Ikona tat-tbissima sabiħa, ta’ l-umiltà u ta’ qalb kbira


Xi grazzja fil-ħajja meta l-Mulej ilaqqagħna ma’ persuni li jkunu jħobbuh! Ma’ persuni li, bis-sempliċità kbira tagħhom, Hu jmissilna qalbna! Ħa nsegwuh fihom u f’persuni bħalhom!

Wieħed minn dawn il-persuni żgur li kien Dun Noel Vella li ħalliena aktar kmieni f’din is-sena. Lil Dun Noel kont ilni nafu s-snin. Sa minn qabel kien daħal is-seminarju biex jibda’ jistudja għal saċerdot. Mill-konoxxenza antika tiegħi tiegħu minn dejjem nafu b’persuna eżemplari. U, l-aktar ħaġa li kienet tolqotni ħafna fih kienet il-ġentilezza kbira tiegħu. Għadni niftakru qisu issa, waqt li qiegħdin nagħmlu l-A level tal-Malti tal-Matrikola. B’liema reqqa u ġenerożità dan l-aspirant għas-seminarju kien ħejja ruħu għal dan l-eżami. Kien veru laqagħtni!

Imbagħad, niftakru jidħol is-seminarju. Għalkemm ma kontx bqajt narah l-għaliex kien ħa triqtu u jien kont ħadt triqti wkoll biss l-umiltà u s-sens ta’ dover mimli mħabba ġeneruża qatt le ma ħallewh. Anzi! Aktar issuktaw jikbru fih. Meta kont l-università, insegwi l-kors tal-filosofija, lil Dun Noel niftakru jistudja t-teoloġija. Xi grazzja kienet għalija li nara numru daqshekk sabiħ ta’ seminaristi li, f’van mimli daqs bajda, kienu jinżlu kuljum minn Tal-Virtù għall-università biex jistudjaw. Min għall-filosofija u min għat-teoloġija. U, wieħed minnhom, kien ċertament Dun Noel Vella.

Sadinattant kemm hu u kemm jien konna qaddisna. Biss it-toroq tagħna reġgħu iltaqgħu eżattament nhar is-7 t’Ottubru 2018. Kien hawnhekk meta jien kelli grazzja nakkumpanja lil dan ħija fis-saċerdozju u anki ħabib antik fil-mixja li kien qed jagħmel fil-marda tiegħu lejn Ġerusalemm tas-Sema. Id-data kienet tfisser ħafna! Il-festa tal-Madonna tar-Rużarju! Mill-komunikazzjoni li kienet għaddejja bejnietna stajt nifhem minn liema kalvarju Dun Noel kien għaddej. Il-mard huwa xi ħaġa terribbli. Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja titlob lill-Mulej biex ineħħiħ minn fostna. Kemm il-mard iferi qlub maqsuma! Kemm inissel ġrieħi! U kemm idenni oħrajn li diġà jkun hemm! Moħbija!

Is-salib tal-mard żgur li kien qed jagħmel tiegħu fuq l-ispallejn ta’ dan is-saċerdot twajjeb u umli. Kemm-il darba talabni bil-ħerqa biex nitlob għalih! Xi ħaġa li kont nagħmilha tassew minn qalbi! Imbagħad, xi ħaġa oħra li tibqa’ impressa fija kienet il-gratitudni li kien jurini. Kemm kien japprezza meta kont nibgħatlu li offrejtlu l-quddiesa li nkun qaddist. Għalih, din l-offerta sublimi u safja, kienet tassew tfisser ħafna. Għax kien offerta minn saċerdot għal saċerdot permezz tas-Saċerdot Etern, Ġesù Kristu Sidna. Se nibqa’ ngħożż messaġġ partikulari li kien bgħattli meta kitibli hekk: Napprezza ħafna li qed tiftakar fija fil-quddiesa. B’dan il-mod qed tagħtini boost veru kbir. Allaħares ma kienx it-talb għax kieku ma tvinċix.

Minkejja d-difffikultajiet kbar li kellu jaffaċċja fil-mixja tiegħu tal-mard Dun Noel kien jgħidli: Nafda f’Alla! U tassew! L-għaliex kull darba li kont immur inżuru meta kien ikun Mater Dei minnu kienet toħroġ dik is-serenità li bniedem biss ta’ fidi kbira seta’ tabilħaqq ikollu fih. Kemm kien ħa gost meta, f’waħda miż-żjarat li l-Mulej tani grazzja li nagħmillu, kont tajtu kuruna tal-Ħniena Divina li kelli mis-Santwarju tal-Ħniena Divina mill-Polonja. Kemm kien apprezzaha! U kemm żammha f’idejh b’ħafna mħabba u fidi!

Barra minhekk, il-Mulej tani l-grazzja, f’dawn ix-xhur li kelli l-privileġġ li nakkumpanjah, li nsir midħla ta’ saċerdot li tassew kien iħobb lil Ommna Marija, Omm is-Saċerdoti. Niftakar li f’ġimgħa partikulari kelli mmur nqatta’ ġimgħa fis-santwarju Marjan ta’ Medjugorje. U, qabel tlaqt, kien bgħattli dan il-messaġġ sabiħ u li għamilli ħafna ġid biex immur f’dan il-post qaddis b’ħafna entużjażmu, fidi u kuraġġ: Sellili għall-Madonna. Jekk infiq nixtieq li nerġa’ nżurha s-sena d-dieħla għalkemm mhux b’wegħda. Inħallu f’idejn il-Mulej. Tkun magħmula l-volontà tiegħu. F’messaġġ ieħor Dun Noel kitibli hekk: Ningħaqad miegħek fl-ispirtu fil-pellegrinaġġ li qed tagħmel f’dik l-art qaddisa. Ġesù u Marija jxerrdu bil-kotra l-barka tagħhom fuqek. F’messaġġ ieħor jidher ċar imħabbet dan ħuna saċerdot lejn Marija meta kitibli hekk: Il-barka u s-sliem ta’ Medjugorje jixxerdu fuqek minn idejn il-Madonna s-Sultana tal-Paċi. U meta kien bagħtli biex jara jekk wasaltx lura jew le minn Medjugorje niftakru jiktibli hekk: Int għadek Medjugorje jew wasalt lura Malta? Imma anke jekk qiegħed Malta ġejt mimli bl-ispirtu Marjan li jimliena b’kull grazzja tas-sema. Xi kliem sabiħ, saċerdotali u marjan hu dan tabilħaqq! Il-ħaġa kbira u qaddisa f’dan kollu hi li, minkejja l-limitazzjonijiet ta’ saħħtu, Dun Noel għażel li jakkumpanjani hu, minn Malta, waqt li jien kont qiegħed ħdejn Ommna Marija!

Darba minnhom bgħattlu r-ritratt ta’ Ġesù, il-Ħniena Divina. U Dun Noel weġibni hekk: Xi ġmiel! Veru prosit! Tal-meravilja! Sabiħ ħafna. Għandu l-ħarsa t’għajnejh miksura. Donnu jrid jgħidlek xi ħaġa. Imma fl-istess ħin ħarsa ta’ ħniena u li dejjem qiegħed hemm jistenniena. U meta bgħattlu li, fit-tlieta, kont se nitlob il-kurunella tal-Ħniena Divina, Dun Noel weġibni hekk: Grazzi. Se nkun qed ngħidha miegħek.

Dun Noel kien bniedem ta’ talb. U, fil-mod sempliċi iżda profond tiegħu, kien jaf japprezza ħafna kemm it-talb u anki lil min kien jitlob għalih. F’messaġġ ieħor kitibli hekk: Grazzi Fr Mario. It-talb inħossu jsostnini u jagħtini l-forza. Grazzi immensament tat-talb tiegħek għalija speċjalment tal-offerta tal-quddiesa li hi mprezzabbli. Grazzi wkoll tal-barka li bgħattli l-bieraħ. Minn qalbi u mill-faqar tiegħi nbierkek ukoll. Imbagħad, ta’ saċerdot ġgant fl-umiltà li kien, talabni hekk: Berikni please.

Dan hu s-saċerdot li għalih, l-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea-Curmi, fl-omelija tal-funeral tiegħu iddeskrivih bħala “twajjeb u umli”. Ngħid għalija inqis lil Dun Noel b’eżempju ħaj u konkret ta’ qdusija saċerdotali għal żminijietna. Veru ikona tat-tbissima sabiħa, ta’ l-umiltà u ta’ qalb kbira!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.