Laqta tar-reżurezzjoni


Nhar il-Ħadd 21 ta’ April, iċċelebrajna bil-pompa kollha l-Għid il-Kbir. L-Għid il-Kbir hu l-Għid ta’ Kristu. Dak Kristu, il-Ħaruf li kien maqtul u li waħdu jistħoqqlu jirċievi l-qawwa u l-għana u l-għerf u s-saħħa u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir (Apk 5:12).

Meta nisma’ il-kelma reżurrezzjoni emnuni li jaqbiżli d-dmugħ minn għajnejja. U dan għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, kemm għandna bżonnha din il-kelma! L-aktar f’soċjetà u ġieli wkoll fi knisja fejn isaltnu d-dwejjaq tal-aħbarijiet il-ħżiena, kemm hawn bżonn ta’ aħbar tajba u li tagħti l-ħajja! Għax hija mhux biss verità imma l-verità! Imbagħad, id-dmugħ iġelben ma’ ħaddejja meta nisma’ il-kelma reżurezzjoni l-għaliex din ir-rejaltà kbira tinstab f’qalbna! U qiegħdha wkoll anki taħt imneħirna! Għalhekk, u bħala riżultat ta’ dan, qed nissuġġerixxi ktieb tassew ħelu u li jista’ jagħtina din it-togħma ta’ ħajja ġdida. Dan, fil-fatt, huwa ktieb li ġej mid-dinja Ortodossa, eżattament mill-Patri Anzjan Taddew minn Vitovnica.

L-istorja tgħidilna li Taddew minn Vitovnica kien wieħed mill-aktar gwidi spiritwali magħrufa fis-Serbja fis-seklu għoxrin. Bħala novizz, Patri Taddew għex taħt l-ubbidjenza tal-Patri Anzjan Ambroġ, li kien fil-monasteru ta’ Miljkovo. Dan Patri Ambroġ kien hu stess dixxiplu tal-Patrijiet Anzjani ta’ Optina, li tinstab ħdejn Kozelsk fir-Russja. Mingħandu Patri Taddew tgħallem it-Talba tal-Qalb u l-imħabba mingħajr diżinteress li, qajla qajla, bdiet issawwar il-ministeru tiegħu lill-poplu tas-Serbja li kien qed ibati.

Imwieled fl-1914 il-Patri Anzjan Taddew għex fit-tbatija kollha li s-Serbja kellha tgħaddi minnha fis-seklu għoxrin. Wara li għex żewġ gwerrer mondjali, il-ħakma tat-tmexxija komunista, u anki l-bumbardamenti minn NATO fl-1999, Patri Taddew dejjem għex spalla ma’ spalla mal-poplu tiegħu. Hu għallem, ta’ parir u talab għal dawk kollha li ġew għandu muġugħin u mtaqqlin. Il-kliem tiegħu ta’ mħabba u tama kienu ta’ balzmu spiritwali għan-nies ġejjin minn kull klassi tas-soċjetà. Fl-2002 Patri Taddew mar fid-Dar tal-Missier tas-Sema. Huwa ħalla warajh ġabra kbira ta’ tagħlim. Dan it-tagħlim ġie ippreservat mill-ulied spiritwali tiegħu li tant kellhom imħabba u rispett lejh. Illum, dawn il-ġawhar ta’ Tagħlim flimkien ma’ konverżazzjonijiet spiritwali huma ippreżentati fi ktieb tassew sabiħ u li, it-titlu tiegħu, hu: Our thoughts determine our lives: The life and teachings of Elder Thaddeus of Vitnovica.

Ikun ferm għaqli jekk, fil-bqija tal-ispazzju mogħti lilna għal dawn il-ħsibijiet, npoġġi ftit xi riflessjonijiet mill-isbaħ li l-Ispirtu ta’ Alla tana permezz ta’ dan l-awtur spiritwali kbir ortodoss.

Ħajjitna tiddependi mill-għamla ta’ ħsibijiet li nżommu. Jekk il-ħsibijiet tagħna huma ta’ paċi, kalma, umiltà u ħlewwa, hekk se tkun ħajjitna. Jekk l-attenzjoni tagħna se ndawruha fuq iċ-ċirkustanzi li fihom ngħixu, nispiċċaw niġu miġbuda f’tempesta ta’ ħsibijiet li la jagħtuna paċi u lanqas trankwillità. Kos hux! Kemm hu veru dan il-ħsieb li qed jagħtina Taddew! Għalhekk tajjeb li nistaqsi lili nnifsi: Xi ħsibijiet inżomm f’moħħi? Ħsibijiet pożittivi jew negattivi? Nemmen li l-paċi u t-trankwillità ma jiġux miċ-ċirkustanzi ta’ barra li jgħaddu iżda jiġu mill-qalba tal-ispirtu tiegħi li jiddetermina bis-sħiħ lil moħħi u mbagħad lil ħajti?

Il-punt tat-tluq tagħna dejjem hu ħażin. Minflok ma nibdew minna nfusna dejjem irridu nibdlu lill-oħrajn l-ewwel u mbagħad lilna nfusna l-aħħar. Jekk kulħadd jibda l-ewwel minnu nnifsu, imbagħad madwarna jkollna biss il-paċi. Issa jien, f’ħajti, lil minn irrid nibdel? Lili nnifsi jew lill-oħrajn? Fejn se jkun hemm il-vera paċi? Meta nibda’ naħdem fuqi nnifsi jew meta nipprova nibdel lill-oħrajn?
Ma nistgħux niksbu s-salvazzjoni jekk ma nibdlux ħsibijienta u nagħmluhom differenti… U dan hu miksub mix-xogħol tal-qawwa Divina fina. Għalhekk, imħuħna jiġu dejatifikati, meħlusa mill-passjonijiet u mqaddsa. Huwa biss moħħ li għandu lill-Mulej fih u li għandu t-tifkira tal-Mulej li jista’ jiġi mqaddes. Meta nkunu nafu li Hu qiegħed fina u aħna qiegħdin fiH, aħna nistgħu niċċaqalqu bħall-ħuta fl-ilma. Huwa jinsab kullimkien u aħna, bħall-ħut, ngħumu fiH. Meta nitilquh immutu spiritwalment. Mela jien kemm jien maqgħud u maqgħuda mal-Mulej? Kemm qed nemmen li jekk inkun maqgħud u maqgħuda miegħu ħsibijieti jitbidlu l-għaliex isiru tiegħu? U hekk nibda’ niġi mqaddes u mqaddsa l-għaliex jibda’ iħollni mill-passjonijiet tiegħi li jkissruni? U hekk nispiċċa bħall-ħuta li tgħum fl-ilma għax nibda’ ngħum fiH?

Il-Mulej hu preżenti kullimkien u xejn ma jseħħ mingħajr ir-rieda u l-permess tiegħU, kemm f’din il-ħajja u anki fl-eternità. Meta aħna nilqgħu din l-ideja kollox jibda’ isir ħafif. Jekk il-Mulej iħallina nagħmlu kollox kif nixtiequ aħna u meta nixtiequ aħna dan ċertament li jirriżulta f’katastrofi.Kemm qed nirrejalizza li l-Mulej tassew hu preżenti kullimkien? U kemm qed nemmen li mingħajru tassew li ma jseħħ proprju xejn? Li kollox jaqa’ taħt il-permess u l-ordni tiegħu kemm f’din id-dinja u anki fl-eternità? U meta nibda’ nintelaq għal kollox f’din l-ideja mhux ovvja li se neħfief? L-għaliex se ninħeles minni nnifsi u mill-idejat tiegħi? Issa, jekk dan hu minnu, l-għaliex ma ndaħħalhiex f’moħħi u f’qalbi li jaqbilli fuq li jaqbilli jekk ninħeles minni nnifsi jekk ma rridx li nidħol fi sqaq sqaqun?

It-tagħlim sabiħ li l-Mulej għoġbu jagħtina permezz tal-Patri Anzjan Taddew minn Vitovnica jagħmel sens kbir għaż-żmien li qed ngħixu fih. M’huwiex tagħlim tqil. Għax kollu ġej mill-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum. Madankollu, dan it-tagħlim iwassalna għall-punt importantissmu fl-eżiżtenza tagħna: Ir-relazzjoni tagħna ma’ ħutna l-bnedmin tiddefinixxi r-relazzjoni tagħna mal-Mulej.

Għal dan il-ħsieb biss diġà dan il-ktieb kapolavur huwa laqta qawwija tar-reżurrezzjoni! L-għaliex, bis-sempliċità tiegħu, jdaħħalna fil-ħajja ta’ Ġesú Rxoxt! Tagħmel tajjeb mela li takkwista koppja malajr kemm jista’ ikun!