Dawk is-Sibtijiet!


Jiġru xhur! Igerrbu s-snin! O żmien ħelu ta’ tfuliti! Kif tirtli! U kif għaddejtli!

U issa, la għadda, għadda. M’hemmx tagħmel! Veru? Imma le. U, irrid ngħid iva, li l-istorja hi ħafna isbaħ minn hekk! Għax illum, jum is-Sibt, f’dan il-jum daqshekk sabiħ, għalkemm għadni le ma ġejtx f’tiegħi mix-xogħol bla ma jaqta’ hawn fl-isptar, u b’dik in-naqra ħajta ta’ uġiegħ ta’ ras li qed iddawwar lill-imsejkna rasi, hawn jien. Bilqiegħdha. Quddiem is-separju tal-palk ta’ ħajti! U issa x’reġa’ tela’ mill-imgħoddi? Ħeqq ara! Illum x’jum hu? Mhux is-Sibt? Tajjeb! Mela issa ejjew nitħaddtu ftit fuq is-Sibt għal jum il-Ħadd! Irranġajna? Ikolli ngħid li iva!

Is-Sibt. Ta’ meta kont żgħir. Minn liema perjodu ta’ Sibt ħa naqbad nibda’? Illum beħsiebni nitħaddet fuq dawk is-Sibtijiet ta’ meta kelli erbatax-il sena. Jiġifieri ta’ meta kont nattendi fl-Iskola tas-Snajja’ tan-Naxxar. Titfakruha dik l-iskola? Kemm ħarġu nies tas-sengħa minnha? B’daqshekk imma minix qed nikkwalifika lili nnifsi bħala wieħed minnhom tafux! Fil-kors fis-sengħa ta’ mastrudaxxa mhux dejjem kont inlaqqat xi marki stilla tafux! Dawk kien hemm min ilaqqathom! Kien hemm min kien iġib 96 u 98 minn mija. Ara jien! L-ogħla marka li laqqat kien biss ta’ 81! Iktar minn hekk ma stajtx le inlaqqat! Madankollu xorta waħda kont kuntent biha. U meta kien hemm min kien jarali xogħli u jikkritikahuli, bil-għan li nġib marki aħjar darb’oħra, xorta waħda bqajt ma tlajtx wisq fil-marki! U xorta bqajt ferħan! Intant! …

Iżda, meta l-Imgħallem sejjaħli biex nidħol mal-Patrijiet Kapuċċini, jien kien minn għalija li kelli nġib biss daqs 4 O Levels u żewġ A Levels. Jew inkella sitt O Levels u għal ġewwa. Imma ħej, meta d-direttur tal-vokazzjonijiet ta’ dik il-ħabta kien qalilna li rridu nġibu 5 O Levels, 3 A Levels u s-Systems of Knowledge, ksaħt bl-għaraq li ħareġ għalija! Ara jien, tifel ferħan u dejjem jilgħab u jifraħ bil-ħajja, b’dik is-sempliċità u l-innoċenza kollha, bħalma kienu ħafna mit-tfal f’dak iż-żmien, kelli noqgħod għal dawk l-eżamijiet kollha? Imma ħej! Hekk kellu jsir! Għax meta l-ħaġa tiġi minn fuq l-imsejkna t’hemm isfel min tridu jaqbeż għalihom?

Għalhekk kelli mmidd għonqi għal studju mill-aktar iebes. Studju li kien fih maratoni ta’ studju. Jien diġà l-livell tiegħi ta’ skola mhux xi waw, mela aħseb u ara f’dawk iż-żminijiet x’kien! U mela l-Ingliż tiegħi kien tajjeb daqs dawk tal-GCE? Jew il-Malti tiegħi kien tajjeb daqs ta’ wieħed li se jersaq għal matrikola? Imma ħi, la l-kbarat kienu ftehmu ilkoll bejniethom, ma kienx hemm x’tagħmel għajr li mmid għonqi u nistudja kemm niflaħ! U dejjem kif naf!

Għalhekk, is-Sibt kienet tkun il-ġurnata famuża għal dan l-istudju! Kont immur għall-quddiesa tat-8.00 am. Niġi d-dar. U noħroġ in-noti. Kont inħobb noqgħod fil-kamra tas-sodda t’ommi u missieri. U hemm, għall-bard tax-xitwa, kont noqgħod nitgħallem bl-amment dawk in-noti. Wara xi tlett kwarti kont nieqaf. L-għaliex kien jaqbadni uġiegħ ta’ ras. Allura, u ġieli għajjien minn dak l-istudju ta’ bla amment, kont nintefa’ fuq is-sodda u nieħu nagħsa. Biex imbagħad, meta nerġa’ inqum, kont naqbad noti oħra u noqgħod nistudjahom.

F’dawk is-Sibtijiet tal-ewwel sena ta’ meta kont qed nagħmel l-O Levels kemm qrajt poeżiji ta’ Ġorġ Pisani, Ġorġ Żammit u l-magħruf rumanz San Ġwann ta’ Ġużè Galea. Imbagħad qrajt ukoll xi noti dwar l-istorja. L-aktar il-magħruf ktieb ta’ Patri Andew P. Vella OP Ġrajjiet Malta. U hekk, minn ktieb għal ktieb, u kapitlu għal kapitlu, moħħi kien jiġri tgħidx kemm! Bilħaqq! Ma rridx le ninsa l-magħruf ktieb ta’ Godfrey Baldacchino Introducing Social Studies. U hekk, is-Sibtijiet tiegħi, kienu jkunu mimlijin u msieħba b’dawn il-kotba tabilħaqq interessanti. Ma rridx però ninsa l-waqfiet li kien ikolli biex nara xi ftit tat-televiżjoni. F’dik il-ħabta, fuq Xandir Malta, kien jxandru l-programm popolari Sibtijiet flimkien. Kif qatt nista’ ninsa’, f’dan il-programm, dawk l-irkejjen li baqgħu marbuta ma’ qalbi bħal skavi, biex insemmi waħda minnhom, jew anki meta kienu jċemplu n-nies? Għadu s’issa jidwi f’moħħi l-famuż premju stilla! Li kien ikun xi kamra tas-sodda jew tal-banju jew xi rigal li, għal dawk iż-żminijiet, kienu tassew stilla! Jiġifieri xi ħaġa kbira! Imbagħad lanqas ma rrid ninsa meta kienet ħarġet il-magħrufa kanzunetta tal-kantant kbir Ingliż Sting, Russians. Kemm kien laqagħtni l-video uffiċċjali ta’ din il-kanzunetta li ma tmut qatt!

U, għal xi l-ħamsa u nofs, ommi u missieri kienu jerħulha għall-quddiesa tas-Sibt filgħaxija. U jien kont nissokta nistudja naqra oħra. Sakemm kien jasal il-mument fejn kont ngħalli ftit ilma u nieħu banju. Nilbes il-paġama u hekk, meta kienu jaslu l-ġenituri b’xi borża pastizzi irkotta u piżelli, sħan sħan, aqta’ kemm kont nieħu gost niekolhom magħhom! Imsieħba, sintendi, b’dik in-naqra tè tajba bil-ħalib!

Filgħaxija mbagħad, qabel norqod, kont inħobb nara xi episdoju ta’ Supercar fuq l-Italia Uno. U hekk, wara li kont ngħid it-talba tal-Anġlu, kont nintefa’ norqod għal jum ieħor! Jiġifieri għal jum speċjali tal-Ħadd!

Dawn kienu l-magħrufa Sibtijiet li għadni nimmisjahom sallum. Għax fihom is-sempliċità, l-innoċenza u, fuq kollox, l-imħabba tal-familja kienet issaltan. U dawn is-Sibijiet tant kemm kienu mimlija bil-fejqan tal-Mulej li jien u niftakar fihom diġà qed inħossni nitfarraġ! U nfiq! Għax, kif jgħid Umberto Eco, biex tibqa’ tgħix jeħtieġ li tibqa’ tirrakkonta l-istejjer. Oh! Dawk is-Sibtijiet ta’ żgħożiti!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.