It-tape recorder


Ma nafx l-għaliex imma nħobb li tgħaddi tiegħi. Irrid kollox kif jaqbel lili. Għax, fil-ħajja, dejjem hekk drajt. U, allaħares min jagħmilli l-bsaten fir-roti! Għax ngħaffġu! U ngħaffiġha!

Żgħażugħ u żgħażugħa m’għandnix! U, ħa ngħidilkom, ili naqra issa li ħriġt bil-pensjoni. Mela viva l-gvern tal-ġurnata! Ħallieha li meta tiġini s-siegħa ma napprezza xejn. U la l-gvern tallum. U lanqas il-gvern l-ieħor! Li għamel il-ġid ukoll! Ninsa kollox u lil kulħadd. Għajr dak li naħseb jien. Għax, iva, li ngħid jien biss tajjeb! U lili nnifsi nadura!

Għidtilkom li issa ż-żmien għadda mhux ħażin minn fuqi. U, l-istat, qed iħallasni. Għalkemm, u għall-età tiegħi, għandni nċekċek xi ħaġa. Għax illum mhux bħal meta kont żgħir u żgħira. Le! M’għadx fadalli s-saħħa li kelli. Anki jekk min jarani jgħidli: Alla jbierek! Ma tidhirhomx! Imma, u bħalma nħobb ngħid lil dawk li jafuni, u jgħixu qrib tiegħi: Hemm qiegħdin! U, biex inkun għedtilkom kollox, jafu jiġu fuqi għall-għarrieda u jħalluni bla saħħa! Għax l-għexiren tas-snin li għandi min jista’ tabilħaqq ineħħihomli?

Issa jien għandi manija. U iva ħa, ħa nsejħilha saħta! Għax hekk hi! Għax din mhux xi ħaġa li ġejja mill-Mulej! Żgur li le! Avolja ngħid li l-Mulej nħobbu. Almenu fit-teorija! Għandi s-saħta li nkun tape recorder! Naf! Qed narak titbissem! Imma jien, li naħseb li kulħadd hu kontrija, għax meta tismagħni nitħaddet tassew li minn fommi joħroġ il-velenu u mhux kliem li jgħaqqad, anki jekk suppost imsejjaħ u imsejħa li ngħaqqad u mhux inkisser, qed indaħħalha f’moħħi li qed tidħak bija. Forsi, b’dak li se ngħidlek, għandek biex ukoll!

Inħobb ikun tape recorder! Inħobb nisma’ ħa nwassal. Issa jien, f’ħajti, qatt ma kont messaġġier u messaġġiera tafux. Għalkemm, almenu bħala Nisrani u Nisranija, suppost li jien messaġġier. U messaġġiera. Imma, messaġġier u messaġġiera tal-MESSAĠĠIER u mhux tal-messaġġier u l-messaġġiera! Inħobb inwassal! Mhux bil-karozza tafux! Għad li kont insuq ukoll. Imma biż-żmien issa abbandunajtha wkoll. U issa ħej il-kuxjenza aqta’ kemm qed ittaqqalgħni. Għax, waqt li qed ngħid hekk, u meta kont iżgħar, minflok li kont nara lil xi ħadd u nwasslu aqta’ kemm kont ngħaddi sfraxxnat u sfraxxnata minn miegħu u magħha! Mela anki hawn għamilt vroma!

Iżda l-vroma kbira tiegħi hi li nħobb nirrekordja ħa ngħid dak li nirrekordja. Inħobb ngħaddi dak il-messaġġ kontra dak, dik u dawk. U dan imqar xi ħadd ma ġiex eżatt fil-ħin, forsi ittardja minuta, inħobb immur fuq dak it-telefon u nagħmel dik it-telefonata. Sintendi. Ma nġibx quddiem għajnejja kemm dan il-proxxmu abbli sab traffiku ma’ wiċċu. Jew jekk fit-traġitt li kien qed jagħmel iltaqax ma’ xi inċident. U le! X’int tgħid! F’Malta inċidenti qatt ma jsiru! Mela aqbad dak it-telefon u ċempel! Għax ma ġiex fil-ħin! U, meta sar il-ħin, hi ma dehritx! U x’jimpurtani mill-konsegwenzi ta’ dik it-telefonata!

Ħallieha jien li, għalkemm issa imdaħħal u imdaħħla fiż-żmien, ma jimpurtax li nħalli lin-nies jistennewni. U naf inġib elf skuża basta niskuża d-dewmien tiegħi. Kos hux! Mela sewwa! Fuq ħaddieħor inkun l-argużin u l-argużina u meta mbagħad napplika l-istess ħaġa fuq ħajti hemmhekk regoli ma jeżiżtux. Taf x’qed ngħid bħalissa: kemm hu veru hux li r-regoli kulħadd iridhom wara bieb ħaddieħor u qatt wara biebu!

Issa dan kollu taf x’qed iġagħlni nifhem: kemm qalbi hi taż-żonqor! Abbli mhux dejjem tismagħni meta nitħaddet. L-għaliex ngħajjat ma nħobbx. Forsi wkoll l-għaliex issa xjaħt. Imma ħej kemm inħobbu dak it-telefon! Ħa ngħaddi l-messaġġ kontra dak u kontra dik. U jien, l-għaliex beżżiegħ u beżżiegħa mill-kbar nett, minix le kapaċi naffronta l-persuna. Għalhekk ninħeba wara “is-sistema” u nagħmel il-“vendetta” tiegħi. Siekta siekta. Issa jien, jekk tarani, tgħid: Possibbli dan? Possibbli din?

 Iva ħi! Proprju jien! U meta, xi darba, abbli tkun fil-preżenza tiegħi, għalkemm naf inkun magħluq u magħluqa fija nnifsi, nistiednek tħares ftit lejn għajnejja. Tridx nagħmlu mħatra? Avolja ma tantx inħajrek tagħmel l-imaħtri. Li ma jmurx taqbad dak il-misħut vizzju ikrah! Ara għandekx il-ħila li lili tarani nitbissem! U kieku qatt nitbissem? U kif nista’ nitbissem? Daqskemm f’ħajti għamilt ħsara? Għax issa għamilt rapport kontra dak fuq ix-xejn u issa fuq l-ieħor għax dehrli xi ħaġa? Nista’ jien, fil-fatt, inkun ferħan u ferħana? Nista’ jien nitfa’ rasi fuq l-imħadda filgħaxija meta naf li tant u tant kissirt persuni? Inħalli għalik biex taħseb!

Is-sabiħa taf x’inhi: li aktar ma fittixt vendetta “bil-pulit”, skont il-liġi, aktar qed inpoġġi lili nnifsi fil-bokka tal-infern. Għax l-infern imur min jidher li hu tajjeb. U tajba. Min jidher u tidher li jimxu skont il-liġi. Imma x’liġi? U mhux dik difettuża tal-bnedmin? Liġi li tant tista’ taħarbilha? Għax il-bniedem jibqa’ bniedem? Imma ħej, u din qed nitgħallimha issa, li xjaħt, mill-ispejjeż tiegħi, mill-liġi tal-Mulej li jara l-qalb żgur li ma jista’ jaħrab ħadd! Mela għalfejn se nibqa’ nivvendika ruħi? Għalfejn se nibqa’ niħdar? Anki fi xjuħiti?

Naħseb li wasal iż-żmien li nagħmel xi ħaġa fuq dan. Anki jekk f’ħajti tant u tant għamilt ħsara bir-rapporti għal xejn li għamilt fuq l-oħrajn. Naħseb li wasal iż-żmien li, qabel nagħlaq għajnejja, nħalli lill-Imgħallem jirranġali l-qalb ta’ tigra li għandi. Li, kif diġà għedtilkom, aqta’ kemm tidher kwiet u kwietha. Imma ħej kemm naf nagħmel vendetta. U dan l-għaliex inkun tape recorder. U, biex inkun aktar imxajtan u imxajtna, nuża’ id-diskors ta’ ħaddieħor kif jaqbel lili biex lil ħaddieħor nagħmillu l-ħsara. Minn wara dahru. U dahra. Ma’ min hu fuqu u fuqha. Daqskemm inpinġieħ u inpinġieha ħażin!

Kemm għandi qalbi xierfa hux! Imma issa l-kuxjenza qed tniggiżni sewwa. Għalhekk irrid nara x’se nagħmel biex nirranġa l-ħsara kbira li wettaqt fuq l-innoċenti. Li fil-wifi tal-liġi mhux dejjem ikunu magħrufa l-għaliex ma jkollhomx il-password tad-diplomazija jew għax ikunu rispostużi. Għalhekk, dawn l-aħwa, qatt ma jistgħu jiddefendu sewwa lilhom infushom.

Nitlobkom titolbu għalija ħalli niftaħ qalbi u nirranġa l-ħsara kbira li għamilt. Jien li l-mewt issa qiegħda biss daqs tefgħa ta’ ġebla minni. Għax nixtieq li, meta nagħlaq għajnejja, inkun nista’ nitlaq minn din id-dinja fil-paċi. U mhux donnu li jkolli l-labar l-għaliex ma nkun nista’ immut b’xejn! Itolbu għalija ħa nagħmel qrara tajba u … sinċiera! U ħa ngħidilkom, qatt u qatt taċċettaw il-viljakkerija li tkunu tape recorders! Jekk ma tridux li tgħixu bħali … b’xebgħa disorders!

Patri Mario Attard OFM Cap