Il-Bar Mleczny Familijny

Print Friendly, PDF & Email

Matul il-mawra li l-Mulej tani grazzja li nagħmel fl-art tal-Polonja, l-art tas-serħan tal-Lhud, għalhekk tissejjaħ Polin, il-Mulej ħadni fil-magħruf Bar Mleczny Familijny. Dan il-Bar, għal min irid imur jżuru, jista’ jagħmel dan billi jasal wasla sa Triq Nowy Świat 39, f’Varsavja.

Fil-Bar Mleczny Familijny jiekol kulħadd. Hawnhekk, il-fqir u s-sinjur, l-istudent u l-barrani, għandu u min m’għandux, jistgħu iva joqgħodu flimkien fuq mejda u jaqsmu biċċa ħobż ta’ aħwa li huma. Fl-istess post. Taħt saqaf wieħed! Interessanti li f’dawn it-tipi ta’ Bar Mleczny Familijny, li l-metodu tagħhom għadu dak ta’ stil Komunista għax bil-kupun, wieħed isib ikel tradizzjonali Pollakk. U dan wieħed jista’ ikollu aċċess għalih mingħajr ma joqgħod jitqanżaħ biex iħallas ruxxmata żloti! Lanqas xejn! Bi ftit flus wieħed jista’ joqgħod bilqiegħda u, fil-paċi, ikun jista’ jiekol xi ħaġa msajra mill-qalb għall-qalb.

Minn xi informazzjoni li għaddewli f’dawn it-tipi ta’ Barijiet hemm ukoll id l-istat li tagħti dik il-palata finanzjarja fihom. Hekk, l-istat ikun qed jgħin biex jiekol kulħadd. Fil-Bar Mleczyny Familijny hemm post għal kulħadd. Nies ta’ kull età u klassi soċjali. L-għaliex, int min int, u għandek kemm għandek jew għandek x’għandek, int hemm post għalik fil-familja l-kbira li hi s-soċjetà! Din hi l-idea prinċipali wara l¬-Bar Mleczny Familijny.

Meta ħaduni hemmhekk għall-ewwel il-post ma tantx laqatni. Il-Bar huwa żgħir. Xejn speċjali. Ordinarju kemm jista’ ikun. Imwejjed żgħar. Iżda, f’dan il-Bar, kien hemm kurċifiss ħelu fuq il-ħajt tal-injam. Barra minhekk il-post kien inċensat bir-riħa tal-kċina tad-djar l-antiki. Allura, meta wieħed joqgħod bilqiegħa ħa jiekol mill-ewwel jibda’ jidħol fl-esperjenza sabiħa ta’ familja. Veru! M’hemmx tlellix! U kollox silver service! Xejn chic! Imma, ngħid jien, meta niġu biex naqsmu biċċa ħobż flimkien għandu għalfejn jkollna dan l-idrittar kollu? Għalfejn, bejnietna, issa anki ħin l-ikel qed jitmermer? Mhux biss l-għaliex qed inġorru magħna l-ismart phone u erħilna niskrolljaw imma issa anki qed indaħħlu ċertu “etikett” li qered l-istess skop li għalih ġejna biex nieklu? Jiġifieri li nibnu l-komunjoni bejnietna fl-ikel? U l-ħasra tafu x’inhi ħbieb? Li dan l-“etikett,” li wħud huma letteralment morda u iffissati fih u f’li jimponuh b’salvaġiżmu tal-biża’, għax bla ħniena u rispett ta’ xejn, qed jagħmel ħin l-ikel mument ta’ tortura u ta’ tkissir! U l-ikel velenu jniżżilulek!

Mela ejja nħallu d-dinja tal-lvant, għal darb’oħra, terġa’, b’paċenzja ta’ Ġob, tgħallimna nerġgħu nsiru bnedmin. U ddaħħalna fin-normalità u tfejjaqna mill-ġenn! Li lanqas jaf jispelli l-kelma tħenn! U ħallina minn tip ta’ “edukazzjoni” li tagħmilna agħar mill-annimali. L-għaliex toqtol fina s-sentiment tal-imħabba u tal-intimità vera u, jaħasra, iddaħħalna fl-isqaq tal-mard tal-moħħ! Għax, u issa ngħiduha kif inhi, x’differenza tgħaddi bejn min hu iffissat fl-indafa u min hu ifissat fl-“etikett”? Mhux it-tnejn għandhom problema mill-kbar nett! Mhux it-tnejn għandhom bżonn, illum qabel għada, għajnuna professjonali tal-prima kwalità!

Darba, xi ħadd, li mar fil-Bar Mleczny Familijny, irrakkonta li meta kien hemm, jieħu bukkun mal-poplu, xi ħadd staqsieh jekk jistax jagħtih imqar 3 żloti. Jiġifieri mas-70 ċenteżmu tal-Ewro. Deher ċar li dan il-proxxmu li talbu kien mejjet bil-ġuħ. Għalhekk, dan il-ħanin Samaritan, b’2 Ewro biss, xtarlu ikla sħiħa. Imbagħad, fil-kumment tiegħu, dan is-Samaritan qal: Kif tista’ ma ddaħħalx idejk fil-but ħa tgħin? U, issokta, dan [il-fqir] ma waqafx jirringrazzjani.

Xi ġmiel hux! Is-solidarjetà! U l-imħabba tal-batut! U kemm veru dan is-Samaritan kien qed jgħin lil wieħed fqir u mhux bummer tal-prima klassi! Għax, u din issa rridu ngħiduha, il-veru fqir ma jiġix jitolbok 2 Ewro u mbagħad, f’daqqa waħda, jibdel id-diska u jitlagħlek għal 5 jew 10 Ewros. Il-fqir veru jkun kuntent meta tagħtih ikla u mhux jarmilek l-ikel jekk tkun tajtu x’jiekol l-għaliex ikun irid il-flus. Mela, u b’qasma ta’ qalb, dak li jagħmel dawn il-kummiedji ma jkun fqir xejn. Imma jkun xi ħadd li jrid jipprofitta ruħu minn qalb tajba ta’ xi ċittadin. Ikun bummer! Ħalliel! Għax, il-veru fqir, jikkuntenta ruħu b’dak li jirċievi. U qatt ma jimponi lilu nnifsu fuq min jista’ jgħinu bin-naqra li jista’ jaqsam miegħu. Barra minhekk, il-veru fqir qatt mhu arroganti. U jhedded lil min seta’ jgħinu bil-ftit. Il-veru fqir jaf ikun grat. Anki tal-iċken għajnuna. U tbissima. Il-veru fqir jaf japprezza u mhux jippretendi.

Il-Bar Mleczny Familijny, bl-ikel tradizzjonali tal-kċina Pollakka, ibda’ mit-tiġieġa u spiċċa mis-soppa u anki l-kolazzjon bl-iscrambled eggs, ifakkarni f’test ħelu mill-Bibbja, eżattament minn Iżaija. Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li m’għandkomx flus. Ejjew, ixtru u kulu b’xejn, nbid u ħalib bla ħlas (Is 55:1). Meta wieħed iqis li dan it-test inkiteb fil-kuntest ta’ maħfra għal kulħadd, u l-maħfra hi, essenzjalment, il-ħniena, wieħed imbagħad malajr jibda’ japprezza aktar dawn il-Bar Mleczny Familijny. Jiġifieri dak il-Bar fejn fih kulħadd jista’ joqgħod madwar mejda u jitħaddet. Filwaqt li jiekol, bil-barka kollha, il-ħobżna ta’ kuljum. Dik il-ħobżna li, Missierna tas-Sema, ħaseb għaliha għal kull persuna li hawn taħt is-sema. L-għaliex aħna ilkoll, aħna min aħna, aħna ilkoll xorta waħda! Aħna ilkoll uliedu! U, l-għaliex uliedu, aħna ilkoll ajma qalbu!

Interessanti li l-Bar Mleczny Familijny fejn fih morna nieklu xi ħaġa, jinsab fi triq Nowy Świat. Fi kliem ieħor, fi Triq Dinja Ġdida. Għax jekk lid-dinja li qed ngħixu fiha irridu tabilħaqq inġedduha irridu iva, ibda’ l-ewwel nett mid-dinja tal-mejda, nibdew nittrattaw lil xulxin l-istess. Għax ilkoll minn ħalqna nieklu. Mela ejja nieklu flimkien! U mhux min jippranza fl-aqwa restoranti u min ikollu jitqanna jiekol xi Take Away. Barra minhekk, hu importanti wkoll nifhmu li biex tiekol tajjeb m’għandekx għalfejn tonfoq il-belli tal-Ewro. Iżda, bi ftit flus, tista’ tiekol daqs l-aqwa sinjur. U tiekol ikel b’saħħtu u tradizzjonali. Fl-aħħar nett, tajjeb ukoll niftakru li dan kollu jiġi iffinzjat minn min imexxi. U hekk, post bħal dan, jseħħlu aktar u aktar itambar l-ideja tassew importanti li aħna, fis-soċjetà tagħna, aħna familja. Fejn kulħadd jieħu ħsieb kulħadd.

Postijiet bħal Bar Mleczny Familijny, minnhom infushom, jerġgħu joħduna għall-ispirtu ta’ familja li, fis-soċjetà tagħna, l-għaliex ilkoll kemm aħna inħobbuha, tant nisħqu fuqu. Jalla, bil-mod il-mod, ikollna Bar Mlecnzy Familijny fostna, imxerrdin ‘l hawn u l’hemm f’pajjiżna, li lilna jagħmluna aktar u aktar familja. Bil-kulturi diversi li hawn jgħixu magħna.

Leave a Reply

%d bloggers like this: