Riflessjonijiet mill-POLIN


Nhar il-Ħamis 4 t’April, kelli grazzja mill-kbar. U, illum, ngħidilha ukoll, mill-kbar nett! Dan l-għaliex, f’din il-ġurnata pjuttost inċerta fit-temp, bejn xita u xemx, bejn sħana u kesħa, bħalma ġieli qed ikollna bħalissa f’pajjiżna minħabba t-tibdil tat-temp, irħejtilha lejn il-POLIN.

Il-POLIN. Il-mużew magħruf tal-Lhud f’Varsavja. Il-mużew li jiċċelebra, l-ewwel u qabel kollox, il-ħajja ta’ elf sena tal-Lhud fil-Polonja. Fl-art fejn fiha “kellhom jistrieħu bħala poplu”. Għalhekk mela tissejjaħ POLIN. Art fejn dan il-poplu magħżul tal-Mulej kellu jistrieħ.

L-istorja tal-Lhud fil-Polonja tmur ħafna snin. Storikament il-Lhud kienu integrati tajjeb fis-soċjetà Pollakka. Tant hu hekk li kien hemm żmien fejn, skont kitba tabilħaqq interessanti f’din l-esibizzjoni oriġinali, tgħid li kienu ittratti ferm aħjar mill-istess kleru tal-pajjiż. Madankollu l-istorja, l-għaliex hi xi ħaġa ħajja, ma tieqafx tevolvi. U, fiha, ikun hemm ukoll il-mumenti ta’ swied il-qalb u traġedji kbar ma jonqsux. L-istorja tal-Polonja tagħtina eżempju klassiku li, għal dawk li huma midħla tal-istorja żgur li jiftakruh. Ma nistax ma nsemmix it-traġedja li kienet ġrat nhar l-1648 meta l-Kożakki, fl-Ukrajna, kienu għamlu ħerba sħiħa mis-saltna Pollakka. Liema saltna dak iż-żmien kienet tħaddan fiha l-Polonja u l-Litwanja. U, fost dawk li kellhom jħallu prezz mill-aktar għoli għaliha kienu l-istess Lhud.

Madankollu, u minkejja daqshekk persekuzzjoni ħarxa kontriehom, il-Lhud tgħallmu jibqgħu għaddejjin. U anki jekk kellhom jgħixu f’epoki daqstant diffiċli għalihom, xorta waħda ippruvaw, issieltu u ħadmu kemm felħu biex jagħmlu lilhom infushom preżenti fis-soċjetà. U jien, meta jkolli l-irwiefen li jonfħu kontra tiegħi, x’nagħmel? Kif se nirejaġixxi? Ħa naqta’ qalbi? Ħa ninxteħet f’rokna? Ħa insir pupu u pupa f’idejn min irid ikissirni? F’dawn il-mumenti ħbieb nixtieq iva naqsam magħkom Salm li nsibuh kemm fil-Bibbja Lhudija u dik Kattolika. Dan hu Salm 69. L-ewwel linja tiegħu biżżejjed turi minn fejn il-Mulej għandu bżonn isalvani u jsalvak. Salvani, o Alla, għax l-ilma laħaq sa griżmejja (Salm 69:2). Dan is-Salm terapwetiku jgħinna nesprimu ruħna kif qed inħossuna f’dawn il-mumenti ma’ XI ĦADD li jifhimna żgur! Il-Mulej! U, dan ix-XI ĦADD, mhux sempliċiment jismagħna imma jindaħal Hu fil-problema u jeħlisna!

F’din l-esibizzjoni mill-isbaħ u li tiċċelebra l-ħajja tal-Lhud laqtitni wkoll kitba li bi lsienna tgħid: Minn Mosè sa Mosè m’hemmx aqwa minn Mosè. U veru! L-għaliex Mosè, anki jekk kien itemtem, xorta waħda jibqa’ l-aqwa mexxej li qatt kellu l-poplu Lhudi. U, bħala prova ta’ dan il-fatt sagrosant, nistgħu nsemmu l-vanġelu ta’ San Ġwann. Fejn, Ġesù nnifsu, l-Iben ta’ Alla, jiġi mqabbel proprju ma’ Mosè. L-aqwa mexxej fl-istorja ta’ Iżrael. Li lilu ngħatat il-liġi tal-Mulej! L-għaxar kmandamenti. Ta’ min jinnota wkoll li Mosè jissemma mhux anqas minn erbatax-il darba fir-raba’ vanġelu. Mhux biss iżda l-evanġelista japprezza x-xogħol kbir ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, billi jqabblu max-xogħol ta’ Mosè. Dan kollu juri l-għerf tal-kitba fil-POLIN: Minn Mosè sa Mosè m’hemmx aqwa minn Mosè.

Laqtitni ħafna f’din l-esebizzjoni fil-mod kif tibda’. Bdiet bil-ħolqien! U x’hemm isbaħ milli fil-ħajja immorru lura lejn il-ħolqien! Lejn l-ispirazzjoni! Minħabba t-toqol li jkollna f’qalbna u bejnietna faċli ħafna li ninsew il-kapaċità li l-Mulej tefa’ fina li miegħu, iva, noħolqu. Jew aħjar, li Hu bina joħloq! U dan iwettqu tassew bl-inizjattivi li joħorġu minnu u jitwettqu permezz tagħna. Mela, ejjew nitgħallmu li fil-ħajja nieqfu nokorbu, ingergru u ndaħħlu rasna fir-ramel. U naraw, anki bl-aktar affarijiet sempliċi, bħalma hi sempliċi tbissima, it-tama li tintiseġ f’qalbna, ma’ xulxin u madwarna. Biss irrid nemmen li fija l-Mulej qiegħed kapaċità li biha jġib id-differenza. Liema differenza tibda’ bl-iċken affarijiet żgħar li jikbru u jagħtu ġid kbir lil dawk ta’ madwarna. F’dan ir-rigward ma nistax ma nsemmix diskors Ġesù dwar is-Saltna ta’ Alla meta jgħid: Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar ta’ l-ajru jiġu jbejjtu fil-friegħi tagħha (Mt 13 :31-32).

Din l-esbizzjoni mill-isbaħ u daqstant oriġinali urietni wkoll xi ħaġa oħra mportantissima fil-ħajja: li d-dinja hi l-art komuni tagħna! Il-Polonja li fiha għexu għall-elf sena l-Lhud kienet art fejn fiha dawn “ħutna l-kbar fil-fidi”, kif kien iħobb isejħilhom San Ġwann Pawlu II li kien tant midħla tagħhom, seħħilhom jintegraw ruħhom f’dik is-soċjetà. U hawn hu l-ġenju arkitettoniku tal-istess bini tal-mużew POLIN li, skont uħud, sewa mas-70 miljun dollaru: li għalkemm il-bini huwa mibni b’mod li hemm qasma mill-passat iżda, u f’dik il-qasma, jeżiżtu l-pontijiet! U, fid-dinja tallum, għandniex bżonn nibnu l-pontijiet? L-ewwel u qabel kollox bejnietna stess? Fil-familji, fil-komunitajiet, fuq ix-xogħol u l-bqija? Anzi! Kif l-istorja qed turina stess quddiem għajnejna, fil-Knisja stess hemm bżonn li nibnu l-pontijiet. Għax jekk fil-Knisja jibqgħu jikbru l-firdiet u l-konfoffi kif ħa nippretendu li d-dinja tagħna tkun aħjar?

Ma tlum lil ħadd li jippreserva lilu nnifsu u lilha nnifisha. Ma tlum lil ħadd li joħodha bil-mod biex joħroġ mid-dinja tiegħu u mid-dinja tagħha. Irridu nkunu sinċeri. Ħafna ġew ittraduti. Ħafna ġew misħuqa u milgħuba. Ħafna ġew imkażbra. Ħafna ingħatatilhom it-tikketta. U dan l-għaliex ma japprtjenux għal xi klikka. L-istorja tagħna ta’ kuljum hi dik li hi. Ma nistgħux nibqgħu naħbuh dan id-dnub krudili. L-istess bħalma ġralhom ukoll il-Lhud fl-istorja tagħhom. Li ġew ittimbrati u anki diskriminati. Madankollu, ejjew nemmnu li min jagħmel is-sewwa għandu l-Mulej li jaqbeż għalih. U, kif kien iħobb jgħid il-magħruf Artyon Senna, jekk ikollok lill-Mulej fuq in-naħa tiegħek kollox jiċċara ruħu.

L-esperjenza tiegħi fil-POLIN għallmittni li l-ħajja għandha diversi ilwien. U anki sfumaturi. Imma ħajja tibqa’. Il-ħajja għandha ukoll id-daqqa tagħha. Iżda xorta tibqa’ tħabbat. Għax ħajja hi u ħajja tibqa’! Forsi wasal iż-żmien li ħajjitna nibdew inqisuha aktar bħala barka. Għalhekk, ma nistax ma naqsamx magħkom din il-barka sabiħa li darba kienet fuq il-bieb tas-sinagoga l-kbira ta’ Varsavja.

Jalla l-Isem ta’ Dak li Jista’ Kollox jassigura li l-imħabba, il-fraternità, is-serenità u l-armonija jgħixu bejnietna.

Żuruh il-POLIN! Xejn xejn jgħinnkom tifhmu, bħalma għen lili nifhem, li l-vera qdusija tinsab fl-għejxien ta’ din il-barka. Li, nemmnu jew ma nemmnux, hija dik li tassew għandna bżonn f’ħajjitna!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.