Issa bit-taqbila?


Jiena sempliċi Patri Kapuċċin. Li, bil-grazzja u għall-grazzja tal-Mulej, inqatta’ ħafna ħin mal-morda. U, l-għaliex il-ħin kollu niġri ma’ dan l-isptar daqs dinja, sptar li dejjem jibki u jitniegħed għall-preżenza u għall-ħidma tal-patrijiet, dejjem ikolli xi ftit riħa t’għaraq.
U tiskantax għażiż u għażiża l-għaliex qed ngħidlek hekk! Tgħid int, meta tiġri, x’tistenna li jiġrilek? U x’riħa taħseb li ġġorr fuqek? Mela, l-istess jien! Bniedem bħalek jien!

Madankollu, meta xi ħadd jattakkani (għalkemm ix-xitan m’għandux snien) inkella iweġġagħli qalbi b’dan il-kliem tar-riħa u mhux riħa, emmnuni li mill-ewwel jitlagħli l-kliem li jfarraġ il-qlub li jgħidli Papa Franġisku, bħala saċerdot. Li, il-grazzja tal-Mulej, għenitni nxammar idi u mhux nilgħaba tal-qaddis. Liema kliem, ċar kristall għal min irid jisimgħu ħa jinħeles mill-ħakma tad-dnub li qiegħed fih, iġib id-data ta’ nhar Ħamis ix-Xirka tat-28 ta’ Marzu 2013: Minn hawn ġej in-nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ xi wħud, li jispiċċaw imdejqa, saċerdoti mdejqa, u jinbidlu f’tip ta’ kollezzjonisti ta’ antikitajiet jew anki ta’ ħwejjeġ ġodda, minflok ma jkunu rgħajja bir-“riħa tan-nagħaġ” fuqhom – dan nitlobkom jien: kunu rgħajja li ġġorru fuqkom “ir-riħa tan-nagħaġ”, li din tinxtamm –; minflok ma jkunu rgħajja qalb l-istess merħla tagħhom u sajjieda tal-bnedmin.

Minn daqshekk, nirringrazzja lil Ġesù, aqta’ kemm inħossni ferħan mal-poplu tal-Mulej jien! Patri sempliċi li m’għandu lil ħadd min jaqbeż għalih u jgħaddilu l-kelma għajr lil Ġesù waħdU! U sodisfazzjon, dejjem bil-grazzja tiegħu u tiegħu BISS, għandi biex nesporta fuq li nesporta! U dan qed ngħidu mhux biex inwaħħal xi penz mal-boilersuit tiegħi ta’ Kapuċċin tafux! Imma, u l-għaliex, għax dak li hu ta’ Ġesù ma jispiċċa qatt! Mela Ġesù qed jaħdem fija u mhux jien! U, iva, bih qed niftaħar u mhux bija nnifsi! Għax jien, wara kollox, biex tridni nisserdaq u nxammar imnieħri? Biex? Bi dnubieti jew bi dgħjufijieti? Madankollu, Ġesù, għax Hu Ġesù, li Hu Alla, u mhux bniedem, anki jekk dan il-bniedem jinzerta ikkonsagrat bħali iżda jaf, miskin, imorrulu l-wires ta’ ruħu daqs tazza ilma, jaħdem b’min irid! Għalhekk l-ebda bniedem, grupp, klikka jew kull tip ta’ ħażen ieħor li jagħmel paljazza tiegħu lill-bniedem, li jkun qagħadlu tapit biex jgħaddi minn fuqu, ma jista’ jaħkmu!

U, għax dejjem joħodni ħdejn il-poplu tiegħu, jiġifieri ħdejkom nies għeżież, lili qatt ma tarawni mdejjaq! Għax ma nafx x’jiġifieri nkun kollezzjonist. Xi tridni nfaddal jien? Dejjem imdawwar bin-nies? Immur ħdejn in-nies? Nitlob man-nies? Nidlek lin-nies biż-żejt tal-barka? U ngħix man-nies? Oh! Kemm għal dan kollu jiena ferħan mela li l-Mulej tani l-grazzja li nkun bħal Missieri fil-fidi San Pawl. Dak li għereq l-għaraq biex iwassal lil Kristu lil kulħadd! Altru li San Pawl ma beżgħax għall-preżentazzjoni! Kif jidher! X’jibża’ jibża’! U jikkonfodni jikkonfondi! Jekk sar hu stess donazzjoni?!

Hu proprju għax misjuq mill-eżempju qawwi ta’ Ġesù f’San Pawl, u ta’ Ġorġ tal-Mużew, li, il-Mulej Ġesù tani l-grazzja li nwassal il-messaġġ tiegħu bit-taqbil. Sintendi, u dejjem fl-iskola tal-Iskular tal-iskulari, l-Ispirtu s-Santu!

Mela ħa nibdew bl-għerf kbir li l-Mulej jogħġbu jagħtini fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei u li ġej bit-taqbiliet! L-ewwel taqbila, Mhux kwistjoni ta’ preżentazzjoni imma ta’ donazzjoni! Ajma Spirtu Qaddis! X’ma inħobbokx! Kemm taf tagħtihom ir-risposti! U x’ma nikkonsagrax lili nnifsi lilek! X’tiswa l-preżentazzjoni sabiħa u tfuħ jekk il-qalb tkun tintenn bir-rabja, bl-għira, u bis-suppervja? Kemm hawn nies li soffrew u għadhom qed isofru fil-Knisja, fis-soċjetà, fil-familji u fil-kunventi minn nies li jfuħu bl-indafa. Imma ħej qalbhom u azjuniethom jintnu daqs is-seba’ pesti! Int ittawlilhom naqra lejn wiċċhom! Uh veru kemm jgħaxxqek bit-tbissima sinċiera li għandhom? Jaqq! X’ħażen! X’diżażtri wettqu n-nies tal-fwieħa imma li qalbhom ġebel u ma tafx tħenn! X’intiena ġabu n-nies iffissati fl-indafa imma li jkażbru l-qlub twajba u ħanina tal-oħrajn! Tal-biża’! U, iva, tal-infern!

It-tieni taqbila: L-attur joħroġ fattur. Ġieli ltqajt ma’ persuni li jkunu midħla fit-tejatru. Lil dawn in-nies aqta’ kemm nieħu gost nitħaddet magħhom! L-għaliex min ma jieħux gost jitħaddet mal-artisti? U x’jagħmel l-attur? Mhux jippreżenta fattur tal-ħajja? Tal-personalità tal-bniedem? Ta’ spirtu partikulari li hemm idur fil-ħajja tal-individwu?

It-tielet taqbila: Min jimxi bil-mod le jirtogħod. Kemm għandi bżonn nismagħha fuq li nismagħha din it-taqbila jiena stess! L-għaliex x’jiġri meta ngħaġġel? Meta nibda’ għaddej u għaddejja sfraxnat u sfraxnata? Ħa nsaqsi lis-sinjura qalbi ħa tgħidli hi! U int staqsi lis-sinjura qalbek u, tibżax, mhix ħa toqgħod lura milli twieġbek! Meta ngħaġġlu ħafna qalbna tibda’ taqbeż ‘il barra! L-għaliex l-ebda qalb ma ġiet maħluqa biex titlaq tiġri u ma tieqafx! L-ebda qalb ma ġiet maħluqa biex tirtogħod kemm tiflaħ bl-istress! Mela bil-mod! U bil-kalma! Jekk ma rridux nidħlu f’ħafna dalma! Kos! Din taqbila oħra issa! Intant …

U, l-icing fuq il-cake, ġej, sewwasew, b’din it-taqbila: Min jiżra’ fit-talb ifejjaq il-qalb! Kemm inħobb ngħidha din it-taqbila ħuti! Waqt li nkun qed niġri mal-isptar, ferħan, għalkemm għarqan. Imma xorta daħkan. U ruxxan! Biex tridhom jitfejqu għeżież il-qlub? Jekk mhux bit-talb? Kemm-il darba niltaqa’ ma’ persuni, l-aktar meta nkun għarqan u wara xi ġirja ġirjun mal-isptar u li tħallini bla nifs, u jgħiduli: Patri! Għax kemm insibha diffiċli biex naħfer? U jien, bis-sempliċità, għax fqajjar u msejken, għandi ‘l Sidi jaħseb fija (S. 40:18), nweġibhom bil-Kelma ta’ Ġesù: Bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom (Lq 6:28). Agħmlu hekk u ssibu l-paċi. Għax meta nagħmel hekk jien b’hekk insib il-paċi ta’ Kristu fija!

Qed taraw ħbieb? B’naqra ta’ taqbila? Kemm jimxi l-ġid? U, la l-Mulej irid dan il-ġid għaddej, jibqa’ iva jqajjem fostna l-għannejja tiegħu biex iwaslulna Kelmtu! Hi liema hi! U huma liema huma!