Bil-kanuni!


Malta u Għawdex sbieħ! Fihom għaxqa! Il-postjiet storiċi li huma mgħammra bihom jaffaxxinawk! Jagħmluhom uniċi!

Għal ħafna snin kienu postijiet attakkati. Għalhekk kellhom jiġu ipproteġuti mis-swar qawwija. Ħitan samma! Li, qajla tinfidhom! U, fuq ħafna mis-swar, kien hemm il-post fejn kienu jitpoġġew huma: il-kanuni! Kemm hawn kanuni f’Malta u Għawdex! Veru? Jinsabu kullimkien! Oħroġ il-għaġeb anki quddiem il-Kattidrali u knejjes jinsabu! Safejn naf jien il-kanuni jfakkru fil-gwerra u mhux fil-paċi. Il-kanun ifisser mewt u mhux ħajja. Mela, ngħid jien, x’rabta għandu mal-Knisja? Dik il-Knisja li, suppost, titfa’ il-ħlewwa tal-paċi ta’ Kristu? Li xxandar lil Dak Kristu li qal, mingħajr ħafna tidwir u interpetazzjoni miftuqa u li toftoq: Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu (Lq 23:34)? Dak l-istess Kristu li qal lil Pietru: Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered (Mt 26 :52)?

Il-kanuni! X’sens għandhom il-kanuni għall-bini sagru? Bħalma hu l-Knisja? U, wisq aktar, x’sens jibqagħlhom fija u fik li ngħidu li aħna Insara? Li ġejna mgħammda? Li twasslitilna l-Kelma tal-Ħajja? Il-Kelma tal-Maħfra? Il-kanuni! Kemm hi ħafifa li tikkarga kanun! U li tisparah! Li tispara dak il-polvri li jkun ilu jinħema s-snin! Kemm hi faċli nikkundanna persuni bla ħtija! U dan l-għaliex, għalija, jew għall-klikka tiegħi, fis-soċjetà, fil-Knisja, fil-familja, fil-komunità reliġjuża, dik il-persuna ma tinżillix? Persuna non grata? U nagħmel li nista’ biex inkissirha? U nwaqqagħha għaċ-ċajt b’kull mod possibbli? Li nkażbrilha ġieħha? U dan l-għaliex m’hix fis-SIM card tiegħi? Għax m’hix skont il-kriterji tiegħi?

U jien min qabbadni nkun l-imħallef ta’ xi ħadd? Min? F’diskorsna tant ngħidu li min jibqa’ jiżbalja ħaqqu ma nafx xiex ? Mela min jibqa’ jiġġudika lil ħuħ jew oħtu tal-ġisem u tal-ispirtu x’ħaqqu? Forsi uħud dan id-diskors jevitawh l-għaliex ma jdoqqilhomx għal widnejhom. Imma ħej, min jista’ jipponta subgħajh lejn xi ħadd? Min jista’ jispara l-botta? Min jista’ jispara l-kanunata? Ejjew nieqfu niskużaw dan id-dnub infami li, skont Ġesù, ħaqqu in-nar tal-infern! Le! Dan id-dnub irridu nieqfulu bl-għeruq u bix-xniexel! U jekk, f’każ, hawn min għadu ma ġiex konxju tal-ħsara kbira li jagħmel u tagħmel meta jiġġudika u tiġġudika persuni oħra ħa nisimgħu kliem Ġesù! Dak Ġesù li, għada pitgħada, ikollna nħarsu f’għajnejh! U f’għajnejh BISS! Ftehmna?

Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejjlu intom, jitkejjel lilkom. Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk, ‘Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek,’ meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk! (Mt 7:1-5) Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra (Lq 6:37).

Int, ja bniedem, li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor ma għandek ebda skuża, int min int. Għax int u tagħmel ħaqq minn ħaddieħor tkun tikkundanna lilek innifsek, ladarba int u tagħmel il-ħaqq tkun tagħmel l-istess. Imma aħna nafu li dawk li jagħmlu ħwejjeġ bħal dawn, Alla jagħmel ħaqq minnhom skond il-verità (Rum 2:1-2). Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb! (Ġak 5:9).

Quddiem dan id-diskors ċar kristall min hu l-veru politiku? Il-veru isqof? Il-veru patri? Il-veru qassis? Il-veru soru? Il-veru raġel u mara tal-familja? Il-veru ħaddiem u ħaddiema? Il-veru bniedem u bniedem sewwa? Għidli? Min hu? Min hi? Iva possibbli kemm ninsew li la, nagħlqu għajnejna, se nieħdu sopriża sorpriżun! Ma ninsewx! Il-Knisja u l-gvern jiġġudikaw fuq l-estern imma l-Mulej jiġġudika l-intern! Il-ġudizzju tiegħu JORBOT!

U mhux aħjar nagħlqu ħalqna u naraw kif ħa ngħinu lil xulxin mingħajr ħafna paroli li jiftaħ u jagħmel feriti ġodda? Għaliex, biex, mingħalija nagħmel il-ġid, li joħlom bih moħħi, irrid nagħmel ħafna storbju? Mela kemm jien imdejjaq u imdejqa bija nnifsi? Kemm jien frustrat u frustrata biex niġbed l-attenzjoni ta’ ħaddieħor?

Kemm ifarraġni l-kliem ta’ Ġesù lil Santa Fawstina!

Binti, għix bil-fedelta’ l-kliem li Jiena qed ngħidlek. Tpoġġix valur għoli fuq kull ħaġa esterna, tkun xi tkun, ukoll jekk tkun tidher prezzjuża ħafna f’għajnejk. Intelaq għal kollox, u għix flimkien miegħi l-ħin kollu. Afdali kollox f’idejja, u tagħmel xejn waħdek, u inti dejjem ikollok ħelsien kbir tal-ispirtu. L-ebda ċirkostanza, l-ebda ġrajja qatt ma tkun tista’ tinkwetak. Tagħtix kas ta’ dak li jgħidu n-nies. Ħalli lil kulħadd jiġġudikak kif irid. Tippruvax tiskuża lilek innifsek; ma tiġrilek l-ebda ħsara. Agħti kollox mal-ewwel sinjal li xi ħadd ser jitolbok xi ħaġa, ukoll jekk jitolbok l-aktar affarijiet bżonnjużi. Titlob xejn mingħajr ma tikkonsultani. Ħallihom joħdulek ukoll dak li għandek dritt għalih – ir-rispett, isem tajjeb għalik innifsek – ħalli l-ispirtu tiegħek jogħla ‘l fuq minn dan kollu. U hekk meħlusa minn kollox, oqgħod strieħ qrib Qalbi, u tħalli xejn itellfek il-paċi tiegħek. Studenta Tiegħi, oqgħod aħseb fuq il-kliem li Jiena għidtlek (Djarju, 1685).

Mulej, għinni nuża l-kanuni tal-mafħra, tal-ħniena, tal-għożża, tal-fehma, tal-ħlewwa, tas-sabar u tal-imħabba lejn għajri. Għax, bil-mod ta’ kif qed inġib ruħi miegħek f’għajri se jitkejjel lili. Aħjar nimxi b’delikatezza jekk ma rridx li nispiċċa bir-raxketta! Li nkun ġibtha fuqi stess bil-kanuni li nkun sparajtlek f’ħuti l-bnedmin ħuti li tlaqqagħni u li ngħix magħhom! Amen!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.