X’WIFI dak!


Għall-grazzja t’Alla ħafna huma l-postijiet fejn issib il-possibiltà tal-wifi fi gżiritina. Mingħajr il-wifi żgur li ma tagħmel xejn! Mingħajr wifi lampa stampa tiġi!

Fil-fatt, is-servizz tal-wifi hu faċilità li tippermetti lill-computers, l-ismartphones u anki devices oħra, li jaqbdu mal-Internet. Inkella nispiċċaw suli! U niblieħu! Għax ma jafna ħadd! Fuq din in-naqra ta’ Gżira! Nieħu r-ruħ meta nkun għaddej u nisma’ l-ismartphone ta’ xi ħadd idoqqlu minħabba l-WhatsApp. Inkella l-Viber! Grazzi Mulej l-għaliex dik il-persuna qed tikkomunika! Għandha ma’ min tgħid kelma! Anki jekk fuq l-Internet! La illum hawn min sar tifel u saret tifla li lanqas kelma ma tista’ tafda miegħu u magħha li ma jkunux lesti jwaħlulek l-istallett ġo dahrek! Intant … U Alla jaħfrilhom! … Il-wifi jippermetti li jdaħħalna f’kuntatt bejnietna. Ħa nissuktaw intejbu ħajjitna. Almenu f’relazzjonijiet suriet Alla u allura suriet in-nies!

Imma jekk il-wifi neħtieġuh fuq li neħtieġuh, l-għaliex illum ħafna servizzi qiegħdin fuq l-Internet, għidli int jekk il-vera u l-aqwa WIFI, il-ħniena, għandniex bżonnha? Tiċċajtha! Int ħares naqra f’wiċċ nies komuni u oħrajn li jafhom kulħadd ħa tara! Dażgur li għandna bżonn dik il-faċilità li tħaddem lil ruħna! Għax ruħna minna ġiet maħluqa! U jekk ruħna ma tkunx imqabbda ma’ din il-WIFI, kif nistgħu tabilħaqq inkampaw? Ruħna ma tispiċċax iġġamjata miskina? U tgħid, madwarna, hawn erwieħ iġġamjati? Għax il-WIFI spiritwali tagħhom m’hux qed jaħdem? Inħalli għalikom biex taħsbu!…

Mela s’issa ilkoll qbilna fuq xi ħaġa mportanti ħafna: ruħna għandha l-WIFI. Għax mill-WIFI ġiet maħluqa! Il-WIFI Trintarju tal-ħniena! Ruħna ġiet maħluqa minn din l-istess konnessjoni li ħierġa mis-Santissima Trinità. Bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. M’għandniex xi ngħidu, il-Missier m’għandu xejn x’jaħfer lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. U bl-istess mod nistgħu ngħidu kemm għall-Iben u anki għall-Ispirtu s-Santu. Biss, dawn it-Tlett Persuni f’Alla wieħed, fir-relazzjoni tagħhom magħna jidħlu f’konnessjoni magħna bil-ħniena! Għax aqta’ kemm għandhom x’jaħfrulna! Donnu mela li l-ħniena huwa l-uniku socket li jeżiżti fir-ruħ tagħna. U li, ma din il-plakka, jista’ jidħol ħelu ħelu t-three pin tat-Trinità. Hu biss mill-ħniena tat-Trinità għalina li nistgħu nesperjenzaw l-imħabba li l-Mulej għandu għalina!

Għalhekk ħbieb issa aqta’ kemm nifhem li mingħajr is-socket tal-ħniena ruħna qajla taħdem! Għax ruħna ma tistax le taġixxi mingħajr din il-konnessjoni! Tista’ mhux titlob, issum, tqaddes u x’ma nafx x’tagħmel! Għax kollu għalxejn! Ruħna li għandha bżonn hi l-konnessjoni tal-ħniena eterna! Il-Ħniena Divina! Li tinġabar għalina fil-bniedem-Alla, Kristu! Ara Kristu ħbieb kemm hu raġel u qatt ma jidħak bina! X’qalilna? Mhux itolbu bħalma jitlob Missierkom! Lanqas għamlu penitenzi bħalma jagħmel penitenzi Missierkom! U wisq aktar qatt ma qalilna biex nagħmlu ħafna qari u studju biex inkunu bħal Missierna tas-Sema! Le! Ġesù qalilna: Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom (Lq 6:36). Għax, u dan ngħidu għalija l-ewwel wieħed, aqta’ kemm hi faċli għalija nqaddes, ngħid il-brevjar u nistaħba wara affarijiet komdi. Imma ħej meta mbagħad il-bżonn jgħidli biex inqum f’nofs ta’ lejl ħa mmur ħdejn xi ħadd li qed imut, fi sptar daqs dinja, x’ħa nagħmel? Hemm ix-xogħol qiegħed! Meta l-Imgħallem jitlobni nħenn!

Issa jekk dan id-diskors lili qed jitfagħni xi ftit fuq it-toilet ħa niftakar li meta nidher quddiemu l-karta tal-eżami tiegħi fuq dan is-sillabu se tkun! Kemm ħennejt! U tiegħi, dejjem tiegħi, għax jien fuqi nista’ nitkellem, hi ċarissima! Ma nistax ninħeba minnha! Tahieli bl-imgħarfa! Kont marid u ġejtu tarawni (Mt 25 :36) jew, u allaħares qatt, kont marid u … ma ġejtux iżżuruni! (Mt 25 :43).

Il-Ħadd li għadda, it-28 ta’ April, iċċelebrajna l-Festa tal-Ħniena Divina. Ġesù lil Fawstina, u lili u lilek biha, qalihielna ċara u tonda: Il-bnedmin ma jkollhomx paċi sakemm ma jdurux bil-fiduċja lejn il-Ħniena Tiegħi (Djarju, 300). Nista’ nkun Patri! Qassis! Soru! Mara u raġel tal-familja! Ġuvni u tfalja! Imlaħħaq u imlaħħqa u minix! Żgħażugħ u żgħażugħa! Tifel u tifla wkoll! Jekk ma ndurx lejn il-ħniena ta’ Ġesù paċi fija ma jkollhiex! Anzi! Insir kaldarun tal-imrar! Li jisqi mrar, ġlied, tixwix u ħażen!

Le ħbieb! Ejjew induru lejn il-Ħniena ta’ Ġesù! U araw kif l-Imgħallem jurina kif għandna nagħmlu ħniena!

Binti, jekk Jiena qed nitlob permezz tiegħek li l-bnedmin iqimu l-ħniena Tiegħi, int trid tkun l-ewwel waħda [wieħed] li tingħaraf permezz ta’ din il-fiduċja fil-ħniena Tiegħi. Jiena qed nitlob mingħandek għemejjel ta’ ħniena, li għandhom jiġu mill-imħabba li inti għandek Għalija. Inti għandek turi ħniena lejn il-proxxmu tiegħek dejjem u kullimkien. Int m’għandekx tibqa’ lura minn dawn jew tipprova tiskuża jew tassolvi lilek innifsek minn dan. Jiena qed nagħtik tliet modi kif tista’ turi ħniena mal-proxxmu tiegħek: l-ewwel – bl-għemil; it-tieni – bil-kliem; it-tielet – bit-talb . F’dawn it-tliet gradi hemm il-milja tal-ħniena, u hija prova li ħadd ma jista jmeriha li wieħed ikun iħobbni. B’dan il-mezz ruħ tagħti glorja u qima lill-ħniena Tiegħi (Djarju, 742).

U mbagħad Ġesù tana l-password ta’ dan il-WIFI: il-Kurunella tal-Ħniena Divina! Fuqha qal hekk: Għid bla waqfien il-kurunella li Jiena għallimtek. Kull min jitlobha jirċievi ħniena kbira fis-siegħa ta’ mewtu. … Ukoll jekk ikun hemm midneb bl-iktar qalb iebsa, li kieku kellu jitlob din il-kurunella darba waħda biss, huwa jirċievi grazzja mill-ħniena infinita Tiegħi (Djarju, 687).

Ejjew nitolbuha kuljum din il-Kurunella tal-Ħniena Divina ħbieb! Daqshekk hi qawwija din il-password għall-WIFI tal-Ħniena ta’ Ġesù! Biha niksbu l-offerti tiegħu li jibdlulna ħajjitna. Jekk ma tafhiex idħol YOU TUBE u ikteb Kurunella tal-Ħniena Divina. F’każ li dan hu diffiċli għalik segwi dan il-link: https://www.youtube.com/watch?v=2I_PYwFtwIY

Jeżiżti WIFI aqwa minn dan?