Meta l-leħen pespisli f’widinti …


Kont qiegħed għal kwiet. F’kamarti. Fic-cella coelum. Fil-kamra tas-sema. U, hemmhekk, sewwasew f’dak iż-żmien, leħen żaqżieqi, bħalma jżaqżqu uħud mill-lasti li jġorru l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, fettillu jżaqżaqli waħda. Hekk kienet t-tiżqieqa tal-leħen … Joqgħod il-kamra jikteb l-artikli!…

Meta ġie dan il-leħen imżaqżaq, li mhux importanti jekk hux ta’ min żaqqu ma’ dahru inkella imżaqqaq, daqskemm mhux importanti jekk hux tiegħu jew tagħha, inkella ta’ dawk jew tal-oħrajn, jew minn ġewwa jew minn barra, it-tiżqieqa tiegħu reġgħet, iva fakkrittni. U daħħlittni f’riflessjoni. Avojla wara s-snin. L-għaliex, dak il-leħen, imżażaq miskin, kien qed jitlob tifsira. Spjegazzjoni. U illum, wara daqshekk snin, ta’ esperjenza f’kull ċirku u kuntest tal-ħajja, lil dan il-leħen ta’ min jagħtih risposta. Tweġiba. Bis-sugu sintendi u mhux b’rejazzjoni.

Joqgħod il-kamra jikteb l-artikli! Noqgħod! Iva sieħbi! Noqgħod! Għax meta noqgħod niskot. U meta niskot nisma’. Għax xejn ma jkolli xi jtellifni. Noqgħod! U, bħal kbar Wistin u Franġisku, f’Ippona u f’Assisi, ma niddejjaq xejn niltaqa’ miegħi innifsi. Għalkemm mhux waħdi. Inkella żibel insir. F’kull sens. Għalhekk nifhmek għażiż u għażiża meta tgħidli, f’xi kuritur: Jien lanqas lili nnifsi ma nafda! Sewwa tagħmel! Meta, u nerġa’ ngħidlek, tkun miegħek innifsek waħdek! Hemmhekk qed ngħidlek jien, li ma jien xejn, għajr sempliċi Patri: waħdek tafda QATT lilek innifsek! Dak għerf! U għerf mill-kbar nett! Imma miegħU, ma’ Kristu, tinkwetax! Għax miegħu taf fejn int! U tibżax! Għax jekk biss tazzarda toħroġ imqar naqra mill-linja mill-ewwel jurik! Bħalma juri lili! Għax Kristu jħobb u mhux jilgħaq! Jogħxa fuq il-fedeltà u tqallgħu l-like!

It-tieni kelma … il-kamra! U hawn tifqagħniex bid-daħk! Jien, Patri Franġiskan. U, jekk hemm kelma għalina l-Franġiskani li hi importantissima żgur li hi l-itineranza. Kieku kont xi monaku inserraħlek rasek li dejjem se ssibni fil-kunvent. Imkaħħal. Indur. Tiġi x’ħin tiġi. Iżda jien Kristu Patri sejjaħli nkun! Mela, xogħol fuq barra! Kif kien iħobb jgħid Patri minn tagħna. Alla jaħfrilu! Imma, u din ħa ngħidha ċara u tonda: jeżiżti fil-verità xogħol fuq barra u xogħol fuq ġewwa? Ħa nfakkar, almenu lili nnifsi u lil min jitħajjar jiftaħ qalbu, li għal San Franġisk kamartu kienet ġismu! Għax hu kien dejjem jiġri minn post għall-ieħor. Franġisku kien iffissat fuq din is-sentenza: Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu (Mt 8 :20). Tajba din! Alla nnifsu, li kollox tiegħu, ammetta li m’għandux fejn imidd rasu! U allura jien, il-Patri, kif għandi fejn inqiegħed rasi? Jiġifieri li dejjem magħluq fil-kamra? Meta Franġisku, dak li ried jimxi wara Ġesù bis-serjetà, kien bħalu jiġri minn post għall-ieħor? Itineranti? U ma kellux fejn imidd rasu?

Imma jekk tiġi sa ħdejja, ħdejn il-marid, kif irid minni Ġesù, l-Ordni Kapuċċin u l-Papa Franġisku, allura iva se ssibni fil-kamra. Għax dik hi l-kamra fejn ngħix: fid-dinja. Imma, u l-aqwa, li ma nkunx tad-dinja. Għax anki mill-kamra tal-kunvent, għalkemm ma nkunx fid-dinja, aqta’ kemm nista’ inkun tad-dinja! Mela, iva, ħa noqgħod fil-kamra tal-kunvent, jiġifieri fis-swali ta’ Mater Dei, mal-morda, fejn Ġesù jridni! U noqgħod hemm ħa nfarrġu naqra fihom. Daqskemm ifarraġni lili? Għaġeb issa għax ħa nfarrġu naqra jien?

Imbagħad hemm il-verb l-ieħor: jikteb. Nikteb. Għax kitbieti m’humiex tiegħi. Dawk tiegħU. U kitbieti ma joħorġux le minn fommi. Għax li kieku, minn fommi, joħroġ kliem ieħor. Mela sewwa qed jgħidli s-Salm 45: Lsieni pinna ta’ kittieb ħafif (S 45: 2). Ilsieni pinna! Mhux għax perfett. U sibli min għandu lsienu perfett u ma jkollux fih xi traċċi ta’ kliem velenuż? Ġej, mingħajr dubju, mis-sinjura għira! Li taf tinbidel ukoll f’mibegħda. Ħafifa ħafifa u pulita pulita! Għax ilsieni tassew jeħfief meta nitlob lill-Ispirtu s-Santu jħaffu mill-ħażen. Mill-kliem insolenti. Mill-botti. Mit-tgħajjir. Minn kliem li jferi ‘l qlub. Minn kliem ngħassasi u kollu snanar. U dan ilsieni, li huwa l-ilsien tal-Ispirtu s-Santu, f’idejja, wara li jkun tlabt lill-Ispirtu ta’ Alla, isir ħafif. Għax isir pinna. U pinna perfetta. Għax ma tkunx aktar tiegħi. Iżda tal-Ispirtu s-Santu. Id-drone ta’ Alla l-Għoli! U, għax isir pinna, din il-pinna tiġri! Għax ħadd u xejn ma jista’ iwaqqafha! Għax min jista’ isikket lil Alla l-Ħaj? Min jazzarda joħodha kontra Alla nnifsu? Li jaħdem bi strumenti inemmnu u jġenġlu?

Fadal l-aħħar kelma … l-artikli! Il-ġrajjiet. Il-ħsibijiet fuq il-ġrajjiet. Il-films. Dak li jgħid il-poplu u dak li jgħid il-Mulej fuq dak li jgħidlu u ma jgħidlux il-poplu. Iżda xorta waħda jkun qalulu. Allura, fl-artikli, hemm l-emozzjonijiet. Ta’ kull tip. U stejjer ikkuluriti. Waħda wara l-oħra. Ta’ waħda li tidħol fuq l-oħra. U ta’ waħda li ddawwal jew iċċapjar lil oħra. Għax kollox idur fuq il-ħajta tad-deheb li tgħaqqad lil dawn l-istejjer flimkien. U li ddommhom. Kollha kemm huma. Waħda waħda. Sakemm kull dettall isir mużajk li joħroġ it-tifsira finali. Liema tifsira ma tieqafx. Imma tikklassifika ruħha bħala storja li tkompli. Dik l-istorja li ma tispiċċa qatt l-għaliex tibqa’ sejra, pass pass, fl-eternità!

Ħa nħallih iva jpespisli dan il-leħen f’widnejja. U jpepsili meta jrid. Jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ (Mk 13:35). L-importanti hu li l-Ispirtu s-Santu jdawwar idejja f’ilsien ta’ kittieb ħafif. Li ma jibżax ixandar il-verità ħelliesa ta’ Kristu!

Iva Mulej! Fawwarli qalbi bi kliem sabiħ ħa ngħannilek għanjieti bil-kitbiet li tagħtini nikteb fil-kunvent tiegħek għalija, fid-dinja. Għad-dinja. Amen!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.