Is-sentenza ta’ fuq it-tabella tal-istazzjon tal-waqfa tal-karozza

Print Friendly, PDF & Email

Sewwa jgħidu li meta timxi aqta’ kemm titgħallem! U, għall-kuntrarju, meta dejjem tkun maqful u maqfula fil-karozza ara kemm titlef u timmissja affarijiet! F’dan ir-rigward ma nistax ma nirringrazzjax lill-Mulej għal wieħed mill-ġenerali tal-ordni Kapuċċin li kellna, Fr. John Corriveau OFM Cap. F’wieħed mid-dokumenti tassew sbieħ li ħalilna, kien qalilna li aħna l-Kapuċċini, fejn nistgħu, għandna nużaw it-trasport pubbliku ħafna aktar mit-trasport privat. U dan biex ikunu aktar u aktar viċin tagħkom in-nies! U hekk inkunu tassew munuri! Għax aħna magħkom u bħalkom! Intant! …

Meta l-Mulej jagħtini l-grazzja li mmur inżur lil għażiża ommi, dejjem jkolli l-grazzja li ngħaddi minn quddiemu! Jiġifieri minn quddiem l-istazzjon tal-waqfa tal-karozza tal-linja. Jew, u kif nafuh aħjar, a la Ingliża, il-Bus station. Minn quddiem dan l-imbierek stazzjon tal-waqfa tal-karozza tallinja ma tantx jgħaddu karozzi tallinja kieku. Almenu meta mqabbel ma’ oħrajn li, Alla jbierek, ma għandhomx serħan! Għax dejjem bin-nies! U l-punt ħbieb li minn quddiem dan l-istazzjon tal-karozza tallinja ma tantx jgħaddu karozzi tat-trasport pubbliku illum nasal li nifhmu wkoll tafux! Dan l-għaliex, fejn qiegħed dan l-istazzjon tal-waqfa tal-karozzi tallinja, għalkemm hi triq passaġġa imma lanqas ma nistgħu nsejħulha xi arterja ewlenija għat-traffiku fil-pajjiż.

Wara li darba minnhom żortha u qattajt ftit ħin magħha, sarrejt kollox u bdejt miexi, bil-mod il-mod, lejn l-Isptar. Mela, waqt li kont għaddej minn quddiem dan l-istazzjon, ma nafx l-għaliex imma għajnejja dlonk marru, anzi, biex inkun aktar eżatt nasal ngħid, inġibdu, minn biċċa kitba bl-Ingliż. Aktar ma’ din il-kitba qrajtha fuq li qrajtha aktar ġagħlitni naqbeż ngħum fl-oċejan tal-ħsieb u r-riflessjoni! Fuq in-naħa tal-lemin ta’ karta li turi r-rotot il-Mulej tani grazzja li nsib u naqra, biċċa biċċa, dan it-teżor ta’ għerf li hemm miktub fuq dan l-istazzjon. It is good to have an end to journey toward, but it is the journey that matters in the end. Bl-ilsien Malti din il-kitba tgħid hekk: “Huwa tajjeb li jkollok tmiem għall-vjaġġ lejn fejn sejjer imma, fl-aħħar mill-aħħar, li jgħodd hu l-vjaġġ”. Din is-sentenza ħarġet mill-fomm ta’ Ursula K. Le Guin, kittieba Nord Amerikana.

“Huwa tajjeb li jkollok tmiem għall-vjaġġ lejn fejn sejjer …” Naqbel perfettament ma’ Le Guin. Għax il-ħajja, bħalma ħafna drabi fissirnieha u nissuktaw infissruha, hi tabilħaqq vjaġġ! Vjaġġ twil jew qasir. Jiddependi, sintendi, mill-istorja li tintiseġ mal-persuna. U li l-persuna wkoll, fil-limiti tagħha, tinseġ hi stess għal ħajjitha. Il-ħajja, bħala vjaġġ, għandha tmiemha. Irridu jew ma rridux. Ġieli nisma’ lil min jgħidli l-Isptar: Alla ħaġa agħmel tajba! Emmnuni li issa, bl-esperjenza, diġà nkun naf biex ħa jkun se joħroġli dak jew dik li jkun u li tkun! Żgur li l-mewt! nasal ngħidlu u ngħidilha.

U meta t-tali u t-talija, jgħidli u tgħidli, Iva! jien mill-ewwel inkun pront ngħidlu u ngħidilha: Le! Le?! tweġibni l-persuna maħsuda. Iva! Le! inweġibha jien aktar konvint minn qatt qabel. L-għaliex il-mewt m’hix xi ħaġa mill-Mulej. L-għaliex li kieku l-mewt hi xi ħaġa tal-Mulej kieku kif Ġesù rebaħ il-mewt billi wara li qatluh qam? Kieku l-mewt kienet ġejja minnu kien imissu jibqa’ mejjet. U hekk jibqa’ f’xi ħaġa li kienet tiegħu. Għax, jekk int u jien inħobbu noqgħodu ma’ xi ħaġa li nkunu għamilnieha aħna stess, aħna li aħna limitati, aħseb u ara mela kemm il-Mulej, li minnu ġejjin, iħobbx ukoll joqgħod ma’ xi ħaġa li hi tiegħu. Għax għamilha Hu. U allura fiha jsib il-mistrieħ tiegħu. U, jekk niġu f’dan, kif jista’ il-Mulej isib il-mistrieħ tiegħu f’xi ħaġa li tmur kontra tiegħu nnifsu, li hu l-ħajja vera? Jistgħu l-mewt u l-ħajja joqgħodu flimkien? Żgur li le! Mela l-Mulej qatt ma jista’ ikun favur, iħobb u jibgħat il-mewt! Il-mewt ġejja mix-xitan u mhux mill-Mulej!

Allura x’inhu tmiem ħajjitna? Ħajjitna m’għandiex tmiem. Iżda, minħabba d-dnub li ġab il-mewt, hi passaġġ. Jiġifieri, li minn din id-dinja aħna ngħaddu fl-oħra. Fil-ħajja ta’ dejjem! Imma anki jekk, biex ninqatgħu minn din id-dinja, hekk maħkuma mill-ispazzju u l-ħin, li jiddefinixxu l-limitazzjonijiet tagħha, aħna irridu ngħaddu mill-mewt, l-importanti hu kemm se ngħixu mewtna f’ħajjitna. Jew, biex inkun poġġejtha aktar b’mod pożittiv, jekk aħna tmiem id-destin tagħna huwa l-ħajja ta’ dejjem allura ħajjitna kollha trid tkun tħejjija għal din il-ħajja ta’ dejjem.

Imma x’inhu sigriet il-vjaġġ? Kollox jiddependi kif qed ngħix bħalissa! Jekk biex nasal f’post irrid bilfors nieħu r-rotta li twassalni għal dak il-post allura tajjeb nara ftit jekk il-valuri li għandi f’ħajti, li tmiemha għandu jkun il-ħajja ta’ dejjem, humiex fil-fatt l-istess valuri li jwassluni għall-ħajja ta’ dejjem. Żgur li hu żgur hu li fil-ħajja ta’ dejjem ħadd ma jgħix għal rasu. Iżda ngħixu BISS għall-Mulej, u, permezz tiegħu, ngħixu għal xulxin ukoll. Għax aħna nkunu xirka, jew aħjar għaqda, tal-qaddisin fis-sema. F’dan il-mod ta’ għejxien se jkollu problema serja min hu egoist u, bħala tali, hu ikkonċentrat fuqu nnifsu u mhux fuq il-Mulej li jinsab fl-oħrajn. Dan żgur li jirrifjuta li jmur fil-ħajja ta’ dejjem. Għax ma jħossux f’postu hemm! L-għaliex fil-ħajja ta’ dejjem issaltan l-imħabba u mhux il-mibegħda. Allura ejja niftakar naqra issa li f’ħajti għandi nagħmel vjaġġ. U, f’dan il-vjaġġ ta’ ħajti, ejja noħroġ minni nnifsi u nħalli lill-Mulej jiftaħni għal ħaddieħor!

Mulej, fakkarni li ħajti hi vjaġġ l-għaliex hi ħarġa dejjiema mill-egoiżmu tiegħi nnifsi u mixja sħiħa lejn l-għotja tiegħi innifsi għaliK fl-oħrajn. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading