Riħ sħun, riħ kiesaħ: riħ wieħed!


Ir-rebbiegħa li għaddiet kienet naqra waħda makkaka. U, jaħasra, kien hawn min safa vittma tal-makkakerija tagħha. L-għaliex spiċċa bela’ xi riħ! U ħa ngħidilkom: kien hawn min dam itabbab ma nafx kemm!

Hekk jiġri ħbieb fil-ħajja! Jiġu dawk il-mumenti fejn ikun hemm ir-riħ sħun u dak kiesaħ. L-irjieħ jitħalltu. U viva l-irjieħat! Imma dan li qed ngħid u naqsam magħkom illum huwa biss preludju, introduzzjoni, għal dak li l-Mulej poġġieli f’qalbi u li jien, fid-dmir tal-imħabba li taqsam kollox, inħoss li għandi naqsam magħkom.

Wieħed, milhux, qalli din l-esperjenza. Kont għaddej. U, f’daqqa waħda, nara persuna li lili, ma nafx għaliex, l-għaliex, u sa fejn naf jien, m’għamiltilha qatt xejn, fettlilha ma tkellimnix. Insomma! Kont għaddej u rajtha f’diffikulta kbira. Għall-ewwel għamlitli demm li nibqa’ għaddej u nħallieha hemm. Iżda, il-kurċifiss li għandi fuqi ħassejtu f’dak il-waqt, bit-toqol tiegħu, joħodni lejha. Ħa nara xi ġralha. U kif għandi ngħinha. Imbagħad, wara li staqsejtha u kollox deher taħt kontrol, inkun qiegħed f’post ieħor. U nara persuna oħra, li tiġi minni. U li din il-persuna aqta’ kemm għamlitli ħsara. U hawn, u ma nafx l-għaliex, x’ħin rajtha ġejja lejja ma stajtx nagħmel ħaġa oħra għajr li naħrabha.

Hemm huma ħbieb! Iż-żewġt irjieħat! Ir-riħ sħun u r-riħ kiesaħ! Ir-riħ tal-imħabba taħraq bil-ħniena. Li, għalkemm kienet offiża, u mġerrħa, tista’ tgħid, għal xejn, xorta waħda tiġri lejn min ma jiflahiex ħajja. Xorta waħda tmur tara x’għandu bżonn min ipprova ikisrilha r-reputazzjoni tagħha. Din l-imħabba, dan ir-riħ sħun, li quddiem il-kesħa tal-istmerrija xorta waħda toħroġ mill-qalb biex tmur taqdi lil qalb oħra muġugħa.

Imma l-istorja ma tieqafx hawn! L-istess qalb, li tkun influwenzata mir-riħ sħun tal-imħabba, terġa’ tiltaqa’ ma’ qalb oħra. U li, din il-qalb, ukoll tkun trid tweġġagħha. L-għaliex tkun trid tgħabbilha piż li hi mhux ħatja tiegħu. Għalhekk il-qalb, li ftit qabel tkun għadha kemm tat l-imħabba, għad-dehra tal-persuna l-oħra li fl-imgħoddi tkun weġġagħtha sewwa, terġa’ tieħu ħasla ilma kiesaħ bil-kif. Mela l-istess bħalma kienet għaddiet fl-ewwel esperjenza. Imma issa, u ħaġa tal-għaġeb, dik il-qalb ma jkollhiex aktar forza. Ma tħosshiex daqshekk qawwija li taffronta lil qalb oħra li mxiet b’mod żonqri magħha. U x’jiġri? Jiġri li tfittex it-triq tal-ħarba. Biex ma tiltaqax le mal-qalb li kienet feritha, bla ħniena ta’ xejn, fil-passat.

Din hi l-istorja tar-riħ sħun u dak kiesaħ. Din hi l-istorja ta’ kif, l-istess qalb umana, li għal darbtejn tkun soffriet iż-żewġ naħat tal-ħajja umana, iġġib ruħha quddiem dawn is-sitwazzjonijiet. Ejjew ngħiduha kif inhi: mhux faċli li tiltaqa’ ma’ żewġ persuni li jkunu weġġgħuk ħafna f’radda ta’ salib! Wieħed irid ikun umli u veritieri billi jammetti li esperjenzi bħal dawn hemm marbuta magħhom xokk. Aktar u aktar meta wieħed ma jkunx qed jistenna, imqar f’mitt sena, li se jgħaddi minn esperjenza bħal din. F’kustjoni ta’ tlett kwarti! U f’postijiet għal kollox differenti minn xulxin!

Imma ħbieb il-ħajja hi din! Għandha s-sorpriżi tagħha! U sorpriżi minn kull għamla! Madankollu ejja iżda ma naqtgħux qalbna meta dawn l-esperjenzi jiġrulna. L-għaliex aħna ilkoll taħt l-istess sema qiegħdin ngħixu! Veru! Mhux ċajta li taffaċċja persuni li jkun qed iweġġgħuk. U li, safejn taf int, ma tkun għamiltilhom xejn. Bħalma mhux ċajta hi l-esperjenza li taffaċċja nies li, għax tkun qalbek kbira magħhom jippruvaw jipprofittaw ruħhom miegħek. U, minn fuq, il-ħtija u r-responsabbiltà jew in-nuqqas tar-responsabbiltà tagħhom iwaddbuha fuqek!
Imma anki f’dawn is-sitwazzjonijiet minnhom irridu nitgħallmu! L-ewwel nett, ma rrid qatt nippretendi li sa nogħġob lil kulħadd. Għal diversi raġunijiet jista’ ikun li l-komportament tiegħi, anki jekk jaf ikun sempliċi u nieqes għal kollox minn kull ħażen, jaf ikun ta’ theddida għal min ma jafda lil ħadd. Lanqas lilu nnifsu! Sintendi! Il-problema ma tkunx l-imġieba tiegħi daqskemm l-insigurtà kbira u miskina li jkun hemm f’dik il-persuna.

It-tieni, u din irridu nammettuha wkoll, teżiżti dik li jgħidulha għira! Hawn min jgħir fuq ix-xejn! Aħseb u ara mela jekk dan il-proxxmu, meta jqabbel ruħu ma’ ħaddieħor u jibda’ jarah jinqata’ u jinqata’ lura, ara kif isir! Imma anki hawn ħbieb irridu nkunu lesti li se nsibu min, għal xi raġuni jew oħra se jgħir għalina. U, miskin u miskina, irridu iva nbierku u nitolbu għal dawn l-aħwa.

Barra minhekk irridu nifhmu wkoll li l-maħfra m’hix ċajta. Jiġu stejjer fuqna, eżattament kif fissirli dan il-proxxmu, li l-ħaġa tiġi hekk. F’daqqa waħda! Għamel sewwa ħafna dan il-persuna li ħalla lilu nnifsu jinġar mill-kurċifiss li jilbes madwar għonqu! Għamel sewwa li ħalla t-toqol ħelu ta’ dan il-Kurċifiss ifakkru li l-maħfra, għalkemm għandha t-toqol tagħha, biss hija tant u tant ħelwa meta tingħata! U l-maħfra għandha r-relevanza meta npattu bil-ġid lil dawk li jkunu mxew magħna b’tant kefrija.

Fl-aħħar nett, sitwazzjonijiet bħal dawn juruna li aħna bnedmin. U ġieli, biex nipproteġu ruħna, insibuna naħarbu minn ċirkustanzi li jiskomodawna. Imma ejja ma nagħmlux storja meta jiġri hekk. U, bħal dan ir-raġel, meta reġa’ ġie f’sensieh wara t-tieni xokk, talab minn qalbu għal dak il-proxxmu qarib tiegħu li tant għamillu l-ħsara.

Hekk il-ħajja! Riħ sħun! Riħ kiesaħ! Riħ wieħed! Spirtu! Imma, u wara kollox, ħa jirbaħ fina r-Riħ tal-irjieħat! L-Ispirtu s-Santu!

Spirtu s-Santu, onfoħ fija n-nifs qaddis tiegħek. Kull ħin u kull mument. Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap