L-istorja ta’ Skubany


Bħalissa ħafna Maltin u Għawdxin qed imorru l-Polonja. U, waħda mill-ibliet li jżuru hi, ċertament, Kraków jew kif nafuha aħjar mill-ilsien Taljan, Krakovja. Anki jien kelli l-grazzja li nżur din il-belt. U, meta żortha, ma stajtx ma niltaqax mal-istorja famuża ta’ Skubany! Imma min kien dan l-imbierek Skubany?

Mela fil-Polonja, ħafna snin ilu, eżattament fl-għar li hemm f’riġlejn l-Għolja Wawel, kien jgħix dragun terribbli. Ħadd mill-abitanti tal-belt ta’ Krakovja, ibda mill-ifqar tallab u spiċċa mill-majestà tiegħu s-sultan Krak, ma kienu jafu minn fejn ġie dan id-dragun u kif kien seħħlu jsib postu hemm. Ilkoll kienu jibżgħu minnu. In-nies kienu jemmnu li anki l-kavallieri li kienu qiegħdin iħarsu lid-dragun kienu jitwerwru bil-biża minnu kull darba li kienu jisimgħuh biss iħarħar. In-nies kienu jgħidu li ma kien hemm l-ebda arma u l-ebda mod li bihom setgħu qatt jegħlbu lid-dragun.

Meta l-jiem bdew għaddejjin id-dragun beda jħossu aktar u aktar komdu li jgħix hemm. Dan aktar kexkex lill-abitanti ta’ Krakovja. Jum minnhom is-sultan Krak niseġ poeżija lin-nies ta’ Krakovja: “Min darba għal dejjem joqtol dan id-dragun, jirċievi x-xettru u l-kuruna tiegħi. Għalhekk ejjew u għelbu lil din il-bhima mill-aktar orribbli. U hekk tirbħu id binti u l-festa tat-tieġ”.

Wara stedina bħal din kienu ħafna l-kavallieri qalbiena u li ma kienu jibżgħu minn xejn li ppreżentaw ruħhom quddiem is-sultan Krak biex jegħlbu lil dan id-dragun. Dawn kienu ġew minn ħafna pajjiżi. Kemm tefgħu xwabel u vleġġeġ fuq il-ġisem iebes tad-dragun. Imma ħadd ma kellu l-ħila jegħleb jew iħarrab minn hemm lil dan id-dragun.

Iż-żmien għadda u d-dragun kompla jagħmel xebgħa ħsara lill-belt ta’ Krakovja. Issa ftit kavalieri bdew jerqsu lejn Krakovja. U ħafna aktar nies bdew jitilqu lill-belt. Sakemm jum minnhom, żgħażugħ, skarpan, li ma kien jaf bih ħadd, ħabbat fuq il-bibien tal-belt. Ma kellu l-ebda armi inkella kurazza. Kulma kellu kienet labbra, rukkell ħajt u moħħ għaqli. Dawk kienu l-armi tiegħu. L-għases ma ħallewhx jidħol ġewwa qabel ma kien lest li jmur quddiem is-sultan.

Is-sultan Krak sema’ dak li ż-żgħażugħ kien qed jgħid. Għalhekk qatagħha li jpoġġi ftit tama fih u hekk jipprova jara x’jagħmel biex jeqred dak il-misħut dragun li kien qed iwerwer tant u tant nies fi Krakovja. Iż-żgħażugħ qal li kulma kien jinħtieġ kienet il-ġilda tal-ħaruf, ftit kubrit u żerriegħa. Is-sultan qabel mat-talba taż-żgħażugħ.

Matul illejl dan l-iskarpan żgħażugħ qattgħu jaħdem il-pjan tiegħu. Ir-residenti lokali ta’ Krakovja kienu josservaw mit-tieqa dak li kien qed jagħmel dan l-imbierek ta’ Skubany. Fil-fatt, Skubany ħa l-ġilda tal-ħaruf, imlieha u rassha bil-kubrit u ż-żerriegħa u, b’għaqal kbir, ħitha sa fuq nett. Kulħadd beda jaħseb kif dik l-għodwa kienet se tispiċċa.

Ma’ tlugħ ix-xemx l-iskarpan telaq biex jiltaqa’ mad-dragun. Sintendi, miegħu ħa l-borża ippjanata bl-iprem pjan idejali. Kif wasal poġġa l-lixka u malajr inħeba fil-ħaxix ta’ madwar bil-għan li jara kif kienet se tiżvolġi l-biċċa. F’daqqa u l-ħin id-dragun qam. Issa d-dragun kien jaf li kien bil-ġuħ. Għalhekk qam, mexa kemxejn ‘il bogħod, bil-għan li jsib x’jiekol. F’daqqa waħda d-dragun ra ħaruf mejjet. Almenu hekk deher f’għajnejh. Filwaqt li flieh bil-ħars qabeż mill-ewwel għal fuqu biex jieklu. U, f’kemm ilni ngħidlek, qattgħu bi snienu.

Malli beda jqattgħu bi snienu l-ħaruf sploda. Eżatt mela skont il-pjan li kien ħejja l-iskarpan Skubany! Mal-isplużjoni n-nies tal-belt għall-ewwel siektu. Iżda mbagħad mill-ewwel bdew jifirħu. Il-kavallieri kollha ġrew lejn tarf il-għolja. U hemm sabu lid-dragun mejjet.

Din l-istorja tgħallimna ħaġa mportanti ħbieb. Il-ħażen hu xogħol id-dragun. Dak id-dragun li jipprova ikisser, iwerwer, jaqta’ il-qlub, inassass, jixli, ikażbar u jaħqar. Imma aħna nafu li kontra dan il-ħażen tad-dragun, li l-Bibbja issejjaħlu l-għemejjel tal-ġisem, u tgħid li hu: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn (Gal 5:19-21) hemm rimdeju qawwi! Il-ħażen mhux etern! Il-ħażen għandu tmiemu! Il-ħażen, bħad-dragun tal-istorja, għad isib ix-xoqqa f’moxtha!

Hekk qalilna Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tiegħu ta’ l-Erbgħa 27 ta’ Frar 2019: “Jiem il-ħażen issa huma magħduda – il-ħażen mhuwiex etern –, il-ħażen ma jistax jagħmlilna iktar ħsara: wasal il-bniedem qawwi li ġie biex jaħtaf daru (ara Mk 3:23-27). U dan il-bniedem qawwi hu Ġesù, li jagħti lilna wkoll il-qawwa biex naħtfu f’idejna d-dar interjuri tagħna. It-talb itajjar kull biża’. Il-Missier iħobbna, l-Iben jerfa’ dirgħajh biex iweżnilna tagħna, l-Ispirtu qed jaħdem fis-satra għall-fidwa tad-dinja. U aħna? Aħna m’aħniex qed inperpru waħidna fl-inċertezza. Għax għandna ċertezza kbira: Alla jħobbni; Ġesù ta ħajtu għalija! L-Ispirtu qiegħed fija. Din hi l-akbar ċertezza. U l-ħażin? Imwerwer. U din ħaġa tassew sabiħa”.

Mela, meta nħossni attakkat u attakkata mill-ħażen, ħa nieqaf u nitlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina u noffrieha għal dawk li qed imutu f’dak il-mument fid-dinja. Bit-talba sempliċi tiegħi Ġesù jkun qed jisplodi lix-xitan l-għaliex ikun qed jisraqlu ħafna u ħafna erwieħ li jkunu qiegħdin jieħdu l-aħħar nifsijiet bħala bnedmin fuq din l-art. Hekk, bil-Kurunella tal-Ħniena Divina, jiena nkun eżatt bħal Skubany! Li, b’naqra ta’ pjan sempliċi, bija Ġesù jkun qed jeqred lid-dragun tal-ħażen li jkisser, iwerwer u jeqred! U, fuq kollox, id-dragun jibda’ jifhem li aħjar iddabbar rasu meta jarana u jħallina bil-kwiet l-għaliex meta jipprova jersaq lejna biex jittantana ħafna ħa tiġih qarsa l-istorja!

B’dan il-mod inkunu wkoll qiegħdin ngħixu dak li Ġesù stess qal mhux lil Santa Fawstina biss imma anki lili u lilek:

Dejjem issielet b’konvinzjoni soda li Jiena qiegħed miegħek. Timxix skont ma tħoss, għax dan mhux dejjem ikun taħt il-kontroll tiegħek; il-mertu kollu jinsab fir-rieda. … Minix ser nilludik bi prospetti ta’ paċi u konsolazzjonijiet; għall-kuntrarju, hejji ruħek għal battalji kbar. Kun af li issa inti tinsab fuq palk kbir fejn is-sema u l-art kollha qegħdin iħarsu lejk. Issielet bħal kavallier, sabiex Jiena nkun nista’ nippremjak. Toqgħodx tibża’ bla bżonn, għax m’intix waħdek (Djarju, 1760).

L-istorja ta’ Skubany hi tiegħek! Tiegħi! Ejjew inkunu għaqlija bħalu! Makakka bħalu! Bit-talba tal-Kurunella tal-Ħniena Divina r-rebħa hi tagħna żgur! Għax hi, l-ewwel u qabel kollox, ta’ Ġesù! L-ISKUBANY il-kbir! Mela kuraġġ Skubany!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.