Ħadd il-Baħar u d-drittijiet ta’ kull min jaħdem fuq il-baħar


F’messaġġ għall-Jum annwali dedikat lill-baħar, is-Santa Sede għamlet sejħa biex jitħarsu d-drittijiet ta’ kull min jaħdem fuq il-baħar. Għall-okkażjoni l-Papa Franġisku bagħat tweet li fiha qal li hu jitlob għall-baħħara u għall-familji tagħhom, u żied jgħid li għandu jsir kull sforz biex jitħarsu huma u d-drittijiet umani tagħhom.

sailors

Il-Kadrinal Peter Turkson, Prefett tad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Promozzjoni Integrali tal-Iżvilupp Uman, ħareġ messaġġ li fih għamel sejħa lill-organiżżazzjonijeit internazzjonali biex flimkien mal-gvernijiet u kull min għandu x’jaqsam mad-dinja marittima jipproteġu u jħarsu d-drittijiet ta’ kull min jaħdem fuq il-baħar.

Ir-rwol ta’ dawn in-nies hu kruċjali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, żied jikteb il-Kardinal, u jkun tajjeb li nieqfu ftit biex nirriflettu kemm hu importanti xogħolhom biex aħna jkollna l-kwalità fil-ħajja. Dawn huma nies li għal xhur sħaħ jgħixu f’ambjenti ristretti, bogħod mill-familji tagħhom f’kundizzjonijiet iebsa u ta’ periklu.

Fil-wiċċ ta’ dawn il-baħħara, il-Kardinal Turkson jistedinna naraw il-wiċċ ta’ Kristu u minkejja l-konfużjoni tal-lingwi differenti, aħna mistednin nitkellmu l-lingwa ta-imħabba nisranija li tilqa’ lil kulħadd u ma teskludi lil ħadd.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija