Ma nafx x’daħlilna!


Inkun għall-kwiet. Miexi. U jiġi xi ħadd. U, anki jekk ikun għodu għodu, jibda’! Tibda’! Inkun qiegħed fil-paċi u jew miexi. U tidħolli t-telefonata. U, wara l-karba u l-litanija sħiħa ta’ x’qed jiġri u ma jiġrix, toħroġ iva l-frażi: Ma nafx x’daħlilna! Inkella bħalissa għandna waħda!

Aħna ħa nibdew bil-mod il-mod mill-aħħar frażi. Bħalissa għandna waħda! Iva sieħbi! U jien, il-Patri, almenu għalija nnifsi, hekk ngħid. Kuljum preċett. Għandi waħda! Mela nelimina apposta l-kelma bħalissa! Iva x’għandi mela? Ħajja! Bħalma għandek int sieħbi! U, din l-ħajja, li żgur li quddiemha qatt u qatt ma nażżarda npoġġi l-kelma bħalissa, ngħid minn qalbi u ma niċħadtx: li waħda għandi! U, allaħares qatt jekk din ħajti tixxellifli! Imma b’daqshekk x’irrid ngħid?

Saram jinqalgħalu kulħadd. Inkwiet? Ukoll! U anki problemi! L-istess ħsieb imżewwaq b’ħafna kliem! Biss, u f’dan kollu, irridu nifhmu ħaġa: fil-ħajja kollox jiddependi minn xi rridu! Għax, jekk jien se nirraġuna li hawn il-mard u li xi darba se jmissni jien ukoll, ngħidlek, minn qalbi: Sieħbi! Oqgħod attent kif tirraġuna! U, fuq kollox, x’tgħid! U int, abbli, tgħidli: Imma l-għaliex Patri? L-għaliex aħna sieħbi niddeterminaw kollox b’dak li ngħidu. U anki b’dak li nonqsu milli ngħidu!

Dan l-aħħar smajt bi frażi li aqta’ kemm għamlitli ġid! U jien, l-għaliex ħukom u ħabib tagħkom, ma stajtx illum ma niġix hawn u naqsam magħkom dak li l-Mulej għallimni. L-għaliex inħobbkom u nirrispettakom. U, meta wieħed iħobb u jirrispetta, jaqsam dak kollu li jagħmel il-ġid lil dawk li jixtieq il-ġid. Teżiżti, fil-ħajja tar-ruħ, dik li tissejjaħ Immunità Spiritwali. Tafu li anki x-xjenza umana stess tfakkarna digà fiha?

It-tobba u x-xjentisti tagħna jgħidulna li f’ġisimna aħna għandna l-qawwa li niġġieldu lill-mard. Mela għandna dik li bl-Ingliż ngħidulha: immunity system. Bi lsienna hi s-sistema immunitarja. Din is-sistema immunitarja tipproteġina kontra l-mard li l-ħin kollu jipprova jkissirna. Issa, is-sistema immunitarja ma tissaħħaħx waħedha. Anzi! Biex tissaħħaħ għandna bżonn il-koperazzjoni sħiħa tagħna. Kien għalhekk li, skont xi xjentisti, is-sistema immunitarja għandha bżonn ta’ għajnuniet biex dejjem isaħħuħha ħalli tkun dejjem lesta biex tiġġieled u tqatta’ bi snienha sabiex jseħħilha tħarsina mill-mard li jkun irid jdgħajjef inkella jeqred l-istess saħħitna.

Fost is-suġġerimenti mill-aktar għaqlin li jgħidulna t-tobba, bil-għan li nsaħħu din is-sistema immuntarja, insibu l-ikel tal-frott u l-ħxejjex. Isemmu wkoll l-eżerċizzju u l-irqad meħtieġ. Jissuġġerulna wkoll li naħslu jdejna u nitlaqqmu kontra l-influwenza. Ma rridux ninsew lanqas il-piż tagħna. Mela, biex l-immunità tagħna tkun tajba irridu jkollna l-piż tajjeb. U ħallina mill-ħafna xorb tal-alkoħol u, ovvjament, ngħidu bye bye lis-sigaretti. Mela bħali taqblu li biex is-sistema immunitarja tagħna tkun b’saħħitha, jiena u int irridu nxammru jdejna u nagħmlu xi ħaġa. Ma nistgħu qatt ngħidu: La hemm is-sistema immunitarja toħodli ħsieb saħħti hi! Imma jien niekol, nixrob u npejjep kemm irrid kont u niekol, nixrob u npejjep kemm irrid se nibqa’!

