minnu li għandna storja glorjuża, imma dak iż-żmien għadda u mar, u aktar milli nitfgħu l-ħarsa lura, għandna bżonn niftħu għajnejna għall-preżent. Għax jekk il-preżent ma jkunx imdakkar bil-fidi, il-komunità ekkleżjali żgur mhix tikteb storja ta’ ġieħ.

Nibża’ li fil-każ tagħna ma humiex ftit dawk l-Insara li jistgħu jxiddu l-libsa reliġjuża ta’ Nikodemu. Dan Nikodemu mhux biss kien raġel kult, imma reliġjuż biċ-ċertifikat, tant li kien imlaħħaq u influwenti sew fis-Sinedriju. Għalkemm lil Kristu jgħidlu: “Rabbi, aħna nafu li inti Mgħallem mibgħut minn Alla” (Ġw 3:2), kellu diffikultà kbira biex jifhmu. Fil-fatt, meta Ġesù qallu li “jekk wieħed ma jitwelidx mill-għoli, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla”, Nikodemu ma fehem xejn. U bir-raġun, għax fil-każ ta’ Nikodemu r-reliġjon kienet titlaq minn isfel għal fuq. Il-Fariżej tant kienu ħolqu preċetti u regolamenti illi ġabuha li mhux Alla li jsalva, imma l-bniedem isalva bil-ħila tiegħu u bl-għemejjel tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li Ġesù jgħidilhom: “Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra, intom tagħlqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin u la intom ma tidħlu fiha u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol” (Mt 23:13). Bħal sħabu l-Fariżej, Nikodemu kien “reliġjuż” żmanġat u l-mankament reliġjuż li kellu ma ħalliehx jinfetaħ għal Alla. Nikodemu kien spiritwalment ipparalizzat.

Ninnotaw li Nikodemu ma jitkellimx f’ismu imma f’isem il-kotra: “Aħna nafu li int Mgħallem mibgħut minn Alla”. Dan ifisser li dan ir-raġel ma kienx kapaċi jieqaf fuq saqajh waħdu, imma ried is-sapport tal-massa. Għażel li jintilef u jinħeba fil-folla – forsi kien jaqbillu biex “ma jħallasx dazju” – biex ma jerfax ir-responsabbiltà ta’ twemminu. Kien bla identità u bla personalità. Għalkemm kien jgħodd bħala membru fi ħdan il-poplu Lhudi, Nikodemu baqa’ ma għamilx il-passaġġ minn fidi tal-massa għal fidi personali. Twieled f’ambjent reliġjuż, mexa mal-kurrent u baqa’ ma ħax id-deċiżjoni biex seta’ jgħid “jien naf”. It-twemmin tiegħu kien patrimonju reliġjuż li wiret mingħajr ma għamlu tiegħu personali. Bħal dan għandna ħafna! Imma kif jgħid il-ħassieb Paul Claudel, “wieħed jifhem il-Kristjaneżmu biss meta jiltaqa’ ma’ Kristu wiċċ imb wiċċ”, fis-sens li wieħed jiltaqa’ ma’ Ġesù b’mod dirett mingħajr ebda medjazzjoni jew prokura.

Huwa għalhekk li Ġesù jgħid lil Nikodemu: “La tistagħġibx jekk jien għidtlek li jeħtiġilkom titwieldu minn fuq”, fis-sens li ma nistgħux inserrħu fuqna nfusna, imma għandna bżonn nistrieħu fuq Alla. Reliġjon mingħajr Alla ma ssaħħanx. Huwa ingann kbir jekk il-bniedem jaħseb li jista’ jimxi waħdu, bil-ħiliet naturali tiegħu, bil-kalkoli umani tiegħu, bil-mod kif tirraġuna d-dinja indipendentement minn Alla. Huwa ingannat ukoll il-bniedem reliġjuż li jaħseb li jista’ jkampa bis-saħħa biss tat-tradizzjonijiet reliġjużi tiegħu. Il-bniedem la jista’ jsib l-identità tiegħu u lanqas jista’ jipproġetta ħajtu jekk Alla ma jkunx il-fundament tiegħu. U meta ħajjitna tkun diżordinata għax bla fundament, kif nistgħu ngħinu lil ħaddieħor jorganizza l-ħajja tiegħu?

Hemm xebh bejn id-djalogu li jgħaddi bejn Nikodemu u Kristu u dak li seħħ f’Nazaret bejn Marija u l-anġlu Gabrijel. Kif Nikodemu jistaqsi: “Kif jista’ jkun dan (li wieħed jitwieled mill-għoli)”, meta l-anġlu jgħarraf lil Marija li kienet ser tnissel fil-ġuf u jkollha iben u ssemmih Ġesù (Lq 1:31), Marija staqsiet: “Kif ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel?”. Quddiem il-proposta ta’ Alla, Marija tara biss soluzzjoni umana (il-koperazzjoni ta’ raġel); imma l-anġlu jweġbiha: “Il-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla”. Hekk ukoll fil-proposta li Ġesù jagħmel lil Nikodemu, dak li l-bniedem ma jistax jagħmel waħdu, jagħmlu bl-għajnuna tal-Ispirtu: “Dak li jitwieled mill-ġisem huwa ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu… Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu imma ma tafx minn fejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu”. Dak li l-bniedem joħloq, sabiħ kemm hu sabiħ, huwa dejjem limitat u finit. Kien bil-qawwa tal-Ispirtu fil-ġuf verġni ta’ Marija li jitnissel Kristu; hu biss bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li l-bniedem jista’ jkun il-bniedem maħluq skont ix-xbieha ta’ Alla. Il-bniedem waħdu (anki min hu formalment mgħammed) sajjem minn Alla, mhux kapaċi jikkonserva u jħares kemm l-istess dinjità tiegħu u kemm dik tal-oħrajn. Ir-raġuni stess tikkonfermalna dan, imma kif jistqarr wieħed awtur, il-mod kif jaħseb Nikodemu, bniedem intelliġenti, jikxef kif “ir-razzjonaliżmu jeqred ir-raġuni”. Imma spiss jiġri li r-raġuni ssalva l-fidi u l-fidi ssalva r-raġuni!

Ħafna drabi aħna nibżgħu nsejħu lill-Ispirtu s-Santu għaliex jaf jissorprendina u jħarbtilna l-iskemi u d-drawwiet tagħna. Ġesù jxebbah l-Ispirtu mar-riħ: “Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu imma ma tafx minn fejn hu ġej jew fejn hu sejjer”. Dan ifisser li min huwa lest li jinfetaħ biex l-Ispirtu jidħol fih, huwa lest li jitlef il-kontroll fuq ħajtu biex imbagħad jimxi skont it-tnebbiħ kreattiv tal-Ispirtu li jsuqna lejn identità ġdida. L-Ispirtu jaf iħawwadna lilna li drajna bih magħluq fil-“gaġġa tad-deheb” magħmula mil-liġijiet u konvinti li ma fadallu xejn x’jgħidilna għax qalilna dak kollu li kellu jgħidilna! Bħal Nikodemu aħna għandna l-pretensjoni li nafu kollox! Ħafna drabi aħna xekkilna l-libertà tal-Ispirtu – imbrigajnieh biex nikkontrollawh! Imma jekk inħalluh liberu biex jimraħ u nagħtuh widen, l-Ispirtu kapaċi jikkomunikalna verità inedita – verità li ebda widna qatt ma semgħet – għax hu għandu kelma personalment għalina. It-tnebbiħ tal-Ispirtu qatt ma huwa repetizzjoni, għaldaqstant joffrilna identità personali unika. Alla ma joħolqniex f’serje billi jagħmilna kopja ta’ ħaddieħor, lanqas ta’ xi qaddis/a, imma kulħadd fl-uniċità irrepetibbli tiegħu. L-Ispirtu ma jegħjiex jofoħ sakemm niftħulu l-qlugħ biex jimliehom bl-enerġija. Għalhekk, tibżax tkun oriġinali fil-mod kif tgħix id-dixxipulat tiegħek wara Kristu fid-dinja tal-lum.

Hija din ir-relazzjoni mal-Ispirtu s-Santu li tagħtina l-ħila biex fil-Knisja u fid-dinja tal-lum nitkellmu b’parresia, fis-sens li nitkellmu bil-miftuħ dwar dak li aħna bħala Kristjani aħna konvinti minnu, anki jekk ikollna nħallsu prezz. L-urġenza ta’ dan l-atteġġjament illum tinħass aktar meta wieħed iqis li fis-soċjetà tagħna ma humiex ftit dawk li jibqgħu lura milli jitkellmu minħabba l-omertà. Din ix-xorta ta’ preżenza tal-Insara fid-dinja tal-lum tagħmel differenza.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.