Ħa ngħidilkom mhux ngħallimkom!


Kont qed nieħu kafè. F’għodwa mill-isbaħ. B’sema ikħal nir issemmix! Dak it-tip ta’ sema li jgħidlek: Iċċassa lejja ħi! Ngħidilkom is-sewwa, f’dak il-jum, il-kafè aqta’ kelli tabilħaqq kelli bżonnu! Għax, u issa irrid inkun fuq li nkun sinċier, kelli bżonn iva dik l-imbuttatura biex biha nibda’ il-ġurnata! Fejn tafu x’ġarali! Dak illejl mhux għax tant stajt norqod tafux! Ħallieha li dħalt fuq li dħalt kmieni wara jum ta’ xogħol mill-kbar nett fil-jum ta’ qabel! U dan biex forsi nagħlaq għajn m’għajn. Intant …

Mela kont isfel. Eżattament bilqiegħda ħdejn ġuvni u koppja anzjana. Bħas-soltu… infendu dik il-kelma filgħodu! U qalb id-duħħan tal-kafè. Meta, u wara li ħadt dak l-imbierek kafè li niżilli għasel, għodu għodu, qomt u kont sejjer kollox. Madankollu, u ma nafx l-għaliex, fettilli dort mill-ġdid lejn dawn l-aħwa li kelli quddiemi u għedtilhom minn qalbi din il-frażi: Ħa ngħidilkom mhux biex ngħallimkom! X’ħin din il-frażi ħarġet minn fommi ma stajtx ma nieqafx fuqha! Dan l-għaliex din kienet frażi tassew qawwija! Ħallieha li r-rima tagħha kienet perfetta. Imma, minn ġo fiha stess, l-Ispirtu s-Santu għallimni waħda kbira! U, eżattament, bħalma għedt lin-nies ta’ quddiemi: L-Ispirtu s-Santu jgħallimni b’dak li jkun ħareġ minn fommi stess! Amen!

Ħa ngħidilkom mhux biex ngħallimkom! Tajba din! Imma, din il-frażi, x’fiha speċjali? Ħa nibdew bl-ewwel frażi: Ħa ngħidilkom. M’hemm xejn enfażi fuqha. Hi biss sempliċi asserzjoni. Ħa ngħidilkom. Jiġifieri, ħa naqsam dak li hemm f’qalbi magħkom. Ġeneralment, meta n-nies jisimgħu lil xi ħadd jitħaddet minn qalbu aqta’ kemm jieħdu gost! Ġieli smajt min qal: Ajma! Għall-erwieħ! Mela bħalma jgħidu ħafna nies għad-diskorsi spontanju ta’ Papa Franġisku! Dawn id-diskorsi hekk sbieħ u għanja fl-għerf tal-Mulej u tal-bniedem li se jibqgħu mnaqqxa fl-istorja mhux biss tal-Knisja iżda anki f’dik tal-umanità. Għax fihom, dawn id-diskorsi jippreżentawlna l-qalb ta’ Kristu, miftuħa! Għalina l-bnedmin! U miftuħa fis-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha illum.

Semmejt il-qalb! Imma x’jgħidilna għerf il-Mulej fil-bniedem li ħalaq dwar il-qalb? Xi awturi jgħinuna ninżlu fi profondità kbira fil-misteru tal-qalb. Illum se noqgħod bilqiegħda u nieħu gost nitgħallem minn dawn iż-żewġ kittieba kbar li aqta’ kemm għandhom x’jgħallmuni dwar il-qalb! Wieħed minnhom hu Franċiż filwaqt li l-ieħor hu Russu. Ħa nibda’ mill-Franċiż, jiġifieri Antoine de Saint-Exupery. Hekk jgħidilna dan il-kittieb, poeta u pijunier fl-avjazzjoni dwar qalb il-bniedem: Huwa biss mill-qalb li wieħed jista’ jara sewwa; dak li hu essenzjali hu inviżibbli għall-għajnejn.

