Issa li bdiet is-sħana


It-temperaturi kulħadd, tista’ tgħid, jaf jaqrahom. Iżda, anki jekk forsi mhux kulħadd, min għal raġuni u min għal oħra, ma jistax jaqrahom, is-sħana kulħadd iħossha!

Omm Mà! Xi sħana qed tagħmel! Barra tista’ taqli bajda! U tagħmel Barbecue bil-libertà kollha! Is-sħana! Xi sħana! Is-sħana li [suppost] tagħmilna ferħana! Għax tkarkarna lejn xatt il-baħar. Ħa ngħumu għawma. Imma dan, fil-verità, nistgħu nagħmluh f’kull ħin tal-ġurnata? Naffordjaw immorru ninqlew ħdejn il-baħar? Fuq il-blat? Inkella fuq ir-ramel?

Mill-esperjenzi l-imgħoddija tiegħi fejn, ridt jew ma ridtx, kelli mmur fix-xemx għall-ġranet sħaħ il-baħar, illum żgur li ngħid LE! U ngħidha minn qalbi! Irridu nammettu li l-klima issa hi dik li hi. Għalhekk, filwaqt li m’hemmx bżonn li ningħalqu f’xi kamra bl-air conditioning ittieha lejl u nhar, irridu nieħdu ħsieb saħħitna. U naġixxu bl-akbar għaqal! Ma nistax le naqbad u nqatta’ ġranet il-baħar mingħajr protezzjoni ta’ xejn! Noqgħod nixxemmex mingħajr xi sun block. Jew inkella ma nsibx post kenni mill-qilla tas-sħana tax-xemx.

Saħħitna rridu nieħdu ħsiebha. Mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikel. Mela x’nitfa’ fil-ħawsla. Imma wkoll kemm nesponi ruħi għax-xemx qalila li hawn bħalissa. Barra minhekk, issa li ġiet is-sħana, ejjew nieklu aktar ikel sajfi li jiffriskana. U hekk jagħmlilna xebgħa ġid. Bħalissa tiġini quddiem għajnejja l-insalata. Ejjew nagħmlu biżibilju salads. Filwaqt li nixorbu kemm nifilħu l-ilma. Ħa jagħmel tajjeb għall-kwantità kbira ta’ għaraq li nitilfu f’dawn iż-żminijiet.

Issa li bdiet is-sħana nagħmlu tajjeb ukoll jekk norganizzaw dak il-barbeque sabiħ fuq il-bejt tad-dar. Jew f’xi post ieħor. Ħalli l-familja tinġabar. L-istess diskors jgħodd wkoll għall-ħajja tal-komunità. Barbecue jiġbor lil kulħadd flimkien. U, fil-preżenza ta’ dak l-ikel tajjeb u mixwi fuq il-Barbecue, niftakru u nemmnu li b’ikla flimkien il-ħitan ta’ bejnietna, għall-grazzja tal-Mulej, jibdew jinħattu. L-għaliex, quddiem dak l-ikel u l-atmosfera ta’ rilassament, nibdew nintebħu u nemmnu li jekk trid li kollox jikkrolla ibqa’ ikkontrolla! Mela ħallik mill-kontroll! Għax il-Mulej bagħtek biex tħoll u mhux biex iżżid il-kontroll!

Ah! Li kieku jaħasra dan il-kliem jinżel għasel bħalma jinżel hamburger tajjeb jew xi biċċa zalzetta daqshiex ma’ dak il-bott birra kiesaħ li jiffriska l-istonku! U int min qallek li l-istonku m’għandux bżonn jiffriska ruħu mill-ħafna tensjonijiet li jiġbor fih matul iż-żmien? Speċjalment dawk it-tensjonijiet li ma jagħmlux ġid lill-ħajja ta’ bejnietna fil-familja u fil-komunità? Għax, f’dak in-nar tal-barbecue, dejjem hemm tagħlima x’nitgħallmu: ħadd ma nħalaq biex jiġi impoġġi f’xi vetrina jew inkella fuq xi skaffa. Ħadd ma nħalaq biex jiġi immanettjat. Lanqas b’manetti tad-deheb inkella b’forma ta’ kurċifiss!

Ġesù, fil-vanġelu, jgħallimna, li għandna Missierna. Li Hu fis-Smewwiet. Li ħalaqna ħielsa. Anki biex inħobbuh. U ma jrid qatt jagħsrilna l-kuxjenza tagħna u jġibna ħajta fuq ix-xejn biex jikkontrollana. Għax jaf li jridna nħobbuh bil-libertà u mingħajr xkiel ta’ xejn.

Mela issa, li bdiet is-sħana, ejja niffriskaw il-ħajja ta’ xulxin billi nieħdu ħsieb xulxin għax nirrispettaw id-deċiżjonijiet li nieħdu. Nibqgħu noffru id il-ħbiberija tagħna. Anki jekk ma naqblux ma’ dawn id-deċiżjonijiet. Wara kollox min jifhem moħħ u qalb il-bniedem? (S 64:7), għajr Missierna li ħalaqna?

X’lussu li nibqa’ nħobb mingħajr ma nimponi fuq ħadd!

Patri Mario Attard OFM Cap