Issa li Qam!


Kont qiegħed l-Isptar. Għal kwiet. Naħseb. Nirrifletti. Għad-dawl ta’ Kristu Rxoxt. Mela għal d-dawl li ma jintemm qatt. Għad-dawl li jdawwal lil kull bniedem …

Sal-Ġimgħa Mqaddsa, ħlief fuq mewtu ma smajtx. U, f’każ li jekk xi ħadd qed jaħseb li qed inħarref ħa nurih ftit, dejjem bil-karità kollha, imma bil-verità ta’ Kristu li tbaqbaq ġewwa fija, kemm dan hu minnu! Fil-Ġimgħa Mqaddsa, f’għajnejja qrajt u f’widnejja smajt, dan il-kliem. Eżatt kif inhu miktub, bl-iswed fuq l-abjad, fil-Kelma ta’ Alla. Fil-bibbja:

Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu (Lq 23:16); mela nagħtih is-swat u nitilqu (Lq 23:22); meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug (Lq 23:33); għax se jagħtuh f’idejn il-pagani u jiddieħku bih, iżebilħuh u jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh (Lq 18 :32-33); kif qal hekk, wieħed mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta’ ħarta lil Ġesù u qallu: “Hekk twieġbu lill-qassis il-kbir? (Ġw 18 :22); ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.” Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid, ‘Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.’ U dan tabilħaqq għamluh is-suldati (Ġw 19:24); kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?” (Lq 22 :47-48).

Dawn kienu biss xi frażijiet li weħħlu ma’ moħħi fil-Ġimgħa Mqaddsa. Issa ejjew inkunu sinċieri: mhux ċajta ħbieb tispiċċa ittradut minn wieħed li kien jiekol u jixrob miegħek! Meta dan tkun ħabbejtu u ftaħtlu qalbek! U int, li mingħalik kellek ħabib, minn taħt kien qed iħejji s-sejf ħa jinfidlek qalbek! Ajma x’uġiegħ! Bħalma lanqas m’hi taċ-ċajt meta minflok issib lil min jiddefendik, għax tkun fis-sewwa, bħalma kien Ġesù, issib min jagħtik id-daqqa tal-mewt. Anki din ajma! U ajma kbira! U mbagħad ġieli issib ukoll li t-tajjeb li l-Mulej jagħmel bik ikun hawn min jinterpretahulek ħażin. Anki hawn. Għajta kbira ta’ uġiegħ ġej mill-qalb ikun hemm lesta biex toħroġ lejn is-sema! Biex ma nsemmix li tispiċċa issib ukoll lil min joħodlok kollox! Għax joħodlok id-dinjità tiegħek! Joqtollok ismek! Hekk! Għal xejn! Għidli jkollokx aptit tagħti fuq wiċċek eh!

Imma din ħbieb, b’qasma ta’ qalb, hija d-dinja! Kollha kemm hi tafux! Fejn il-pubbliku u l-privat, iċ-ċivil u l-ekkleżjastiku, il-familja u x-xogħol, il-komunità u l-post tar-rikrejazzjoni, jiltaqgħu. Din hi d-dinja! Għax id-dinja, miskina, ġieli tagħti wisq spazzju lil dak ta’ denbu! U, dak ta’ denbu, araħ jagħmel xalata biha! Għax aqta’ kif jibda’ jilgħab bina qisna konna pupi bl-ispaga!

Madankollu ħbieb, x’kienet it-tweġiba ta’ Ġesù għat-tradimenti u l-insulti li rċieva? X’kienet it-tweġiba għat-tgħajjir li għajruh? U x’kienet it-tweġiba tiegħu għal min ried isoddlu ħalqu? Dan Ġesù li l-Mulej Alla, li kkonsagra[h] … bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu (Atti 10:38) x’għamel? Qagħad jitkisser? Jimmormra? Qagħad iħejji kif kien se jagħmel vendetta? Qgħad forsi jara kif se jġib fl-inkwiet lil dawk li qatluh? Qagħad jistudja xi pjan ħa jara kif kien se jittorturahom bil-mod il-mod? Jew inkella kif kien se jseħħlu jeqridhom f’nifs wieħed? Qagħad jinħela f’rabja bla fejda? Dik ir-rabja li kienet se żżommu priġunier tagħha u ġġibu demel? Agħar minn tad-demmiela?

Le ħbieb! San Pietru jagħtina erba’ kelmiet mustaċċuni fuq x’għamel Ġesù meta ġabu ruħhom miegħu b’mod tal-mistħija u mill-aktar infami. Isimgħu x’jgħidilna:

X’mertu jkollkom li tieħdu bis-sabar is-swat meta tkunu għamiltu l-ħażen? Imma jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla. Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu. Hu li ma kien għamel ebda dnub, meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust. Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.

Qabbiżżli d-dmugħ meta qrajtu ħbieb dan il-passaġġ mill-ewwel Ittra ta’ San Pietru! Kemm hu veru! Kemm hu rejali! Tista’ tmissu b’idejk dan il-kliem! Hu, Ġesù, bata inġustizzja kbira! Hu, li kien il-Ġust! Tawh il-mewt mal-ħżiena! Biss, l-għaliex kien innoċenti, ħa kollox bis-sabar. Ibda mis-swat li rċieva. U, din għalih kienet grazzja tassew kbira. L-għaliex il-Mulej Alla, Missieru u Missierna, iddefendih Hu. Mela ma kellux għalfejn jinfena fit-tgħajjir, fid-dagħa, fil-ħalf u f’saħta ta’ kull xorta għal min kien qliegħ. Lanqas ma kellu għalfejn jinħela fit-theddid. L-għaliex kien jaf li l-ħażen jiemu magħduda. U veru! Għax tlett ijiem wara qam minn bejn l-imwiet! Kif kien qal! Ġesù, li tgħabba bi dnubietna biex aħna ngħixu ħalli l-Mulej iqaddisna! U, fil-weġgħat tiegħu, il-weġgħat tagħna jitfejqu u jsiru sors ta’ fejqan kbir għalina, li nkunu għaddejna mill-inkwiet u għal dawk li l-Mulej ilaqqagħna magħhom fil-mixja ta’ ħajjitna. Ħalli bina jagħtihom kuraġġ minn dak il-kuraġġ li kien tefa’ fina waqt li konna fil-prova tan-nar.

Tibżax meta tgħaddi minn xi waħda! Ftakar biss li Ġesù Qam minn bejn l-imwiet! Qam mill-ħażen! Tibżax ħija! Oħti! Għax, u dan ngħidulek l-għaliex inġarrbu jien stess f’ħajti ta’ kuljum, tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:21). Iva! Il-ħażin tirbħu! Bħalma nirbħu jien! Imma mhux jien iżda jirbħu Kristu li jgħix fija (ara Gal 2:20).

Mela, meta jaqsmulek qalbek f’elf biċċa, meta jtellgħulek il-pressjoni m’għola s-sema, meta jagħtuk kedda keddun, meta jitfgħuk fi dwejjaq kbar, ftakar, ftakar u ftakar f’din it-talba ħelwa li lili tant tagħmilli ġid: Mulej Ġesù tħallix li fija jirbaħ il-ħażen iżda irbaħ il-ħażen fija Int bit-tajjeb li tagħmel bija. Bilħaqq! U tinsix tberikhom! Toffrilhom il-quddiesa! Toffrilhom ir-Rużarju u l-Kurunella tal-Ħniena Divina! Offrilhom biżiblju talb! Ħalli qalbek tfiq! U tfiq tagħhom ukoll!

U hekk, bil-grazzja tiegħu, int ittir! U ma jżommok ħadd! Għax, bħalu, tkun qomt mill-weġgħa u bdejt itterraq għal ħajja ta’ dejjem! Tkun Qomt minn bejn l-imwiet!