Issa jekk ġismi u ġismek għandu s-sistema tal-immunità tiegħu mela aħseb u ara ruħi u ruħek għandhiex bżonn is-sistema immunitarja divina! Imma, u bir-raġun, tistaqsini: Kif taf Patri? L-ewwel nett, naf għax qalilna Ġesù stess. U t-tieni, l-għaliex l-istejjer ta’ ħajjitna jfakkruna f’dan. L-aktar meta kollox jibda’ ġej ħażin! Ħaġa wara l-oħra!

Għedtilkom li kien Kristu stess li qalilna li aħna għandna din l-immunità. Tiftakru meta l-appostli kienu miegħu fl-Ġnien taż-Żebbuġ? Ftit qabel ma ġie arrestat u għadda minn passjoni ħarxa issemmix? Nafu li, fil-Ġnien taż-Żebbuġ, Ġesù kien qed jikkumbatti għal ruħek u ruħi. Ruħ b’ruħ kontra x-xitan. Issa, biex waqaf lix-xitan, żgur li ma kienx se juri ruħu kemm hu buli b’ħafna paroli fil-vojt u dagħa. Għax kif wieħed jista’ isikket lix-xitan billi jagħmel bħalu? Iparla fil-vojt u jidgħi? Tkun bla sens il-ħaġa! Veru? Imma Ġesù, ta’ Bniedem-Alla li hu, lix-xitan waqaflu bit-talb!

Jgħidilna t-test bibbliku: Mexa kemmxejn ‘il quddiem, nxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26 :39). Imbagħad, lid-dixxipli tiegħu, li kienu fl-inħawi ta’ dik il-battalja li kien għaddej minnha, x’qalilhom? Jissokta San Mattew: Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru: “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef” (Mt 26 :40-41). Mela, skont Ġesù, biex nirbħu l-kumbattimenti li jkollna fl-ispirtu tagħna irridu NITOLBU! Inkella, jekk se norqdu u nibqgħu iċċassati u nibqgħu neqirdu fuq xi ġralna, ix-xitan ma jħalliniex nitolbu. U hekk ikompli jagħmel ħerba minna!

Barra minhekk, il-Kelma ta’ Alla tfakkarna wkoll li l-mard irrażnuh bil-qawwa tat-talb. L-Ittra ta’ San Ġakbu tgħidilna ċar u tond: Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej; it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajjmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu. Stqarru wieħed lill-ieħor in-nuqqasijiet tagħkom u itolbu għal xulxin, biex hekk tfiqu. It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira (Ġak 5 :14-16). Li joħroġ ċar kristall minn dan it-test hu li s-Sagrament tad-Dlik tal-Morda huwa sagrament tal-fejqan fil-ġisem, u, fuq kollox, tar-ruħ. L-għaliex la l-għadu jattakka kemm lill-ġisem u kemm lir-ruħ bil-mard u bid-dnub allura l-fejqan irid isir kemm fuq il-ġisem u kif ukoll fuq ir-ruħ!

Ruħna għandha l-immunità tagħha kontra l-mard u d-dnub. Imma biex tkun soda, bħall-immunità tal-ġisem, l-immunità tar-ruħ għandha bżonn tisma’ il-Kelma ta’ Alla, tieħu sehem fl-Ewkaristija ta’ spiss ħa titmantna bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, tqerr, tqatta’ ħin quddiem Ġesù Sagramentat f’adurazzjoni u titlob dak ir-Rużarju u l-Kurunella. U, sintendi, nipprattikaw il-maħfra lejn min naqasna u l-ħniena lejn il-batut.

Hekk, din l-immunità spiritwali tbegħdna mill-mard tal-ġisem u tar-ruħ. Tant li, dak li daħal, irid jew ma jridx, ikollu joħroġ jiġri ‘l barra minn fejn ġie!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.