Kappillan ġdid għall-Parroċċa tal-Fontana


It-Tlieta, 23 ta’ Lulju 2019: L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għadu kemm ħatar lil DUN SIMON MARIO CACHIA, mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri (il-Belt Victoria), bħala l-ħdax-il Kappillan tal- Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Fontana, wara li l-Kan. John Muscat temm il-ministeru li kien beda fl-2013.

dun-simon-mario-cachia.jpgDun Simon twieled fil-Belt Victoria fis-7 ta’ Novembru 1985. Wara l-formazzjoni fis- Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, huwa ġie ordnat saċerdot fit-28 ta’ Mejju 2011. Wara l-Ordinazzjoni, kompla l-istudji tiegħu fil-Pedagoġija u t-Teoloġija fl-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma, filwaqt li kien ukoll kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja fl-istess djoċesi.

Lura Għawdex f’Settembru 2015, ġie maħtur Delegat tal-Isqof għall-Katekeżi u kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem. Huwa wkoll lekċerer tal- Kateketika fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù.

Sakemm jieħu l-pussess kanoniku tal-parroċċa, Dun Simon se jkun Amministratur Parrokkjali.