Ċelebrazzjoni mill-Fakultà tat-Teoloġija


Fi tmiem is-sena akkademika 2018-2019, għadd ta’ studenti, alumni u staff tal-Fakultà tat-Teologija ngħaqdu għal ċelebrazzjoni ta’ għeluq is-sena akkademika fil-kappella tal-Università. Matul l-attività l-istaff u l-istudenti rringrazzjaw ukoll lil Dun René Camilleri fi tmiem is-servizz tiegħu bħala Senior Lecturer fil-Fakultà. Dun René beda jgħallem fil-Fakultà tat-Teologija fl-1984.

d5w_7188_2719192812-pano.156326656922.jpg

Waqt il-Quddiesa, Dun René qasam riflessjoni fuq is-silta mill-Evanġelju tal-gurnata (Mt 8, 23-27). Qal li d-dgħajsa tal-ħajja personali tagħna u d-dgħajsa tal-ħajja tal-Knisja, inkluż dik lokali, spiss ikunu mħabbtin bil-mewġ bħalma kienet id-dgħajsa tad-dixxipli meta nqabdu fil-maltemp. Madankollu, riflessjoni teologika b’saħħitha għandha l-kapaċità tagħtina stabbiltà, tama u fidi biex inkomplu l-vjaġġ minkejja l-mumenti ta’ taħbit u qtigħ il-qalb.

Fil-messaġġ tiegħu, id-Dekan tal-Fakultà Dun John Berry irringrazzja lil Dun René għas-servizz twil tiegħu fil-Fakultà tat-Teoloġija. Semma li bġalissa l-Fakultàqed tilqa’ applikazzjonijiet għal dawn il-korsijiet: Diploma jew Master fl-Istudji Reliġjużi, Baċellerat jew Master fit‑Teoloġija, Master fil‑Bijoetika, Master fl‑Etika tan-Negozju, u Master ġdid fl‑Etika Ambjentali. Dun John fakkar li l‑Fondazzjoni għall‑Istudji Teoloġiċi qed terġa’ toffri għaxar boroż ta’ €2,000 għal min japplika għal dawn il-korsijiet.

Aktar dettalji dwar il-korsijiet u l-applikazzjoni: www.um.edu.mt/theology/courses

Aktar dettalji dwar il-boroz ta’ studju: www.um.edu.mt/theology/bursaries

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti