L-ewwel jum tar-rebbiegħa


Kien jum il-Ħamis. Nhar il-21 ta’ Marzu. Minn dak li kont qrajt ftit qabel, f’xi ġurnali lokali f’dik il-ħabta, aqta’ xi premura kien hemm għal dan l-imbierek jum! Kemm kien mistenni!

U jien, li l-arti tal-kitba issaħħarni, għax tfakkarni fil-mod meraviljuż kif il-Mulej ikkomunika magħna l-bnedmin permezz tal-Bibbja, il-Kelma tiegħU miktuba għalina, b’riħet dawn il-kitbiet ta’ dawn it-talin moħħi aqta’ kemm ġera bija! Aqta’ kemm ħolom b’rebbiegħa l-ġmiel tagħha! Rebbiegħa mimlija għasafar! Fjuri! Bini storiku li jgħaxxqek taħt it-tgħannieqa tax-xemx ħanina Maltija! U, sintendi, dejjem imsieħeb mal-orkestra tal-għasafar tal-ajru!

Imma ħej! X’seħħ tassew minn dan kollu? Kieku jum il-Ħamis ġie bħas-soltu! Daqskemm ġie ukoll il-21 ta’ Marzu! U anki, skont il-kalendarju li ma jimmisja qatt, beda ukoll l-istaġun tar-rebbiegħa! Imma, … u ngħidha b’għafsa ta’ qalb din l-imma … aqta’ x’jum ikraħ sebħilna sieħbi fuq pajjiżna dakinnhar! Xi kruha waqgħet fuqna! Id-dalma ta’ dak il-jum stħajjiltha eżattament dik li kienet waqgħet fuq l-Golgota minn nofsinnhar sat-tlieta (ara Lq 23:44)! U, ħa ngħidilkom, li kieku r-rebbiegħa vera hi din id-dalma, din il-kruha u dan it-toqol, kieku jien stess, l-ewwel wieħed, li, u bir-rispett kollu u bid-dinjità li tani hU ta’ ibnu, għalkemm ma jistħoqqlix għax midneb, indur lejn il-Missier Etern u ngħidlu biex, dejjem jekk jogħġbu, jieħu ftit tal-pażenzja u ma jagħtihilniex aktar kemm iddum wieqfa d-dinja! Daqskemm kien jum ikrah! Ċombi! U msaħħab! Dak il-Ħamis tal-21 ta’ Marzu!

Kos hux! Mela bdejna jum ir-rebbiegħa b’daqshekk toqol! Għax, u issa ejjew ngħidu l-affarijiet kif inhuma, b’idejna fuq qalbna u mhux le fuq l-istonku tagħna, mhux sabiħ li tibda’ l-istaġun li jiċċelebra qawmien il-ħajja bit-togħma tal-mewt! Possibbli hekk ħa tkun ir-rebbiegħa? niftakarni nistaqsi lili nnifsi iddiżappuntat.

Bil-mod Patri! Tgħaġġilx! U għalfejn għandi ngħaġġel! U x’se nieħu mbilli ngħaġġel! Veru? Ir-rebbiegħa bdiet b’pass falz. U min minna ħbieb mhux, xi ftit jew wisq, falz? Possibbli aħna ilkoll invell? Inħalli dan għall-inteliġenza u għas-sinċerità ta’ kull wieħed u waħda minnha! Biss, dan il-jum, lili, li kelli ġurnata ta’ tnax-il siegħa cruise liner fl-Isptar Mater Dei, inżur lil ħutna l-morda, lill-familjari tagħhom, lill-istaff u lil min ġie għal xi appuntament, għallimni waħda kbira! U kbira ħafna!

Fil-ħajja jiġu fuqna ċirkustanzi fejn ma jkollniex kontroll fuqhom. Ħa nieħdu mela dan il-każ. Jien, sempliċi Patri, għalkemm imżaqqaq, xi stajt nagħmel quddiem xi ħaġa li ma kellix kontroll fuqha? Seta’ jkolli kontroll fuq it-temp ta’ barra? Seta’ jkolli kontroll fuq is-sħab li nġemgħa fuq l-isptar? Seta’ jkolli kontroll fuq ir-riħ u l-kesħa li kienu qiegħdin iduru mal-isptar? U donnhom dawn kellhom leblieba kbira biex jidħlu ġewwa? Żgur li le!

Għalhekk jien, l-unika ħaġa li stajt nagħmel, kienet li nistenna kif kien se jkun it-temp. Forsi joħroġ aħjar. Madankollu, u dan il-fattur kien importantissmu, x’kont se nagħmel waqt din l-istennija? Stajt, liberament, noqgħod nitgeddem. U ngħid, u neqred ma’ kulħadd: X’temp ikraħ għandna!? Donnha ġejja l-aħħar tad-dinja!? U tibżgħux! Għax, min kien jismagħni, din it-togħma kien jieħu meta kien jogħġbu jismagħni. U li kieku bqajt nirraġuna hekk x’kont se nieħu? X’kont se nirranġa? Mela, l-esperjenza tal-ħajja, bdiet tgħallimni li irraġunar b’dan il-mod żgur li ma kienx se jreġi.

Mela, f’sitwazzjoni fejn, fil-maġġoranza tagħha, jien ma kellix kontroll, xi stajt nagħmel? Stajt nagħmel ħafna u ħafna! Iva! L-ewwel nett, quddiemi kelli għażla ċarissima: jew li ninħakem mill-pessimiżmu, mid-dwejjaq u minn dak li nħoss. Jew inkella li ninfetaħ għall-oħrajn. U tibżgħux l-għaliex biżżejjed kienet għalija l-ħarsa lejn il-boilersuit tiegħi li ġabitni f’sikti u tagħtni ħasla bl-ilma kiesaħ biex naqbad rotta oħra.

F’dak il-waqt smajt il-frażi mill-isbaħ li Papa Emeritu Benedittu XVI kien tant iħobb juża: il-ħruġ minni innifsi. Mela, eżattament, kif jgħidilna Ġesù: Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom… ! (Lq 10:3). U ħriġt jien. Minni nnifsi. Għax l-Imgħallem bgħattni. U mhux ħallini maqful kemm ma’ dak li nħoss jew ma’ dak li jaħseb moħħi. U hekk, bil-ħass u b’ħafna ħsibijiet iduru ġo moħħi, jiena wkoll, iben Alla, insir paljazza ta’ dak li nħoss jew tal-ħafna u ħafna u ħafna ħsibijiet u suppożizzjonijiet li jgħaddu minn moħħi. Le! Il-Mulej ried li fuq wiċċi titla’ it-tbissima u mhux il-ħarsa u t-togħma ta’ mewt ta’ min janalizza l-ħin kollu! Xi dwejjaq!

U ħriġt! Ferħan! Għax, min joħroġ minnu nnifsu mhux ifiq jista’? U ivvjaġġajt! Jien li ġej minn Melita. Il-gżira mħażża fil-mappa ta’ Oddissews u, fuq kollox, il-punt strateġiku tal-ġografija tas-salvazzjoni. L-għaliex kien f’Melita li San Pawl, l-Appostlu tal-Ġnus, inkalja. Mhux bħall-karawett imma bi grazzja kbira għalina u, illum ngħid ukoll, għalih stess.

Dak Pawlu li lili, fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, jgħallimni: L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt (1 Kor 13:4-8).

Ah Mulej! Meta ħallejtek taħdem fija b’dan il-mod, f’Mater Dei, man-nies, ma’ ħuti, għalija iva kien tabilħaqq dakinnhar l-ewwel jum tar-rebbiegħa! L-ewwel jum tal-imħabba vera!