Iċ-Ċerimonja tat-Tqassim ta’ Ċertifikat ta’ Attendenza fl-Istitut Agostinjan


Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Marzu, 2019, fl-Istitut Agostinjan, iċ-Ċentru għall-Istudji Agostinjani u Patristiċi, ittellgħet iċ-ċerimonja tat-tqassim ta’ ċertifikat ta’ attendenza fi tmiem is-sena akkademika 2018-2019.

Din is-sena ċ-ċerimonja tmexxiet mill-Eċċ. T. Mons. Alessandro D’Errico, in-Nunzju Appostoliku għal Malta. Il-quddiesa ġiet animata minn Ms Antoinette Borġ u l-Grupp ta’ Talb ta’ San Ġiljan. Fid-daħla tiegħu għall-Ewkaristija, Mons. D’Errico saħaq fuq l-importanza li Santu Wistin għandu fil-Knisja. Minkejja li għaddew daqshekk sekli l-kontribuzzjoni tiegħu għadha validissima għaż-żminijiet tallum. In-Nunzju Appostoliku stieden lilna, preżenti għall-Ewkaristija, biex inħaddmu dak kollu li għallem l-Isqof kbir ta’ Ippona fil-Knisja u fis-soċjetà tallum. Mingħajr dubju, Santu Wistin għandu ħafna u ħafna x’jgħallem lil dawn iż-żewġ komponenti tabilħaqq importanti fit-tiswira tal-ħajja ċivika u spiritwali ta’ pajjiżna.

Minn naħa tiegħu, il-Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani, Patri Leslie Gatt OSA, issokta jibni u jsaħħaħ dak li qal Mons. D’Errico. Huwa wera l-bżonn li Santu Wistin u kitbietu jibqgħu jiġu studjati. Dan l-għaliex, dan il-qaddis kbir, huwa minjiera ta’ informazzjoni, u fuq kollox, ta’ formazzjoni, għan-Nisrani u n-Nisranija li jridu jieħdu bis-serjetà s-sejħa tagħhom fi żminijietna. Santu Wistin huwa għalliem prim fid-djalogu tal-Knisja mas-soċjetà.

Mat-temmija tal-quddiesa, il-Professur Agostinjan, Patri Salvinu Caruana OSA, id-Direttur tal-Istitut Agostinjan, f’isem il-Board tal-Istitut Agostinjan, iżża ħajr lill-parteċipanti kollha tal-kors ta’ din is-sena. Huwa irringrazzja wkoll lill-Eċċ. T. Mons. Alessandro D’Errico, in-Nunzju Appostoliku għal Malta, li ippresieda ċ-ċerimonja.

Għall-għoxrin sena konsekuttiva Patri Salvinu, flimkien mal-Board tal-Istitut Agostinjan, organizza b’suċċess dan il-kors fl-istudji Agostinjani. Patri Salvinu wera l-gratitudni tiegħu għan-numru sabiħ ta’ parteċipanti li, f’din is-sena, kienu qiegħdin jattendu bi ħġarhom għall-korsijiet imnedija mill-istess Istitut. It-temi magħżula, kemm għall-kors Santu Wistin għal Kulħadd u anki s-serjè ta’ lectures dwar Santu Wistin ta’ Ippona u xi Missirijiet il-Knisja dwar l-Ekumeniżmu kienu tabilħaqq pinġuti għaż-żminijiet tallum. Biżżejjed wieħed iħares lejn l-uċuh ta’ dawk li ħadu sehem f’dawn il-korsijiet biex wieħed jara kemm dawn niżlu tajjeb mal-parteċipanti. Għal darb’oħra il-korsijiet ingħataw pubbliċità kbira mill-midja lokali, mill-gazzetti u mill-istazzjonijiet tar-Radju. Is-sittax-il siegħa ta’ studju tal-Lectio Augustini, li matulhom ġiet żviluppata t-tema Il-ħbieb u l-ħbiberija skont Santu Wistin, niżlet għasel mal-parteċipanti kollha. Dawn is-sigħat ta’ studju ġew fi tmiemhom bil-wirja tal-film famuż dwar Santa Monika u Santu Wistin Son of Her Tears.

Bħas-soltu, Patri Salvinu ma naqasx milli juri l-apprezzament kbir tiegħu għal diversi nies li ikkontribwew bi sħiħ għal dawn il-korsijiet fosthom il-Patri Provinċjal Patri Leslie Gatt OSA; Patri Pierre Desira OSA; il-Maġistrat Silvio Meli; il-Professur Dun Hector Scerri; Dr Ritienne Debono MD; Mr Andrè Debattista; Dr Joe Debono; Dr Max Cassar; Rev. Dr. Jimmy Bonnici; Vince, Rita u Diane Caruana; Mr Frans Żammit; u Antoinette Borġ, is-segretarja tal-Istitut li l-preżenza u x-xogħol tagħha, misjuq minn spirtu ta’ dover u servizz mill-qalb u mżejjen bi tbissima, żgur li jħallu differenza kbira. Minn naħa tiegħi nixtieq nirringrazzja lil Patri Salvinu tal-apprezzament tiegħu meta l-Mulej jagħtini l-grazzja li nippubblika u nissapportja l-inizjattivi akkademiċi, imwettqa b’tant imħabba u professjonalità, mill-Istitut Agostinjan fil-midja lokali.

Fid-diskors tiegħu Patri Salvinu qal li l-kors akkademiku tas-sena d-dieħla 2019-2020 se jkun iddedikat kollu kemm hu għall-istudju tat-tlettax-il ktieb ta’ Santu Wistin, l-Istqarrijiet. Iżda dan l-istudju sa jkun magħmul b’differenza. Kull sezzjoni tal-Ġimgħa, ħmistax b’kollox, se tiġi iffukata b’metodu ta’ hands-onbl-istudju tat-testi, tal-handouts, tal-questionaires u l-bqija. L-Istitut qed jaħseb ukoll għal Live-In ta’ tlett ijiem biex jissokta jintensifika aspetti li joħorġu mit-testi tal-Istqarrijiet, li huma kapolavur mill-aqwa ta’ Missierna Santu Wistin.

Nhar it-3 ta’ Jannar 2020, se jiġi illanċjat ukoll Festschrift f’ġieħ is-70 sena mit-twelid ta’ Patri Salvinu. Din il-biċċa xogħol sabiħa tinstab taħt il-patroċinju tal-Provinċja Agostinjana. Ix-xogħol editorjali se jkun f’idejn il-Professur Dun Hector Scerri imsieħeb mis-sapport sħiħ tal-ħabib u kollega ta’ Patri Salvinu, il-Professur Dr Anthony Dupont, minn KU Leuven.

Santu Wistin jgħallimna li l-għemejjel tagħna kollha għandhom ikunu frott tal-imħabba. Jiktibilna hekk:

Meta tkellimna fuq dan, kellna quddiemna l-istess għemejjel. Quddiem ġrajjiet xort’oħra minn xulxin, nistgħu nsibu wieħed li jibda’ jagħdab għax ikun iħobb u nistgħu nsibu ieħor, li jkun dħuli, li jibda’ jagħdab minħabba l-kefrija ta’ dik il-ġrajja. Missier jista’ jasal sabiex isawwat l-ibnu, u negozjant ta’ lsira jġib ruħu tajjeb mal-ilsiera. Jekk tqiegħed dawn iż-żewġ imġibiet quddiem xulxin, is-swat u ż-żegħil, min huwa dak li ma jagħżilx iż-żegħil minflok is-swat? Jekk wieħed irid jirraġuna tajjeb, malajr jintebaħ li l-imħabba tasal sabiex tweġġa’, filwaqt li l-kefrija tasal sabiex iżżiegħel. Oqgħodu attenti għal dak li rrid ngħallimkom; jiġifieri, li l-għemejjel tal-bnedmin jingħarfu biss mill-imħabba. Għax fil-fatt jiġru ħafna ġrajjiet li jkunu jidhru tajbin minn barra, imma ma jkunux ġejjin mill-imħabba. Madankollu, ix-xewk ukoll għandu l-ward. Xi ħwejjeġ ikunu jidhru qarsa, u iebsa minn barra; imma nagħmluhom, sabiex inżommu d-dixxiplina, għax nkunu imqanqla mill-imħabba. Għalhekk qiegħed jingħatalek kmand darba għal dejjem:ħobb u agħmel li trid; jekk tiskot, iskot għax tħobb, jekk titkellem, tkellem għax tħobb, jekk twiddeb, widdeb għax tħobb, jekk taħfer, aħfer għax tħobb; ħalli jkun hemm ġewwa qalbek il-għerq tal-imħabba, għax minn dan l-għerq ma jista’ joħroġ xejn aktar ħlief il-ġid (Minn 10 Omeliji fuq l-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann, Omelija 7, 8 ).

Interessanti li din l-imbierka sentenza li, fit-test Latin hi, Dilige, et quod vis fac (ħobb u agħmel li trid), aqta’ kemm qajmet kwistjonijiet fl-istorja! Biss, it-tifsira tagħha tidher ċara kristall minħabba l-mod ta’ kif inqeda biha Santu Wistin. Fil-fatt, l-Isqof ta’ Ippona u Duttur tal-Knisja, tant kien ċert li kliemu kien se jqajjem għagħa mill-kbar nett li qal: Għalhekk qiegħed jingħatalek kmand darba għal dejjem.

Inħeġġek tattendi għall-Korsijiet imnedija mill-Istitut Agostinjan f’Ottubru li ġej. Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Istitut Agostinjan, PO Box 61 Imsida PO MSD1000. Tista’ tikkuntattja wkoll lill-Prof Patri Salvino Caruana OSA fuq 21249407 jew 99402102. Inkella lis-segretarja tal-Istitut, Ms Antoinette Borg fuq 27010827 jew 99450099.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.