Imbagħad, bl-istess ajruplan li kien itajjar Antoine de Saint-Exupery, se niġbduha issa għall-Lvant. Sewwa sew għar-Russja. Fejn hemmhekk se nduqu mill-benna tal-Ispirtu s-Santu fil-kitbiet tal-kittieb kbir Leo Tolstoy. Tolstoy illum għandu tlett ħsibijiet mill-isbaħ x’joffrilna dwar il-qalb. L-ewwel, hemm xi ħaġa fl-ispirtu uman li tibqa’ ħajja u għaddejja. Hemm dawl żgħir ileqq fil-qalb tal-bniedem li ma jintefiex. Issir kemm issir imdallma d-dinja. It-tieni, bħalma xemgħa tixgħel oħra u hekk tista’ tixgħel eluf ta’ xemgħat oħra hekk ukoll qalb waħda tixgħel qalb oħra u tista’ iddawwal eluf ta’ qlub oħra. It-tielet, hemm ħafna mħabbiet daqskemm hemm qlub.

Bl-għerf kbir li ta lil dawn iż-żewġ kittieba l-Mulej għenni nifhem kemm hu tabilħaqq importanti li jien niffoka fuq Ħa ngħidilkom. U dan nagħmlu għas-spejjes tal-frażi l-oħra: ħa ngħallimkom! Dan l-għaliex, meta qed ngħidilkom, qed niftaħ qalbi magħkom. Għax, u skont dawn l-awturi, ħa ngħidilkom tfisser li jien qed nara sewwa, u mhux imċajpar, dak li ma nistax nara b’għajnejja tal-ġisem. Mela, ħa ngħidilkom qed tmur għall-essenzjal u mhux għal dak li hu superfiċjali. U qoxra. Fi ftit kliem, din il-frażi qed tgħinni mmur għal dak li ma jagħmilx storbju imma li jaqleb kollox ta’ taħt fuq. Għax jibdel mis-sisien u m’għandux għalfejn ibiegħ lilu nnifsu f’dak il-ħafna storbju li jispiċċa jinħela għax itir mar-riħ. Imbagħad, ħa ngħidilkom tfakkarni li dak li qed ngħid mhu se jieqaf qatt. Anzi! Se jibqa’ fuq li jibqa’ għaddej! Għax, dak li qed ngħid hu dawl żgħir ileqq. Imma ħej, li ma jintefiex! Anki jekk madwari ma jkollix għajr dalma fuq oħra!

Minnha innifsha, il-frażi ħa ngħidilkom turini li fiha hemm d-dawl ta’ dejjem. Id-dawl ta’ Dak li qalilna hu stess: Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom (Ġw 15:15). U, dan id-dawl, li hu l-istess dawl ta’ Dak li qal u għex dawn il-kelmiet eterni, jixgħel iva bi mħabbtu l-eluf ta’ qlub oħra. Minn xemgħa waħda! Minn qalb miftuħa! Fl-aħħar nett, ħa ngħidilkom twassalni biex nifhem li fil-ħajja hemm għadd ta’ mħabbiet. Liema mħabbiet joħorġu minn fomm li jgħid il-frażi ħa ngħidilkom. Biex, u sintendi, jidħol fil-widnejn u fil-qlub ta’ min ukoll għandu ħafna mħabbiet. Mhux biss qalb għal kull imħabba iżda ukoll imħabbiet fl-istess qalb.

Madankollu, il-frażi ħa ngħidilkom qatt le ma toħodni f’ħa ngħallimkom! M’għandhiex għalfejn! Għax dan tagħmlu mingħajr anqas biss ma tkun taf li qed tagħmlu! Wara kollox kien il-Papa San Pawlu VI li dan lili għallimhuli meta kiteb fl-enċiklika tiegħu dwar it-tħabbir tal-evanġelju fid-dinja tallum, Evangelii Nuntiandi: “Il-bniedem tallum hu miftuħ biex jisma’ aktar lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jisma’ lill-għalliema dan l-għaliex ikunu xhieda” (nru.41). Dan il-kliem San Pawlu VI kien qalu f’diskors li kien għamel lill-Membri tal-Kunsill tal-Lajċi, nhar it-2 t’Ottubru 1974. Mela lill-lajċi! Għax il-lajċi dan hu li jistennew minn Patri u saċerdot bħali!

Ejjew inkunu għaqlin u mhux nippretenduha li aħna xi għalliema! Ejjew naqsmu b’umiltà u b’qalb kbira dak li l-Mulej jgħallimna bih! U, għax kelli l-grazzja li niġi imrobbi hekk mill-Kapuċċini ma nieqafx le inberrikom tul ħajti kollha u niżihom ħajr għal din l-attitudni għaqlija, f’waqtha u ta’ ħniena li għallmuni!

Ħa ngħidilkom mhux ngħallimkom!

Patri Mario Attard OFM Cap