L-Isqof Mario Grech fil-Festa tal-Madonna ta’ Pompej

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 8 ta’ Mejju 2019: Fl-okkażjoni tat-Tifkira liturġika tal-Verġni Mqaddsa tar-Rużarju ta’ Pompej, fil-Knisja tas- Sorijiet Dumnikani, il-Belt Victoria, nhar l-Erbgħa 8 ta’ Mejju 2019, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għamel dan il-ħsieb:

INSAFFU L-PJETÀ POPOLARI TAGĦNA

Frott tal-esperjenza qawwija li kellu Bartolo Longo tal-Madonna tar-Rużarju huwa waqqaf il- belt ta’ Marija li l-palazzi tagħha huma djar għat-tfal orfni. Id-devozzjoni tagħna lejn il- Madonna trid twassalna biex nakkumpanjaw u noffru kenn lill-orfni (fis-sens wiesa’ tal- kelma) ta’ żminijietna. Dawn huma dawk li jħossuhom waħidhom – studju riċenti juri li madwar 30% tal-popolazzjoni tagħna jbatu mis-solitudni. Ma’ dawn inżidu lil dawk li għaddejjin minn solitudni spiritwali jew reliġjuża.

Din il-kriżi tal-bniedem modern tiġi indirizzata u tintrebaħ jekk niftħu qalbna għal Kristu. Id- devozzjoni Marjana tkun vera jekk twassal għand Ġesù, fis-sens li twassalna biex ngħixu l- Vanġelu. Inkella, kif jikkummenta San Lwiġi Marija Grignion de Montfort, devot kbir tal- Madonna, jekk id-devozzjoni lejn Marija tbegħedna minn Ġesù Kristu, allura hemm bżonn naqtgħulha rasha għax dik hija illużjoni djabolika.

Nibża’ li xi daqqiet id-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna hija falza. Huwa minnu li għandna pjetà popolari Marjana qawwija – statwi, purċissjonijiet, manifestazzjonijiet, bnadar, sparar…
– imma sakemm fostna jkun hemm il-piki, min jiżra’ s-sikrana, il-firdiet, l-għadab, tagħjir, u l-bqija, dan juri li d-devozzjoni lejn il-Madonna hija falza u djabolika. Ħafna drabi ninqdew bil-Madonna u l-qaddisin biex nesprimu l-passjonijiet baxxi tagħna u biex naffermaw l-ego tagħna nfusna. F’ċerti każi d-devozzjoni lejn il-qaddisin hija smoke screen li jaħbi atteġġjamenti li mhux biss ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-Vanġelu, imma xi drabi huma wkoll antievanġeliċi. Dan kollu jkompli joħloq orfni ġodda.

Għalhekk nitolbu lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompej biex tgħinna nsaffu l-pjetà popolari tagħna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading