Is-Sorijiet Dixxipli tal-Ħaruf jgħixu fiċ-ċentru ta’ Franza u huma l-ewwel komunità kontemplattiva fid-dinja li jilqgħu fil-ħajja kkonsagrata persuni bid-Down Syndrome. Il-Komunità għandha devozzjoni speċjali lejn San Benedittu u Santa Tereża ta’ Lisieux bdiet fis-snin tmenin. Il-Liġi Kanonika u r-regoli monastiċi ma jitkellmux dwar persuni b’diżabbiltà mentali fil-ħajja reliġjuża u għalhekk l-ewwel żewġ membri tal-komunità damu 14-il sena jaħdmu biex jaraw l-istatut ta’ din il-komunità speċjali jiġi rikonoxxut.
Bħalissa l-komunità hija magħmula minn għaxar sorijiet u tmienja minnhom għandhom id-Down Syndrome għalhekk hemm xewqa kbira li jingħaqdu aktar sorijiet għaliex il-membri bid-Down Syndorme jeħtieġu għajnuna u sapport. Ir-rutina tal-jum jagħmilha ħafna faċli għas-sorijiet biex jadattaw. Minbarra l-quddiesa dawn is-sorijiet jieħdu sehem f’bosta attivitajiet bħal fuħħar u nsiġ u tkabbar ta’ xtieli mediċinali.
Waħda mis-sorijiet li għandha d-Down Syndrome fissret kemm hi ferħana għax tħobb il-ħajja u titlob ħafna għat-tfal bid-Down Syndrome li mhux se jħossu din l-istess imħabba għax ma jitħallewx jitwieldu. Fi żmien meta s-soċjetà m’għandhiex punti ta’ riferiment, m’għadhiex issib raġuni fil-ħajja jew itttiha valur, din il-komunità tixtieq tafferma mill-ġdid il-karattru sagru tal-ħajja u tal-persuna umana permezz tax-xhieda sempliċi ta’ dawn is-sorijiet fil-ħajja kkonsagrata.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija