Ħabibi ż-żiemel!


Ħafna jafu li ż-żwiemel inħobbhom. U, meta l-Mulej jagħtini l-grazzja ninżel sal-Korsa tal-Marsa biex nara xi żewġ tiġrijiet, arani nlesti ħa nitlaq!

Il-Korsa immur entużjast. Għax, hemmhekk, bl-akbar sempliċità, ikolli l-grazzja li nerġa’ insir tifel. Inħossni tifel. Għax jien tifel. U nibqa’ tifel. Nikber kemm nikber. U tgħid illum, bl-‘istudju’ kollu li għandna, mhux din il-ġawhra tlifna: li nkunu tfal? Din sieħeb ta’ min hu iffissat li jkun bilanċjat. Biex imbagħad jispiċċa jkun l-aktar wieħed żbilanċjat fuq wiċċ id-dinja! U le! Intant …

Għax x’hemm problema billi nkunu tfal? X’hemm problema b’li nistgħaġeb? U x’hemm problema meta nidħak u, iva, naċċetta l-kontradizzjonijiet tiegħi? U nidħak lejn l-eċċessi? Mhux il-punt li ngħidilhom tajbin. Imma aħna, jaħasra, bnedmin! Dan imqar timla tazza birra u sakemm toħodha fuq il-mejda tarma titbandal. Aħseb u ara jekk il-ħajja tbandalniex? U titfagħniex ‘l hawn u ‘l hemm?

Hemm arah! X’inhu ħelu! B’widnejh imaqqfin! Donnu jrid jgħidli xi ħaġa! Arah xi jħares! Xi trid tgħidli sabiħ? U sabiħ ngħidlek! Kemm tgħallimni! Ma nafx sieħbi l-għaliex il-Griegi jsejħulek Άλογο (álogo). Għax, u ħa ngħidhielek mhux biex nilgħaqek iżda għax hekk hu, int kliem jonqsok! Kemm tifhimni! Donnok tkun taf minn xiex għaddej u jgħadduni. Mill-ewwel tifhimni. U, qisek b’ħarstek, trid taqrani!

Minnek nitgħallem ħafna. Għax, meta narak il-Marsa, tiġri, aqta’ kemm bik l-Imgħallem jagħmilli kuraġġ! Meta narak tiġri, b’dawk il-gawxuni, bil-mollatura jew mingħajrha, ngħid lili nnifsi: Arah! Is-sinjur! Għaddej! U veru ħabib qisek is-sinjur. Naf! Mhux għax għandek il-flus! Għax int, miskin, ibiegħuk. U jaqilgħu xi kemxa minn fuqek! Almenu barra minn Malta! Għalkemm taf kemm f’Malta u f’Għawdex iħobbuk! Għax iqisuk wieħed minn tal-familja! Dan naf li tafu. Avolja ma tgħidlix. Imma ħarsek qed tagħtini raġun. Almenu! Int wieħed mill-ftit li ttini raġun! U ta’ dan nibqa’ nafhulek! Daqskemm int sinċier!

Ridt nirringrazzjak kemm tgħallimni tafx! Ibda’ biex bil-ġenerożitá tiegħek! Kemm int galantom! Kemm tiġri b’imħabba u b’dedikazzjoni! Donni mejjet biex napplikalek dak li kien jgħid Santu Wistin: Ħobb u agħmel li trid! Għax int, għażiż ħabib, qalbek tagħtieha lil sidienek. Tagħtihom saħħtek kollha. Xogħlok tagħmlu minn qalbek. U addijo tnikkir. Għax meta tiġi l-karozza ħa tintelaq mill-ewwel tmur warajha biex tiġri l-ġirja tiegħek. U allura lili, l-ewwel wieħed, tgħidli: Sur Patri! Meta tiġi l-karozza tal-ubbidjenza biex taqdi lill-Mulej u lill-Knisja tiegħu fix-xogħol tal-Provinċja Kapuċċina mal-morda fl-isptar, int x’tagħmel? Tmur warajha ħa tintelaq u hekk tagħmel it-tiġrija t-tajba li twassal lilek u lil dawk li magħhom il-Mulej irid iwasslek fil-ħajja ta’ dejjem? Jew tagħmel fattik? U teqleb il-pass? U f’ħajtek qatt ma tista’ tieħu ruħ għax dejjem tibda’ b’false start?

Għażiż ħabib, meta narak iddur fil-Korsa tal-Marsa, ninnota fik xi ħaġa li lili aqta’ kemm tagħmilli ġid! Meta tibda’ t-tiġrija u teqleb int, għax int ħlejqa, tibda’ tikkonfondi kif ħa tiġri. U, wara ħafna passijiet ħżiena, issib il-pass tiegħek u tibda’ it-tiġrija tiegħek. Kemm tagħmilli kuraġġ meta narak daqshekk umli li tagħmel it-tiġrija tiegħek. Avolja tispiċċa l-aħħar. U, meta narak b’dawk it-tappijiet maqlugħa minn widnejk sforz l-isprint li jkun għenek tagħmel il-ġerrej, aqta’ kemm tqabbiżli dmugħ minn għajnejja! Kos hux! Kemm hu sabiħ il-fair play! U dan int tgħallimhuli ħafna! Għax, u l-importanti, mhux li nasal l-ewwel wieħed fit-tiġrija u jtellgħuni fuq il-podju tal-premjazzjonijiet, u fuq kollox, tal-promozzjonijiet. Iżda li nwettaq it-tiġrija! U ħa ngħidlek, għażiż ħabib, taf kemm tispikka meta tkun l-aħħar wieħed u xorta twettaq it-tiġrija sal-aħħar? Ibqa’ ċert u żgur li jekk ma jkun hemm ħadd jammirak żgur li jkun hemm jien! Għax, ħajti, għallmittni x’jiġifieri tiġri t-tiġrija l-aħħar wieħed. U, il-kumplament tal-qattgħa, jiġru kemm il-Mulej tahom saħħa ‘il quddiem!

Ħabib, imbagħad irrid insemmilek xi ħaġa li naf li biha aqta’ kemm se tieħu pjaċir! Int f’din il-ħaġa tassew li int espert fuq li espert fiha! Meta tagħmel dak xogħlok, li, min jaf kemm tkun għamilt sagrifiċċji fuq sagrifiċċji, meta qajmuk għodu għodu ħa jħaddmuk, int, x’ħin tgħaddi mill-ġister, tibda’ tnaqqas il-pass. Sakemm tispiċċa timxi bil-mod il-mod. Oh kemm tgħallimni meta tagħmel dan għażiż ħabib! L-għaliex jien, fl-Isptar, bħalek tafx! Nagħmel il-koros! Nagħmel dik tal-1650 metru. Imbagħad niġri wkoll f’dik tal-2150 metru. U anki nieħu sehem f’dik tal-2700 metru. U issa, la ġie d-diskors, ħalli ngħidlek kelma f’widnejk ara: l-aktar li nieħu sehem jien hija fit-tellieqa bid-distanza tal-2700 metru! Mela tifhmni ħi kif inkun imkisser wara dawn il-koros kollha! U tifhimni ħi kif ikolli seba’ mitt sena sakemm nistrieħ!

Issa int ħi, kuntrarju għall-bnedmin, (li ġieli jaħsbu li jafu u jegħruq f’boqqa ilma!), int lili qatt ma timponili kif għandi nistrieħ! Le! Ma tarax! Int lili tgħidli: Ejja sabiħ! Agħmel bħali ħi! Oqgħod irgħa! Bil-mod! U strieħ bl-aktar mod li għandek tistrieħ. Għax, kif qallek Papa Franġisku, ġismek stess hu l-aqwa tabib. Mela ħa jingħalqu l-ħluq mimlija paroli fil-vojt. U int obdi lil ġismek, l-aqwa tabib! Hekk ibqa’ sabiħ! Bħali! Għax jien, meta sidi ma jifhimnix, u jfettillu jagħmel xi ħaġa kif jaqbillu hu u mhux kif għandi veru bżonn, malajr nurieh. Għax fit-tiġrija nini nini niġrilu. U addijo l-ħinijiet!

X’naqbad ngħidlek għażiż ħabib! Int tbikkini lili tafx! Għax illum ma tantx issib lil min jifhmek. Illum, l-egoiżmu, ħa kullimkien. Fil-profan u fis-sagru! Imma int, li tgħix fi stalla, u tħobb tiġġerra fil-beraħ, taf tirgħa. Taf tistrieħ. Taf tisma’. U aqta’ kemm int sensittiv!

Grazzi għażiż ħabib tiegħi! Grazzi ħabibi ż-żmiemel! Inħobbok ħafna!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.